Il-kumpanija teatrali Cahoots tniedet fl-2004 bil-proġett pilota Bedside Theatre – Flea Circus, flimkien man-Northern Irish Arts in Health Charity Arts Care.
Li hemm affaxxinanti hu li mill-proġetti kollha li għandhom għaddejjin fosthom teatru għat-tfal, dan tal-Bedside Theatre għadu għaddej s’issa bl-istess kunċett u bl-atturi jinbidlu minn żmien għal żmien. Ix-show li jagħtu hu preżentat f’minjatura ta’ palk bi briegħed immaġinarji li huma akrobati taċ-ċirklu. Żid il-mużika u l-maġija ma’ l-imaġinazzjoni tat-tfal u l-atturi u malajr ikollok sala ta’ l-isptar tidħaq u tinsa d-dwejjaq tagħha.
Caragh O’Donnell, Education & Outreach Officer, u Caolan McBride, freelance magician, tkellmu dwar kemm it-teatru tas-sodda li ħolqu hu sensittiv u ma jinvadiex il-privatezza tal-pazjent.
“Aħna mhux qegħdin hemm biex nisfurzaw xi ħaġa. Ċerti sitwazzjonijiet huma sensittivi mmens u kkumplikati. Ikollok tfal li jkunu għadhom kif niżlu mill-operazzjoni, allura ma jkunux jifilħu għal ħafna storbju u movimenti kbar. L-atturi però huma tajbin ħafna biex jaddattaw għas-sitwazzjoni li jkun hemm bżonn,” qalet Caragh li kompliet tispjega li l-atturi dejjem jipprepaw ruħhom qabel ma jmorru quddiem pazjent. Isiru diskussjonijiet mat-tobba minn qabel biex jaraw f’liema kundizzjoni se jsibu l-pazjenti tagħhom.
Coalan, li ismu bl-Irlandiż ifisser “in-nixef”, irrakkonta b’enerġija u b’entużjażmu dwar l-esperjenza tiegħu fl-isptarijiet Malta. “Mhix differenti minn dik Irlandiża. Ma kien hemm l-ebda barriera tal-lingwa. L-istorja hi narrativa li wieħed isegwiha anki jekk forsi ma jifhimx kollox.”
Ir-reazzjoni ta’ l-isptarijiet Irlandiżi u anki dawk Maltin hi tajba ħafna. It-tobba, it-tfal u l-ġenituri tagħhom mill-ewwel jgħarfu l-bżonn tagħhom. Iħossu li jgħin il-proċess ta’ fejqan u anki jtaffi mid-dwejjaq u l-uġigħ.
It-tabib Mark Rollins jaħdem fl-Isptar ta’ Causeway. Hu ra lill-atturi ta’ Cahoots NI ma’ żewġ pazjenti żgħar anzjużi ftit qabel daħlu għall-operazzjoni ta’ l-appendiċitè. “ Meta ġew l-atturi, it-tfal qamu mis-sodda, ħadu gost u anki daħqu. Tawna metodi oħra fuq ta’ kif nistgħu ntejbu s-saħħa tal-pazjent minbarra l-kura tat-tabib. Kulħadd jixtieqhom jiġu hawn kuljum ħalli jagħmlu l-post iktar allegru.”
Il-kumpanija Cahoots magħmula minn Caragh u żewġ impjegati full-time oħra li huma d-Direttur Artistiku Paul McEneaney u l-Maniġer Ġenerali Louise O’Neill. Magħhom hemm ukoll seba’ membri voluntiera u bosta ħaddiema oħra li jaħdmu freelance.
Bħala finanzi dejjem ikampaw bl-eżatt u l-ħin kollu japplikaw għall-fondi UE jew mill-Kunsill ta’ l-Arti ta’ l-Irlanda minbarra li jfittxu sponsors għall-ispettakli li jtellgħu għat-teatru tat-tfal.
Permezz tal-fondi huma jirnexxilhom jagħmlu x-xogħlijiet fl-isptarijiet u fl-iskejjel b’xejn. “Ikollna napplikaw il-ħin kollu għall-fondi għal kull proġett li niddeċiedu li nagħmlu. L-għan tagħna hu li nġibu l-flus minn x’imkien ieħor mhux neħduhom mit-tfal jew mill-pazjenti,” temmet tgħid Caragh.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt