B’tul ta’ kwazi sitt piedi lil Charles Miceli nistħajlu dak il-ġolf it-twajjeb. Għax wara dik il-vuċi soda u taħt dik id-daqna qotnija hemm għaġna ta’ bniedem differenti. X’ħin tgħarbel sew fis-saffi ta’ taħt tħoss ir-rabja ta’ bniedem li ma jiflaħx jara aktar nies ibatu, fin fin tħoss din ir-rabja tinbidel hekk kif f’nofs l-intervista leħnu jitbaxxa, il-vuċi tinkiser u għajnejh jibdew ileqqu bid-dmugħ. F’kull ħsieb li jqanqal tħoss messaġġi għatxana għal widen u azzjoni. Charles Miceli, eks ġurnalist, hu l-bniedem li għal dawn l-aħħar sentejn u tliet xhur mexxa l-Harm Reduction Shelter tal-Caritas flimkien ma’ staff ta’ ħames persuni u numru ta’ voluntiera. Il-kelma xelter forsi tinstema’ goffa. Dan il-post mhu xejn għajr dar normali fil-Floriana. X’ħin tidħol fiha jilqgħek kuritur ċkejken. Fuq ix-xellug kamra tas-salott li tintuza bħala drop-in. Fil-ħin li nidħol fiha hemm erba’ persuni. Nistħajjilhom erba’ membri tal-familja wara ġurnata xogħol imma fir-realtà l-uniku fattur li jgħaqqadhom hu l-vizzju tad-droga. Sakemm Charles joħroġ jilqa’ donazzjoni ta’ ikel, raġel li jgħodd mas-60 sena jispjegali li m’għandux saqaf fuq rasu. Ilu għal dawn l-aħħar xhur jgħix klandestinament f’dar abbandunata li dalwaqt titwaqqa’. Jgħix hemm ma’ tliet persuni oħra. M’għandhom la dawl u l-anqas ilma. Din id-dar daħlu fiha mingħajr permess u saqajh ma’ l-art l-anzjan jgħidli li kuljum jitlob li ta’ l-inqas meta jiġu l-inġenji jwaqqgħu l-binja la sħabu u lanqas hu ma jkunu reqdin bla ma jindunaw bis-saram. Għal dan l-anzjan ix-xelter tal-Floriana joffri wens mal-jum, bela’ kafè u shower biex jibqa’ nadif għall-kumplament tal-ġurnata.
Il-figuri juru li f’Jannar li għadda 85 persuna użaw das-servizz.
Lura fil-kmajra-uffiċċju, Miceli jispjegali li fis-sentejn u tliet xhur li ilu miftuħ dan ix-xelter offra wens lil 120 resident minbarra dawk li wżaw id-drop-in. Id-dar toffri dan is-servizz sal-5pm u min għandu l-problema tad-droga minflok joqgħod jitlajja’ fit-toroq mingħajr ma għandu fejn imur ikollu dar fejn jieħu kafe’, jara ftit tv u jitkellem ma’ nies bħalu u ma’ l-istaff tal-Caritas.
Malli jdoqqu l-ħamsa d-drop-in jagħlaq u jibqgħu biss ir-residenti, nies bla dar jew bla saqaf. Uħud keċċewhom il-ġenituri minħabba li ma jkunux jifilħu ibatu bil-konsegwenzi li jġib miegħu l-vizzju tad-droga. Oħrajn spiċċaw bla dar għax il-vizzju tant ikun ħakimhom li jitilfu l-impjieg u ma jkunux jistgħu jħallsu l-kirja ta’ l-appartament fejn jgħixu.
Ix-xelter tal-Caritas hu l-uniku wieħed f’Malta li jżomm fih persuni bla residenza li għandhom ukoll problema tad-droga.
Charles Miceli jitkellem bħal bniedem li miss mal-problemi veri tal-ħajja u jpoġġi subgħajh mill-ewwel fuq il-ferita.
“Is-soċjetà Maltija qed tħaffer il-ħin kollu fl-istess ħofra u mhux tinduna li m’hemmx ilma…il-familja. Aktar mhu jgħaddi ż-żmien minkejja l-priedki u l-paroli aktar qed naraw familji jinkisru jew ma jiffunzjonawx. Tajjeb issalva fejn tista’ imma fejn m’hemmx xi salva x’se nagħmlu? Nippriedkaw biss?”
Kollox jorbot ma’ dan il-kunċett jargumenta imma jistqarr li hemm problemi oħra li qed iwasslu għal dawn il-fallimenti kollha. Fost dawn Miceli jidentifika l-ħajja individwalista u l-konsumeriżmu.
“Malta mdakkra mill-kunċett ta’ jien ok u ma jimpurtani minn ħadd.”
Meta għadni qed nassorbi dan kollu jgħidli: “L-aktar sigriet moħbi sew f’Malta hu kemm hawn nies bla dar”. Imil ’l isfel u minn kexxun joħroġ file. Jgħidli “Ara din hi l-waiting list li għandna ta’ persuni bla saqaf jew f’riskju mminenti li jispiċċaw hekk minħabba l-problema tad-droga.”
Pawsa ta’ ftit sekondi u jkompli: “din hi l-ogħla ċifra li rajna quddiemna. 20 ruħ iridu jidħlu jgħixu hawn imma jkollhom joqgħodu fil-kju għax hawn jesa biss tmien sodod.”
Jgħidli li kull persuna li tirfes f’dan ix-xelter iġġib magħha bagalja differenti ta’ esperjenzi: droga, xorb, logħob, użura, djun, qrati, mard, infezzjonijiet, feriti, relazzjonijiet, solitudni, nuqqas ta’ ħiliet jew nuqqas ta’ tifsira fil-ħajja.
Il-lista tkompli: “Min kien jgħix għal xhur sħaħ f’dgħajsa, min ġo stalla taż-żwiemel u mitt ġrajja oħra. Hemm bżonn nammettu li għandna problema ta’ nies bla dar għax s’issa m’aħniex qed nammettu li hawn problema,” jinsisti Charles.
Jargumenta li f’pajjiżna hemm bżonn urġenti li jinħoloq xelter ieħor li ma jkollux reġim ta’ regolamenti. Dan ix-xelter għandu joffri sodda għal-lejl u fih ikunu jistgħu jmorru eks priġunieri, anzjani, nies b’imġiba diffiċli, alkoholisti u oħrajn li minħabba raġuni jew oħra diffiċli jqumu fuq saqajhom.
Jirreferini għal studju li ppubblika l-Professur Cyrus Vakili-Zad f’Awissu li għadda. “Hawn 475 persuna bla dar, 83 minnhom tfal. Hawn 3,272 persuna li m’għandhomx dar u qed jgħixu ma’ qraba jew ħbieb tagħhom. Biex ma nsemmux aktar minn 14,000 oħra f’riskju li jispiċċaw ukoll f’din is-sitwazzjoni.”
Imma x’jaħseb Miceli dwar id-droga? Nistaqsieh x’jaħseb meta jisma’ lil min jargumenta li jekk tillegalizza parti mid-droga jista’ jwassal biex tonqos il-problema. Fil-pront jitla’ fil-wiċċ l-istint ġurnalist. Idejh jgħumu fil-karti puliti fuq il-mejda u quddiemi jpoġġili artiklu li deher f’gazzetta lokali ftit tal-ġimgħat ilu. “339 mewt b’tipjip” tgħidli t-tabella ta’ quddiemi. Charles ikompli fil-pront. “It-tipjip hi droga legali u ara kemm qed imutu nies f’sena waħda. Bl-eroina, li mhix legali, imutu sitt, seba’ persuni f’sena. X’solviet il-legalizzazzjoni tat-tabakk? Biex ma nsemmux l-alkoħol. Is-soluzzjoni żgur mhix il-legalizzazzjoni.”
Miceli jkompli b’argumenti aktar sodi. Jinsisti li wasal iż-żmien li Malta ngħaddu mill-kunċett ta’ needle dispension għal dak ta’ needle exchange. Mhux biżżejjed inqassmu l-labar. Irridu naraw li dawn jinġabru lura. Hemm bżonn ukoll nimplimentaw kunċetti li ddaħħlu snin ilu fl-Ewropa fejn f’postijiet ewlenin jitwaħħlu magni għal ta’ l-apposta li jipprovdu labar u swabs għal dawk li jieħdu d-droga. B’dan il-mod min hu fil-vizzju ma jużax siringi ta’ ħaddieħor u b’hekk jitnaqqas it-tixrid ta’ mard infettiv.
Għal Charles hu fundamentali wkoll li d-Dipartiment tas-Saħħa jagħmel kampanji b’enfasi ta’ xi jridu jagħmlu persuni f’każ li jaraw persuna tintilef minn sensiha minħabba overdose. Leħnu jitbaxxa u jgħidli “Qatt ma rajt daqstant żgħażagħ imutu…kull każ idaħħlek fi kriżi. Meta jmut xi ħadd b’overdose tkellimnix għax ningħalaq fija nnifsi. Tara falliment sħiħ tas-soċjetà. Dak il-ħin tħossok se tmut.” Il-vuċi tinkiser u ninduna li għajnejh qed iżebbġu fid-dmugħ.
Ir-rabja tinħass fuq każijiet oħra. Jgħidli li l-persuni li jmexxu l-faċilità korrettiva ta’ Kordin huma nies tajba imma l-kunċett li ilu hemm għal snin twal mhux tajjeb. “Fil-ħabs m’hemmx sens ta’ komunità. Għala hemm min jispiċċa jidħol xi seba’ darbiet il-ħabs? Ma ssirx evalwazzjoni tal-problemi li għandhom l-individwi qabel jiġu ssentenzjati. U mhemmx aftercare.” Charles jinsisti li nhux imbilli nitkellmu fuq faċilità korrettiva. Hemm bżonn korezzjoni bis-serjetà.
“Ix-xogħol hu importantissmu. Il-priġunieri jeħtieġ jinstabilhom ix-xogħol minn kmieni mhux fl-aħħar tliet xhur. U rridu nħallsuhom b’rati kummerċjali mhux Lm2 kuljum. Jgħidu m’hawnx xogħol imma meta ridna malajr sibna xoghol lil tat-Tarzna mal-kunsilli lokali. Inweġġa’ meta jiġu nies jgħiduli li aħjar il-ħabs għax tmur hemm u ma tagħmel xejn.”
Charles Miceli jsostni wkoll li “iż-żmien fil-ħabs ixejħek biss u ma jimmaturakx”.
L-argumenti dwar dan is-suġġett ma jieqfu qatt. Il-ħamsa ta’ filgħaxija qabżu sew u d-dar bdiet bil-mod il-mod titbattal għajr għat-tmien persuni li bħalissa għandhom permess li jorqdu hemm. Qabel joħorġu kull persuna tidħol fil-kamra fejn qed nagħmlu l-intervista u ssellem lil Charles u lil impjegata oħra li taħdem fix-xelter. L-istess jagħmel l-anzjan li qed jgħix fid-dar abbandunata. Fil-faqar ta’ din ix-xena tispikka s-sempliċità imma wkoll is-sens ta’ familja. Il-ġolf it-twajjeb jersaq lejn tarf il-kamra u minn kexxun ta’ komodina żgħira joħroġ pakkett crackers. Ta’ l-inqas illejla dan l-anzjan għandu biex jitrejjaq.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt