04 ta' Marzu 2007 • Nr 18

Arkivji




 

 

 

04 ta' Marzu 2007
X’se jħoll u jorbot?

Wara r-riżultat ta’ l-istħarriġ li sar minn Xarabank tgħidx kemm rajt Nazzjonalisti u Laburisti jibku. In-Nazzjonalisti ma setgħux iniżżluha li skond dan l-istħarriġ mhux biss il-MLP mistenni jkollu rebħa konvinċenti fuq il-PN imma issa, wara ħafna żmien, Alfred Sant qabeż sew lil Lawrence Gonzi bħala l-persuna l-iktar mixtieqa li tkun Prim Ministru.
Dan ir-riżultat werwer lil bosta partitarji tal-PN u wħud minnhom, apparti li bkew bil-biża’, bdew jaraw kif jagħmlu biex imexxuha li hemm bżonn issir xi ħaġa malajr ħalli ma jħallux li “allaħaresqatt” dan l-istħarriġ ikun konfermat fl-elezzjoni ġenerali.
Il-Laburisti bkew bil-ferħ! Dan l-istħarriġ wera li l-kelma tal-MLP qed tasal sewwa u Alfred Sant qed ikabbar l-istima tiegħu fost l-elettorat. Jidher li l-MLP issa qabad ir-rankatura lejn it-triq tar-rebħa u l-Laburisti kuntenti li wara tant żmien setgħu jagħmlu iktar kuraġġ biex dak li ilhom jixtiequ jakkwistawh fil-mument propizju, jiġifieri rebħa kbira Laburista b’Alfred Sant għal darb’oħra Prim Ministru.
Iżda barra l-Laburisti u n-Nazzjonalisti hemm votanti oħra li mhux lakemm tagħmlilhom bżieq fuq imneħirhom. Dawn irraġunaw mod ieħor! Iktar ma l-istħarriġ juri kemm in-Nazzjonalisti qegħdin minn taħt, iktar aħjar għall-istess Nazzjonalisti. Għaliex dawk li huma offiżi, imdejqin, bierda jew iddeċidew li ma jivvutawx, jerġgħu jaħsbuha u jerġgħu jqajmu l-moral - li ma jmorrux jagħmlu ‘dnub mejjet’ u jagħtu l-Gvern lil-Laburisti. Aħjar l-għafrid li jafu milli x-xitan li ma jafux! L-appoġġ mitluf jerġa’ jinkiseb.
L-istħarriġ ma sarx lejlet l-elezzjoni ġenerali, għalhekk hemm tama qawwija li dak li jidher minn taħt illum jista’ jitla’ fil-wiċċ għada. Minn naħa l-oħra l-Laburisti, la l-istħarriġ tefagħhom minn fuq, iridu joqogħdu attenti li ma jiħdux ferħa bla temma u sakemm tasal l-elezzjoni jirrealizzaw kif wara d-daħk jiġi l-biki jew kif il-biki tal-ferħ jinbidel f’biki tan-niket!
Għal-Laburisti akkaniti m’hemmx għalfejn jagħmlu stħarriġ għax f’moħħom, u iktar u iktar f’qalbhom, diġà għamluha fatta li l-Gvern li jmiss se jkun dak tal-MLP.
Il-Laburisti mhux daqstant akkaniti jaħsbu li l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun waħda viċin ħafna bir-riżultat jista’ jmur naħa jew oħra bi ftit voti. L-attivisti Nazzjonalisti wkoll daħħluha f’rashom li sakemm jibqa’ Alfred Sant fit-tmun tal-MLP ir-rebħa Nazzjonalista hi garantita. Imma n-Nazzjonalisti li mhumiex akkaniti ma jaħsbuhiex hekk. Anzi għandhom qalbhom imtertqa jekk il-PN hux se jirnexxielu jġib l-appoġġ meħtieġ biex jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Kif jaħsbuha u jirreaġixxu l-Laburisti u n-Nazzjonalisti, ta’ ġewwa u ta’ barra, minn issa sa l-elezzjoni ġenerali hu importanti għall-partiti speċjalment fil-kuntest ta’ l-istrateġija li qed ifasslu għall-kampanja elettorali. Iżda l-ikbar uġigħ ta’ ras tal-partiti hu kif se jkunu jafu x’se jagħmlu dawk il-votanti li la huma Laburisti u lanqas Nazzjonalisti, dawk li kienu darba f’xi partit u issa m’għadhomx, dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba u m’għandhomx alleanzi partiġjani, dawk li f’kull elezzjoni jivvutaw lill-partit differenti, dawk li jinteressaw ruħhom fil-proposti konkreti u mhux fuq l-ideoloġiji u teoriji fl-ajru. Dawn kollha flimkien għandhom is-saħħa li bil-vot tagħhom jiddeterminaw min jirbaħ l-elezzjoni.
Huma dawn il-votanti li jkunu l-mira tal-partiti fl-eqqel tal-kampanja. Lil dawn iridu jikkonvinċu. Għax huma jċaqilqu l-pendlu naħa jew oħra! U dawn il-votanti qegħdin jikbru fin-numru! Nazzarda ngħid li għad jasal żmien fejn dawn għad ikunu l-maġġoranza ta’ l-elettorat!
Minn banda huma nies diffiċli biex tikkonvinċihom. Fil-politiku m’għandhomx fiduċja u jarawh qisu xi ħadd neċessarju iżda jkun aħjar li ngħaddu mingħajru! Mill-banda l-oħra mhuwiex daqstant diffiċli biex tiġbidhom lejk iżda mhux billi “timxi għal għajnhom” imma billi tissostanzja dak li tiddikjara.
Dawn huma l-votanti li jridu jisimgħu bi proposti konkreti. Li se jevalwaw lill-partit fil-Gvern l-iktar fuq dak li wiegħed u ma wettaqx. U lill-partit fl-Oppożizzjoni fuq kemm hu kredibbli f’dak li jwiegħed. Dawn jafu jiddistingwu bejn il-wegħda “li kif inkunu fil-Gvern ma’ l-ewwel sitt xhur se nagħmlu studju biex possibbilment naraw kif innaqqsu t-taxxa tad-dħul għall-klassi medja b’10%” u l-wegħda “ li b’effett minn sitt xhur minn meta nkunu fil-Gvern ir-rata tat-taxxa għal dawk li jaqilgħu bejn Lm7,000 u Lm12,000 fis-sena tonqos b’10%”.
Proposti li fil-widnejn jinstemgħu l-istess iżda fil-moħħ tal-votanti li semmejna jagħmlu differenza kbira. Ta’ l-ewwel huma paroli fis-sħab, ta’ l-aħħar huma rakkommandazzjonijiet prattiċi.
Fl-elezzjoni li ġejja dan hu li se jħoll u jorbot: kemm il-proposti tal-partiti se jkunu konkreti u bis-sens li jikkonvinċu lill-votant mhux akkanit biex jaċċettahom. U peress li f’din l-elezzjoni ġenerali m’għandniex xi kwistjoni li tista’ tnessina kunsiderazzjonijiet oħra kif kienet l-aħħar elezzjoni fejn kollox kien idur mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, allura s-saħħa tal-votant floater din id-darba se tkun ikbar.

matyas@maltanet.net

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt