04 ta' Marzu 2007 • Nr 18

Arkivji




 

 

 

04 ta' Marzu 2007
Alla u x-xitan

George Pullicino pprova jogħġob lil Alla u lix-xitan u spiċċa biex m’għoġob lil ħadd bl-aħħar emendi li saru fil-liġi li tirregola l-kaċċa u l-insib.
Il-kaċċaturi jistgħu jittamaw għal ftit żmien ieħor li għandhom staġun tar-rebbiegħa iżda bħal dejjem mhumiex kuntenti għax iridu iktar. L-ambjentalisti u dawk il-ħafna Maltin u Għawdxin li jixtiequ jgawdu l-kampanja mingħajr it-tfixkil tal-kaċċaturi huma diżappuntati għax il-Gvern ċeda quddiem il-pressjoni li saritlu.
Il-verità hi li d-deċiżjoni biex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa tmur kontra dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea. Fl-2004 il-Gvern kien applika biex jimplimenta d-deroga li hemm fid-Direttiva ta’ l-Għasafar u li tippermetti li ssir kaċċa fir-rebbiegħa b’mod limitat u f’ċerti sitwazzjonijiet.
Dakinhar il-KE ċaħdet it-talba tal-Gvern. Minkejja dan, fl-2005 u l-2006, il-Gvern baqa’ jistina rasu billi fetaħ l-istaġun tar-rebbiegħa u dawn wasslu lill-KE biex f’Ġunju tas-sena li għaddiet bdiet proċeduri kontra Malta.
Pajjizna se jispiċċa jħallas multi kbar u r-ras iebsa tal-Gvern se tagħmilha agħar.
Il-Gvern u l-Federazzjoni tal-Kaċċaturi donnhom iridu li flus il-poplu Malti jmorru biex titħallas multa lil Brussels għall-konvenjenza tal-ftit. Dan mhux aċċettabbli.

Toroq ġodda
L-intervista tal-lum tlaqqagħna ma’ Charles Miceli, persuna li taħdem fil-Caritas u li tħabbat wiċċha kuljum mal-problema tad-droga. Jekk hawn nies li jafu x’inhi t-tbatija li jgħaddu minna persuni li għandhom il-vizzju tad-droga huma proprju il-voluntiera u l-impjegati tal-Caritas.
Il-ġlieda tagħhom mhix kontra min għaddej mill-problema tad-droga iżda kontra l-kawżi li jwasslu persuna biex taqbad it-triq tat-tbatija. Ix-xogħol siewi li tagħmel il-Caritas mal-vittmi u l-familjari tagħhom hu ta’ valur kbir mhux biss għall-individwi konċernati iżda wkoll għas-soċjetà.
Iżda l-Caritas hi biss ħolqa f’katina itwal ta’ aġenziji u organizzazzjonijiet li jmissu mal-problema tad-droga. Dil-gazzetta tħoss li għal ħafna snin l-enerġija ta’ l-awtoritajiet kienet iffukata wisq fuq ‘il-ġlieda kontra d-droga’.
Din il-ġlieda li f’ħafna okkażjonijiet m’għamlitx distinzjoni bejn il-barunijiet u l-vittmi, bejn vittmi li raw lil sħabhom imutu b’overdose maġenbhom wara li jkunu qasmu d-droga u xi ħadd li intenzjonalment ikun għadda droga iktar pura biex joqtol lil xi ħadd, bejn xi ħadd li jkollu jittraffika biex imantni l-vizzju u xi ħadd li jittraffika biex idawwar kemxa flus.
Inħossu li l-ġlieda falliet. Swiet lill-pajjiż ħafna flus, enerġija u riżorsi li setgħu ntefqu b’iktar għaqal, anki fi programmi ta’ kura għal min għandu l-vizzju.
Id-droga toħloq problemi ta’ saħħa u mġiba lil min jabbuża minna iżda l-fatt li hi illegali tikkomplika l-affarijiet aktar. Sfortunatament għax id-droga hi illegali, min jabbuża bilfors ikollu jċappas idejh mal-kriminalità biex jakkwistaha. U kulmin imiss mal-kriminalità xi darba jew oħra jispiċċa jinġarr f’ċirku vizzjuż biex ikompli jmantni l-vizzju.
L-illegalità twassal ukoll għal prezzijiet esaġerati li jkissru l-but ta’ min qed jabbuża li ħafna drabi jispiċċa jisraq jew jtiha għall-prostituzzjoni biex ikollu flus biżżejjed. Fejn il-flus jonqsu l-vittma tispiċċa wkoll tagħmilha ta’ pusher biex tirkupra parti mill-ispejjeż. Hemm ukoll fattur inkwetanti. Kriminal m’għandux skrupli għalhekk mhux l-ewwel darba li tinbiegħ droga maħmuġa b’dannu għas-saħħa ta’ min jużaha.
Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li l-illegalità tad-droga minnha nfisha qed toħloq problemi akbar għal kulħadd. F’dan il-qafas inħossu li hemm bżonn dibattitu serju dwar il-possibbiltà li d-droga tkun legalizzata.
L-alkoħol u s-sigaretti huma legali. Hu minnu li l-pajjiż jonfoq ħafna flus biex jeduka u jikkontrolla l-ħsara li jagħmlu dawn iż-żewġ sustanzi. Iżda minnu wkoll li min ipejjep mhux kriminal u għalhekk isir iktar faċli għalih li jfittex l-għajnuna. Mhemmx stigma fuq il-familja jekk xi ħadd ipejjep. Iżda teżisti stigma jekk xi ħadd ikun ivvizzjat mid-droga. Dan il-fatt waħdu jagħmilha diffiċli li persuna li tmiss mad-droga toħroġ fil-beraħ dwar il-problema tagħha.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt