04 ta' Marzu 2007
12-il unur f’ħames staġuni, il-firda u stallett f’dahru
Li tirbaħ kampjonat, tliet FA Trophies, ħames Super Cups, żewġ Super Five Cups u Lowenbrau Cup f’ħames staġuni ma’ Birkirkara mhux biżżejjed. Biex tkun kowċ ta’ dan it-tim trid tirbaħ dak kollu possibbli għax jekk tfalli f’xi ħaġa, lesti ruħek għall-insulti u t-theddid.
Jekk int kowċ u għandek f’moħħok li tmexxi lil dan it-tim, ħu l-parir tiegħi qabel ma tagħmel xi pass ta’ dan it-tip fil-karriera tiegħek. Jekk taħseb li tista’ tirbaħ kollox il-ħin kollu, allura dan il-post hu addattat proprju għalik. Anke jekk il-filmati tal-kampjonat Premier ikkundizzjonaw il-programm Pre-Match li kont nipproduċi u nippreżenta l-istaġun li għadda, bqajt ma nsejtx fejn huma l-uffiċini ta’ l-istazzjon, Education 22. Il-bini jinsab fil-post fejn twelidt u trabbejt għal 27 sena, u Triq Milend baqgħet bl-istess kastig tal-parkeġġ.
Hekk kif rajt il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista bil-bieb miftuħ u b’ċerti nies distinti jagħmlu triqthom għal ġewwa, indunajt li ġejja l-istess storja li biex tipparkja l-karozza, mission impossible. Fi Triq il-Kbira anqas biss ħlomt biex insolvi din il-problema, konxju li intervista taf tiġik Lm10….u viva l-gwardjani lokali!
L-appell tiegħi jibqa’ biex min hu responsabbli, jaħseb bl-akbar serjetà kif se jsolvi l-problema tal-parkeġġ fil-Ħamrun.
Ma’ Stephen Azzopardi kont miftiehem fil-4.45pm. Wasat 10 minuti tard. Żgur li ma kien se jgħidli xejn wara staġun naħdem miegħu.
Kif nasal nispara ruħi fl-uffiċċju tiegħu. Kellha tkun l-aħħar intervista tiegħu miegħi fejn jikkonċerna Birkirkara. Fir-risposti tiegħu rajt lil Stephen iddispjaċut li r-riżultati traġiċi li ħadu Birkirkara fl-aħħar ħarġiet, donnu ħa t-tort tagħhom hu biss.
Stephen irriżenja, jew ġie mġiegħel jirriżenja jew tkeċċa bil-pulit jumejn ilu wara nofsinhar. Bejni u bejn ruħi stennejtha. Mid-dehra, l-unuri li rebaħ, speċjalment bl-aħħar kampjonat ftit tax-xhur ilu ntesa’ mill-ewwel mid-diriġenti u l-poplu Karkariżi. Xorta bqajt insejjaħlu kowċ.....
L-uffiċini li jmexxi hu bħala l-kap ta’ l-istazzjon żgur li huma rilassanti u sereni minn Birkirkara FC fil-preżent. Wara staġun naħdem miegħu u narah kważi kuljum minn dejjem skantajt kif ilaħħaq maż-żewġ karrieri li kultant kien jinħakem minn pressjoni kbira.
“Mistoqsija diffiċli għax Stephen Azzopardi ’l bogħod mill-futbol hi rarità. Ħajti ilha disa’ snin involuta fil-futbol, u llum il-ġurnata ma nistax narani ’l bogħod mil-logħba. Fil-ftit sigħat rilassat li kont insib matul il-ġimgħa dejjem żammejt ruħi okkupat. Ridt nara kif se nqassam ħajti bejn ix-xogħol, il-futbol, il-mara u t-tfal. Inħobb ħafna t-televiżjoni u hi l-aktar ħaġa li tirrilassani meta nkun kwiet.
“Diffiċli ħafna biex tlaħħaq ma’ żewġ xogħlijiet. Fit-tnejn li huma kont nagħti l-massimu tiegħi u l-karriera ta’ kowċ dejjem qistha bħala full-time job tiegħi ukoll. Sfortunatament f’dal-pajjiż diffiċli biex il-futbol ikun l-uniku xogħol tiegħek. Ix-xogħol fix-xandir jagħtini ħafna passjoni u ninsab kuntent ħafna bil-pożizzjoni tiegħi bħala kap ta’ Education 22. Kemm ili f’din il-kariga qed norqod ħafna anqas milli suppost.”
Stephen Azzopardi twieled fis-27 ta’ Awissu 1967. Miżżewweġ lil Ingrid u missier ta’ Katya ta’ 8 snin u Sean ta’ 3 snin. Personalment inħoss li biex ta’ 39 sena rebaħ tant, hi xi ħaġa kbira u żgur li mhux xi ħaġa li jagħmilha kull kowċ.
“Il-futbol hu passjoni għalija. Il-fatt li kont il-kowċ ta’ Birkirkara hu unur kbir għalija. Hu wieħed mill-aqwa clubs tal-pajjiż u dejjem ħlomt li nkun kowċ tagħhom. Irnexxieli u għamilt aktar minn 5 snin. Bejni u dak kollu li għandu x’jaqsam mar-raħal inbniet ċerta relazzjoni li marret lil hinn mill-fatt li kont sempliċi kowċ u ridt noqgħod attent ħafna biex is-sentimenti ma jirkbux il-ħsibijiet.
“Jien kont kowċ ukoll ta’ Balzan Youths qabel Birkirkara. Għadni nsegwihom sal-lum u għandi rapport mill-aqwa magħhom. Hu żmien li ma ninsih qatt għax kienu l-Balzanin l-ewwel nies li emmnu fil-kapaċitajiet tiegħi.”
Minn kampjonat li kien mitluf, ftit setgħet kienet ħolma tat-tieni trijonf infila. Stephen jirrakkontali x’kienu l-miri prinċipali tiegħu qabel ma rriżenja.
“L-għanijiet kienu li nsibu postna fl-Ewropa s-sena d-dieħla u li nippruvaw nirbħu t-Trophy. Hi ħasra li għamilna ċerti żbalji fil-bidu tal-kampjonat u konna milqutin b’ħafna injuries. Kellna ċans nirrepetu s-suċċess tas-sena l-oħra. Il-ħolma tiegħi kienet li nirbħu l-kampjonat darbtejn wara xulxin. Ma kellux ikun hekk.
“Hi verità li fil-preżent il-club Karkariż maħkum minn tensjoni qawwija. Ġejjin minn riżultati li ma tantx huma sbieħ u telfa mal-Belt tinħass ferm, l-aktar għax kienet it-tieni waħda f’ġimagħtejn. Kemm kont ili kowċ jien tlifna tliet darbiet biss qabel dan l-istaġun. F’daqqa waħda tlifna tlieta oħra f’daqqa. Bħal kwalunkwè club jew ażjenda, diriġenti ssib ta’ kull tip.
“Jien kelli rapport professjonali u tajjeb mad-diriġenza kollha. Naħseb li kien hemm minnhom li b’xi mod japprezzaw l-impenn u l-kwalitajiet tiegħi u oħrajn li japprezzaw anqas. Ovvjament li meta tim ikun qed jitlef, dejjem ikun il-kowċ l-ewwel wieħed li jiġi taħt skrutinju. Nibqa’ għal għomri nħares lejn il-club minn lenti pożittiva ħafna imma b’ħafna inqas lejn xi membri tal-Bord tad-Diretturi.”
Issemmew ħafna raġunijiet il-għala Stephen Azzopardi irriżenja. Bħalma jiġri normalment kulħadd jgħid tiegħu u għalhekk tlabtu r-raġuni eżatta.
“Kien ilu jinstema’ li l-kowċ ta’ Birkirkara se jitneħħa jew jintalab jirriżenja. Jien għamiltha ċara mad-diriġenti li f’dan il-mument diffiċli nkun qed naħrab mir-responsabilitajiet tiegħi jekk naħsel idejja u nitlaq. Kont nemmen li għandi nxammar il-komma u nżid il-ħidma tiegħi. L-istess kellhom jagħmlu l-plejers u d-diriġenti. L-unika ħaġa li kellna nagħmlu lkoll flimkien hi li naħsbu kif se nerġgħu npoġġu lil dan il-club fil-quċċata li tant tixraqlu.
“Jien tip ta’ bniedem li jekk nirrealizza li għad għandi x’noffri u li s-sitwazzjoni ma nkunx ġibtha totalment jien b’idejja, għandi nibqa’ naħdem biex nirranġaha. Il-Kumitat ried li Jan Arz ikollu l-istess poteri tiegħi, jiġifieri li t-tim jitmexxa minn żewġ kowċis u jien b’din il-ħaġa ma kienx se jkolli l-aħħar kelma fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Jien qatt ma nista’ naċċetta dan minħabba l-unur personali u professjonali tiegħi. Nammetti li jien għandi parti mit-tort bħalma għandu kulmin b’xi mod hu preżentament involut ma’ Birkirkara FC.”
L-affarijiet għalih komplew ġejjin aktar ħażin lejn l-aħħar tal-partita ma’ Valletta. Stephen deher mitluf f’battibekki mal-partitarji Karkariżi li komplew saħħnu l-atmosfera tal-mument.
“Nagħmilha ċara li l-problema qatt ma kienet mal-partitarji ta’ Birkirkara imma ma’ partitarju wieħed partikolari. Hu l-istess persuna li s-sena l-oħra kien insultani u offendini f’partita partikolari. Kien hedded ukoll membri tal-familja tiegħi u xi jumejn wara kien ġie waqt sezzjoni tat-taħriġ u pprova jħebb għalija. Li ma kienx għall-membru ta’ l-istaff tekniku dakinhar il-biċċa tax-xogħol kienet tispiċċa ħażin.
“Fil-partita kontra Valletta reġa’ attakkani u nsultani. Żbaljajt għax ma messnix irreaġġixxejt hekk. Imma r-reazzjoni tiegħi kienet fil-konfront tiegħu biss. Ridt sodisfazzjon il-għala kien qed jagħmel hekk. Fl-ebda mument ma kien hemm vjolenza u fl-ebda ħin ma kien hemm ġlied u wisq inqas xi battibekk ma’ partitarji oħrajn.
“Jien għandi stima kbira lejn il-Karkariżi kollha. Ma nistax ninsa li kienu huma li fil-mumenti diffiċli tiegħi dejjem sibthom warajja. Qatt ma għaddietli minn moħħi li noħodha kontra partitarji ta’ tim avversarju aħseb u ara kontra dawk tiegħi stess. L-ikbar dispjaċir tiegħi hu li bħalissa huma għaddejjin minn dilużjoni kbira minħabba n-nuqqas ta’ riżultati. U għandhom raġun.”
Minn dejjem immeraviljajt ruħi kif Stephen dam daqshekk f’din il-kariga taħraq. Wara r-rebħ tal-kampjonat, kont jien stess li tajtu l-parir biex iwarrab ħa jkun spiċċa fuq l-aħjar nota possibbli. Dak inhar Stephen qalli li din l-iskwadra għandna snin twal ta’ suċċessi quddiemha. Kien hemm oħrajn li tawh l-istess parir tiegħi. Illum il-ġurnata ġie fi kliemna.
“Veru li ġejt fi kliem min qalli hekk imma kieku m’għamilniex ċerti żbalji fil-bidu tal-kampjonat, f’din l-intervista qed nitkellmu fuq Stephen Azzopardi li wasal biex jirbaħ it-tieni kampjonat tiegħu ma’ Birkirkara,” qalli.
Sas-sena l-oħra nstema’ ħafna min seta’ jkun il-club tiegħu wara Birkirkara. Dawn id-diċeriji komplew jikbru hekk kif ħarġet l-aħbar tal-firda bejn Stephen u Birkirkara. Imma veru li kienu diġà kellmuh xi clubs oħra?
“Nammetti li xi diċeriji kien hemm sa ftit taż-żmien ilu. Imma qatt ma poġġejt bil-qegħda u ddiskutejt ma’ club ieħor. Dak nista’ naħlifulek. La kont kowċ ta’ Birkirkara, kont obbligat li jkolli l-lealtà assoluta lejn il-club. Inkun prużuntuż jekk noqgħod naħseb ma’ min nixtieq inkun kowċ. Imma li jien żgur minnu hu li jrid ikun club li għandu l-ambizzjonijiet serji li jirbaħ il-kampjonat.”
Huma ħafna dawk li jsostnu li Stephen kellu sezzjoni ta’ plejers li huma għal qalbu u oħrajn li ma tantx imur tajjeb magħhom. Nistaqsih jekk hux veru.
“Iva, veru. Il-plejers li kelli għal qalbi huma dawk dixxiplinati, leali u dedikati. Kieku fl-iskwadra kelli 22 minn dawn kienu jkunu kollha għal qalbi. Sfortunatament meta tkun qed tmexxi tim tal-futbol jista’ jkollok ftit plejers li ma jkunux kif tixtieqhom. Ma jfissirx li mhux kollha jingħataw l-opportunità jilagħbu imma imbgħad meta tkun bl-iskwadra kompleta u jkollok tagħżel, dejjem imorru minn taħt dawk li ma jkunux qed jagħmlu dak li jixtieq il-kowċ.
“Kieku konnu club kbir u l-finanzi ma kinux problema, dawk il-plejers kont inkun ili li dabbartilhom rashom u armajt skwadra kif xtaqt. Però hi ħrafa dik li jgħidu li jien nagħżel il-plejers bi preferenzi. La jien u l-ebda kowċ ieħor ma jaqbillu qatt jagħmel hekk għax ikun qed jitfa’ l-balla fuq saqajh. L-ebda kowċ mhu se jidher sabiħ mal-plejers li jkunu għal qalbu u ma jkunx ħaqqhom jilagħbu. Jekk jagħmel hekk ikun qiegħed jissogra jitlef xogħlu minbarra li jaqa’ għaċ-ċajt.”
Isemmili każ partikolari fejn darba ġie saħansitra mgħajjar minn persuna distinta li fl-għażla ta’ l-iskwadra jdaħħal il-kulur tal-politika tal-plejers.
“Darba ġejt mgħajjar minn partitarju Karkariż li hu prominenti fil-politika Maltija. Dan kien żmien meta f’logħba partikolari ma lgħabtx lil Justin Haber u lgħabt lil Saviour Darmanin. L-għajta tiegħu kienet li daħħalt il-politika. L-ironija kienet li t-tnejn li huma inzertaw ta’ l-istess kulur politiku. Xi ħaġa li ddaħħqek.
“F’Birkirkara dawn l-affarijiet qatt ma eżistew. Hemmhekk hemm nies ta’ kull kulur politiku għax Birkirkara hi tal-Karkariżi kollha. Irbaħna ħafna bl-għajnuna tal-Laburisti, tan-Nazzjonalisti u anke ta’ l-Alternattiva.”
Ifakkarni fl-intervista li kelli ma’ Justin Haber ftit tal-ġimgħat ilu. Ma nsejt qatt il-frażi fejn il-goalkeeper Nazzjonali qalli li lil Stephen jirrispettah biss bħala kowċ u mhux bħala ħabib. Insaqsih fuq dan kollu.
“Darba kien hemm każ fejn Etienne Barbara qal li taħt Stephen Azzopardi ma jilgħab qatt aktar. Dan l-aħħar l-istess Barbara qal pubblikament anke fil-media li qatt ma kellu relazzjoni tajba daqs dik preżenti miegħi.
“Meta Justin kien goalkeeper ta’ Birkirkara dejjem kelli relazzjoni tajba għalkemm bħala kowċ mhux dejjem kont kuntent bil-prestazzjonijiet tiegħu. Justin jaf li meta kellna lil Robert Savic kont jien li ddeċidejt li ma nġeddulux il-kuntratt u għalkemm kellu 20 sena, emmint li kellu jkun hu l-goalkeeper titolari ta’ Birkirkara.
“L-uniku darba li seta’ kien hemm nuqqas ta’ qbil bejnietna kien meta f’xi logħbiet partikolari kien lagħab Saviour Darmanin. Safejn naf jien, m’hemmx affarijiet oħra. Ma’ Justin ili ma nitkellem minn mindu kien telaq lil Birkirkara u siefer barra. Nixtieq nibgħat messaġġ lil Justin u ngħidlu li jien mhux bħala plejer biss għadni nirrispettah imma bħala ħabib ukoll daqs kemm kien qabel. Meta jrid lest niltaqa’ miegħu u nieħdu kafè flimkien għax jekk hemm xi affarijiet li nistgħu niċċaraw bejnietna jkun aħjar. Nixtieq li xi darba nerġa’ nkun il-kowċ tiegħu.”
Ħsibt li bħala ex kowċ ta’ Birkirkara, kien wettaq il-ħolma tiegħu minn età daqshekk żgħira.
“Ix-xewqa tiegħi minn meta kont żgħir dejjem kienet li nkun il-kowċ tat-tim Nazzjonali. Dik hi xi ħaġa kbira għal kull kowċ. Imma ma rridx nidher prużuntuż jekk ngħidlek li l-akbar ħolma tiegħi tibqa’ li xi darba nikkowċja barra. Hemm żewġ pajjiżi partikolari li jaffaxxinawni.
Fuq quddiemnett il-futbol Taljan għax anke jekk inżomm ma’ l-Ingliżi, hu l-bażi tat-tagħlim tiegħi. Jogħġobni wkoll il-futbol Ingliż mill-aspett ta’ l-atmosfera familjari u l-ispettaklu imma bħala futbol tattiku nippreferi dak Taljan.”
Stephen hu karattru li sab ħafna ostakli kemm dam jokkupa din il-kariga. Il-media mhux dejjem għenitu u l-inqas ħaġa minnu mhux l-ewwel darba li ġiet irrappurtat bħala maltempata f’kikkra.
“Minn naħa tiegħi dejjem kelli relazzjoni mill-aqwa mal-media kollha ta’ pajjiżna u jien wieħed minn dawk li nemmen li għandu jkun hemm aktar futbol fil-media Maltija. Jien idejjaqni l-aktar it-tgħajjir personali meta ma tkun għamilt xejn lil ħadd. Forsi b’hekk ġara li ġara fil-partita kontra l-Belt. Dik li bniedem jibda joffendik għal xejn b’xejn ma nistax għaliha.
“Fil-ġurnalisti ddejjaqni biss jekk ikun hemm min jirrapporta affarijiet li ma jivverifikahomx qabel u jikkritakawk fuq per eżempju plejer li ma tkunx lgħabt u ma jkunux jafu li jkun imweġġa’ jew saħansitra sospiż.”
Filwaqt li jgħidli jidħak. Tiġini l-kurżità nsaqsih jekk kienx hemm xi ġurnalist li jdejqu.
“Mark Attard biss.”
Stephen kellu emozzjonijiet kbar fil-logħba tal-futbol. Għalaqt din l-intervista billi qalli liem kienu filwaqt li ħassejt li kelli nagħtih iċ-ċans li jirringrazzja lil dawk li f’ħajtu huma tant għal qalbu.
“Kelli tliet esperjenzi kbar fil-karriera tiegħi. L-ewwel waħda kienet meta rbaħt il-kampjonat tat-tielet diviżjoni ma’ Balzan Youths li kien l-ewwel unur fl-istorja tagħhom. Ma ninsiex anqas meta rbaħt l-ewwel trophy ma’ Birkirkara li kien l-ewwel unur tiegħi fl-ogħla livell tal-futbol Malti u l-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-club li rebħu dan l-unur. U l-akbar ħaġa għamiltha bir-rebħ tal-kampjonat tas-sena l-oħra li se tibqa’ memorja oħra li ma ninsiha qatt u li se nġorra miegħi sal-mewt.
“Imma ma naħsibx li għax irbaħt il-kampjonat ilħaqt il-quċċata. Dejjem hemm lok biex ittejjeb fuq dak li tkun għamilt. L-uniku darba li plejer u kowċ għandu jħoss li laħaq il-quċċata hu meta jirbaħ it-Tazza tad-Dinja. Għalina l-Maltin impossibbli.
“L-ikbar dispjaċir fil-futbol kien meta kont ma’ Balzan Youths u kelli plejer li miet f’inċident tat-traffiku. Xi ħaġa xokkanti ħafna.”
“Nitlob bil-ħniena lill-partitarji biex ma nitilfux rasna. It-tim għandu bżonn jibqa’ moħħu ċar għal-logħbiet li ġejjin. Nerġa’ nisħaq li l-problema tiegħi fuq l-inċident li nqala’ kontra l-Belt kienet biss ma’ persuna waħda.”
Hawnhekk ninnota l-umiltà tiegħu li anke f’mument tant diffiċli għalih, qed iqis ruħu partitarju ta’ Birkirkara. Ċert li sakemm ma jkunx impjegat ma’ club ieħor, Stephen se jibqa’ jgħożż ma’ qalbu lil dan it-tim.
“Hemm ħafna nies li nixtieq nirringrazzja imma b’mod ġenerali ngħid grazzi speċjali lil dawk li fil-mumenti diffiċli jibqgħu jemmnu fija u leali lejja. Jafu min huma u dak kollu li rbaħt s’issa niddedikah lilhom.”
Filwaqt li ħiereġ `il barra mill-uffiċini nerġa’ naħseb fiż-żminijiet tas-sena l-oħra fejn kont inqatta’ ħin twil f’dawn l-uffiċini. Kienet l-istess mixja tal-kuridur kemmxejn dejjaq li tant għamilniha `l barra flimkien jien u Stephen, jien biex immur id-dar u hu biex imur lejn il-kulleġġ ta’ San Alwiġi. Għalih l-istess triq kellha tispiċċa biss f’ħolma morra. Imma aktar minn ċert li fi ftit taż-żmien se jibda jaqbad triq oħra xi ftit itwal b’ċans tajjeb li jerġa’ jkompli l-istorja li diġà hemm.
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt