Bonġu iebes dalgħodu. Hawnhekk qed jagħmel temp mill-iktar insapportabbli. Xitwa ta’ barra minn hawn, riħ isfel u sħana kollha tidlik matul il-jum u sirda li tniffdek bil-lejl. U bil-kamp tal-kanvas fejn qegħduna għall-frisk l-Ingliżi, ma tridx wisq biex tniffed il-kesħa ta’ bil-lejl. Biex tkompli tgħaxxaq il-bubù mbagħad hemm il-ġibli, ir-riħ tad-deżert u xita bil-ħamrija li ġieli tqattar fuqkom anki f’Malta. Insomma hawnhekk qegħdin tajjeb, kif Alla jridna. Kultant żmien isiru l-elezzjonijiet biex ikunu saru u Hosni dejjem jispiċċa jkaxkar kollox. Ma nafx xi jrid ikun biex Mubarak jinqala’ mill-post fejn hu mkaħħal sakemm ma tkunx il-mewt, barra minn fuqu.
Nittama li f’Malta ma tispiċċawx bħalna fl-Eġittu. Wara kważi 20 sena bin-Nazzjonalisti fil-Gvern, ftit ikun jonqoskom jekk barra minn fuqkom il-PN jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni li ġejja.
Xtaqt inselli għall-Ministru Tony Borg li din il-ġimgħa fettillu jiftakar fija u semmini fil-Parlament biex ikun semmieni. Qaluli li Dottor Borg għamel diskors imqanqal dwar l-internati ta’ l-Uganda fil-65 aniversarju minn meta Sir Ugo Mifsud kien għamel diskors mill-iktar emozzjonali fl-Assemblea Leġislattiva biex sħabu ma jkunux internati mill-Ingliżi. Tant kien ħa battikata kbira dakinhar Sir Ugo li tah ħass ħażin fis-Sala ta’ l-Arazzi u jumejn wara miet.
Jien ma nafx xi jrid jgħid biha Dottor Borg din l-ossessjoni tiegħu dwar l-internati meta hi ħaġa ċerta li fosthom, anki jekk mhux kollha, kien hemm simpatizzanti faxxisti li jaduraw lil Mussolini. Ma jafx li ta’ kull darba li Dottor Borg joqgħod isemmi l-internati qed jerġa’ jtella’ fil-wiċċ ir-rabtiet sentimentali li kien hemm bejn in-Nazzjonalisti u l-Faxxisti ta’ Mussolini.
Jeżistu provi li l-istamperija li n-Nazzjonalisti kellhom fil-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer kienet iffinanzjata minn flus li kienu ġew mill-Partit Faxxista Taljan. Biex taparsi jinstema’ ta’ l-oġġettiv, il-Ministru Borg għoġbu jsemmi lili wkoll bħala vittma oħra tal-kolonjaliżmu Ingliż li safa eżiljat barra minn pajjiżu. Imma għall-inqas sħabu l-internati Nazzjonalisti fl-Uganda reġgħu lura Malta wara sena, imma jien kelli nibqa’ hawn għall-bqija ta’ ħajti.
Jekk irridu nitkellmu b’idejna fuq il-kuxjenza l-vera eżiljati minn Malta la kienu l-internati ta’ l-Uganda u lanqas jien imma dawk l-imsejkna li kienu tturufnati lejn l-Awstralja fis-Snin Sittin li ta’ bilfors kellhom imorru f’art oħra biex jaqilgħu x’jieklu għax f’Malta ma kienx hemm futur ta’ xejn. Il-veru eżiljati Maltin kienu dawk is-subien taħt l-età li kienu jintbagħtu waħidhom mingħajr il-familja lejn l-Awstralja li mbagħad sfaw vittmi ta’ abbużi sesswali kbar. Imbasta l-Gvern Nazzjonalista kien jibgħat il-banda fuq il-moll tad-dwana biex takkumpanja l-vapur b’dawn l-imsejkna ħiereġ mill-port.
Minn hawnhekk nipprova nsegwi kif nista’ l-aħbarjiet minn Malta meta bis-serqa jirnexxili nidħol fuq l-internet minn fuq il-kompjuter tal-maġġur waqt li suppost inkun qed innaddaflu l-uffiċċju.
Din il-ġimgħa qrajt intervista fuq it-Times mal-kappillan tal-paroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt, Patri Saviour Grima u litteralment bqajt imkexkex b’dak li qrajt fuq belt twelidi. Il-faqar mifrux, ħafna anzjani priġunieri f’darhom, ħafna nies jgħixu fis-solitudni u fid-dipressjoni, toroq imdallmin li jkomplu jinkoraġixxu l-kriminalità rampanti, tfaqqiegħ ta’ droga f’wiċċ kulħadd, l-istigma soċjali li jġorru fuqhom dawk li jgħixu l-Belt.
L-iktar silta li laqtitni minn din l-intervista ma’ Patri Saviour kienet tgħid “the beggars may not be on the streets, but they are in their homes”. Forsi din hi l-unika differenza mill-Belt ta’ żmieni għall-Belt ta’ żmienkom, żmien is-Smart City u l-ħafna ftaħir fil-vojt tal-propagandisti Nazzjonalisti. Hekk sew, fi Strada Rjali, tal-jet set jixxuxxaw taħt l-umbrelel fi Pjazza Reġina, jitfewqu l-ikel bnin tar-ristoranti lussużi u rpużati fuq il-pultruni tal-Palazz jew tal-Każin Malti, u żewg toroq ’l isfel hemm dik id-dekadenza u dik il-miżerja kollha.
Xejn ma ngħidilkom tac-City, komplu vvutaw lil Austin Gatt: kuntenti intom, kuntent kulħadd.
Bonġu għalikom!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt