Fil-5 ta’ Frar li għadda l-Kumitat Ornis iltaqa’ biex jiddiskuti fost affarijiet oħra jekk għandux jinfetaħ staġun għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa. Waqt il-laqgħa ssemmew bosta dokumenti ta’ l-UE kif ukoll każijiet fil-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Ewropa li juru ċar li Malta ma tistax tiftaħ staġun f’dan iż-żmien.
Iċ-Chairperson u l-membri indipendenti sabu rwieħhom f’diffikultà u talbu aktar żmien biex jinfurmaw irwieħhom u jiffurmaw opinjoni. Il-kumitat kellu jerġa’ jiltaqa’ fis-26 ta’ Frar biex tittieħed deċiżjoni.
Fit-22 ta’ Frar tħabbret ir-riżenja taċ-Chairperson tal-Kumitat Dr Tonio Azzopardi. Minfloku nħatar Louis Cilia. Tissejjaħ laqgħa għas-26 ta’ Frar iżda l-aġenda tinbidel. Mhux aktar mitluba deċizjoni jekk jiftaħx l-istaġun. Il-Gvern iddeċieda. L-istaġun se jiftaħ u l-Kumitat Ornis inqabeż. Minflok intalab jirrikmanda dati u kundizzjonijiet biss. Il-BirdLife toħroġ mil-laqgħa bi protesta.
Id-deċiżjoni tal-Gvern intlaqgħet b’diżapprovazzjoni minn bosta. L-isfond li fih ittieħdet id-deċiżjoni li jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fl-2007 hu ta’ għajb għall-Gvern kif ukoll għall-Ministru Pullicino għax jikxef id-dgħjufija tiegħu quddiem it-theddid tal-kaċċaturi. Fl-istess waqt, il-Gvern wera li mhuwiex sensittiv għax-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu li jixtiequ jgawdu l-kampanja u ma jistgħux minħabba li din hi kkapparata mill-kaċċaturi u n-nassaba.
L-imġiba tal-ministru hi nsult lejn il-membri tal-Kumitat Ornis għax l-ewwel injora l-kumitat imbagħad impona fuqu li jirrikmanda kundizzjonijiet u żminijiet meta l-istaġun għandu jiftaħ. Hu ċar li l-Gvern beża’ minn xi deċiżjoni ta’ l-Ornis li setgħet timbarazzah u ħa l-Liġi f’idejh biex jevita l-problema. X’kien se jiġri kieku l-Ornis ssuġerixxa li ma jinfetaħx l-istaġun? Jidher li l-Ministru nesa x’jgħid l-avviż legali 79/2006. Il-Kumitat Ornis ma seta’ qatt jagħmel rakkommandazzjonijiet lill-Ministru dwar l-awtorizzazzjoni ta’derogi qabel ma jkun ċert li jeżistu l-kundizzjonijiet biex tingħata deroga.
Dan ma kienx biżżejjed. Skond l-Avviż Legali 79/2006, il-Kumitat Ornis irid javża lill-Ministru minn ta’ l-inqas sitt ġimgħat qabel ma jiftaħ l-istaġun. Skond id-data tal-laqgħa (26 ta’ Frar), il-Kumitat ma setax jirrikmanda ftuħ ta’ l-istaġun qabel id-9 ta’ April. Għalhekk il-Ministru ma kellux triq oħra ħlief li jbiddel il-Liġi u jnaqqas is-sitt ġimgħat għal erba’ ġimgħat!
Hekk jiftaħ l-istaġun fl-1 ta’ April. Tal-mistħija!
Meta Ministru joħloq kumitat biex jagħtih pariri kif jaħdem sew bħalma hu l-Kumitat Ornis, l-inqas li wieħed jistenna hu li jkunu rispettati u onorati l-istess regoli li ħoloq biex jirregolaw dak il-kumitat minkejja li jkun hemm suspetti li dak il-kumitat ikun inħoloq biex iservi għanijiet politiċi.
Għal darb’oħra, il-Gvern qed iwebbes rasu u jisfida lill-Unjoni Ewropea billi jiftaħ staġun tal-kaċċa li jmur kontra d-Direttiva tal-Għasafar ta’ l-Unjoni Ewropea. Din hi r-raba’ darba li dan qed iseħħ.
Id-Direttiva tal-Għasafar titkellem ċar. L-ebda pajjiż ta’ l-UE ma jista’ jippermetti kaċċa fuq it-tajr li qiegħed ibejjet jew qiegħed ipassi qabel żmien il-bejta.
Id-direttiva tippermetti ftit eċċezzjonijiet – jissejħu ‘deroga’. Min jagħmel deroga jrid jibgħat rapport lill-Kummissjoni Ewropea biex jiġġustifika b’raġunijiet validi dawn l-eċċezzjonijiet.
Il-Gvern Malti għamel deroga għall-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2004, l-2005 u l-2006. Ħejja rapport għall-2004, iżda l-Kummissjoni Ewropea ma aċċettatx ir-raġunijiet li ġab il-Gvern Malti. F’Ġunju li għadda l-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri kontra Malta għax il-Gvern ma ġġustifikax raġuni valida għalfejn ippermetta l-kaċċa fir-rebbiegħa. Minkejja li ngħata aktar żmien biex iressaq raġunijiet validi l-Gvern baqa’ ma’ rrispondiex.
Wara erba’ snin il-Gvern issa qed jgħid li se jagħmel studju. Dan jikkonferma li l-Gvern m’għandu l-ebda bażi jew studju xjentifiku li bih jista’ jiġġustifika l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Jekk l-affarijiet jibqgħu hekk, Malta se titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fuq dan il-każ. Jekk tinstab ħatja tista’ teħel multi kbar. Aktar ma l-Gvern Malti jippersisti, aktar jistgħu jikbru dawn il-multi. Fl-2005 Franza kienet immultata somma kbira, li kienet l-ewwel tax-xorta tagħha, flimkien ma’ multa oħra ta’ €57.8 miljun għal kull sitt xhur li damet tikser il-liġijiet ta’ l-UE.
Mhux sew li l-poplu Malti jħallas minn butu għall-kapriċċi tal-kaċċaturi jew tal-gvernijiet li jakkommodawhom. Mhux sew li l-politiċi jibqgħu jitnikkru fejn jidħol il-ħarsien ta’ l-għasafar. Issa l-waqt li l-Maltin iqumu u jitolbu dak li hu bi dritt tagħhom – li jgawdu l-għasafar fil-kampanja bla biża’.
Joseph Mangion hu l-President ta’ Birdlife Malta
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt