25 ta' Frar 2007 • Nr 17

Arkivji




 

 

25 ta' Frar 2007
Il-banek f’Malta

Bil-miġja tal-privatizzazzjoni u tax-xiri ta’ numru ta’ banek Maltin mill-barranin il-kwalità tas-servizzi bankarji tjiebet, baqgħet fejn kienet jew marret għall-agħar? Li hu żgur hu li , naqas l-indħil politiku fit-tmexxija tal-banek.
L-indħil politiku minn banda kellu l-effett pożittiv li l-banek kienu iktar disposti li jġorru piż soċjali f’dak li għandu x’jaqsam, per eżempju, il-ħarsien ta’ l-impjiegi f’kumpaniji li kienu għaddejjin minn żmien ħażin.
Iżda mill-banda l-oħra dan l-in-dħil kellu wkoll l-effett negattiv li l-banek kienu jinqabdu fl-inġra-naġġ tas-sistema klijentelista tal-pjaċiri u ta’ prattiċi abbużivi jew irregolari li kienu jiswew ħafna flus għax-shareholder tal-bank, il-Gvern, jew aħjar lit-taxpayer.
Għal dak li hu servizz tista’ tibda mill-affarijiet iż-żgħar li kienu jingħataw qabel u li issa nqatgħu, bħall-kopji taċ-ċekkijiet li kienu jintbagħtu lura lill-klijent u li kienu jservu ta’ rċevuta, u statements li kienu jintbagħtu b’mod ferm aktar regolari mil-lum.
Naturalment it-teknoloġija għenet ħafna biex jinqatgħu l-kjuwijiet u d-dewmien fis-servizz li jingħata mill-friegħi. Imma mill-banda l-oħra dik il-faxxa ta’ nies li mhix daqshekk familjari ma’ gadgets elettroniċi bħalma huma l-ATMs, speċjalment l-anzjani u nies illitterati, dawn spiċċaw marru ferm agħar minn kif kienu. Għax għal bidu kienu jħallsu 50 ċenteżmu biex isarrfu ċekk u issa spiċċaw qed iħallsu żewġ liri ta’ kull darba li jsarrfu l-pensjoni miżera tagħhom.
B’effett tal-privatizzazzjoni spiċċaw għalqu numru ta’ fergħat mhux ewlenin fl-irħula ż-żgħar bħall-Imġarr u Ħad-Dingli u għad hawn diversi postijiet imdaqqsa bħal Santa Luċija li m’għandhomx la fergħa ta’ bank u lanqas servizz ta’ ATM. Ħaġa tajba li maż-żmien il-banek daħhlu wkoll kunċetti moderni bħal relationship management, customer care u ideat li kienu importati minn barra. Imma fl-aħħar tal-ġurnata għall-istess servizzi li bejn wieħed u ieħor konna nieħdu fil-passat b’metodi kemmxejn iktar primittivi, issa qed inħallsu ferm iktar f’bank charges, administration fees u kummissjonijiet esorbitanti. Mhux l-ewwel darba li biex issarraf cheque barrani ta’ Lm100-Lm150, il-bank jaqbad u jnaqqaslek kummissjoni ta’ Lm7 jew Lm8 li għandek ta’ l-inqas xi tliet snin jew iktar biex taqlagħhom f’imgħax f’kont ta’ tifdil ma’ l-istess bank.

Tariffi u kummissjonijiet
Il-banek kummerċjali f’Malta bil-kompetizzjoni kollha li suppost teżisti bejniethom, minflok jikkompetu dwar kif se jnaqqsu l-ispejjeż għall-klijenti donnhom f’kompetizzjoni min hu l-aqwa minnhom biex jgħolli t-tariffi u l-kummissjonijiet.
Jekk nieħdu l-eżempju tal-HSBC, id-dħul ta’ dan il-bank mill-fees and commissions receivable għas-sena 2005 kien ta’ Lm9.342 miljun u fis-sena 2006 dawn żdiedu għal Lm13.848 miljuni, qabża ta’ Lm4.5 miljun, jew żieda ta’ iktar minn 48 fil-mija f’sena waħda biss.
Min-naħa tiegħu l-Bank of Valletta fl-2006 kellu dħul minn fees and commissions ta’ Lm17.656 miljun li meta jitqabbel mat-Lm13.506 miljun għas-sena 2005, turi żieda ta’ Lm4.15 miljun jew ta’ iktar minn 30.7 fil-mija f’temp ta’ sena waħda biss.
Id-dħul tal-banek Maltin mill-fees and commissions bħala persentaġġ tad-dħul totali tagħhom hu sostanzjalment ogħla mid-dħul mill-istess sors tal-banek barra minn Malta. X’qed tagħmel l-awtorità regolatriċi tal-banek f’Malta, l-MFSA, biex tiżgura li l-banek mhumiex qed jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti li għandhom fis-suq fejn qed jispiċċaw jiddettaw termini li mhumiex ġusti mal-klijenti tagħhom?
L-MFSA mhi qed tagħmel assolutament xejn dwar dan kollu għajr għal xi studju li sar minn din l-Awtorità fuq insistenza tas-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech dwar kif il-prattiċi bankarji rigward kreditu qed jolqtu l-prezzijiet tal-proprjetà, liema studju ma kien wassal assolutament għal imkien ħlief, s’intendi, li mar tajjeb il-konsulent li għamel dan ir-rapport.

Imgħaxijiet
Imbagħad xi ngħidu għaż-żidiet għal darba, darbtejn fir-rata bażi ta’ l-imgħax tal-Bank Ċentrali li tħabbru fix-xhur li għaddew? Il-banek Maltin qabdu u għollew b’effett immedjat ir-rata ta’ l-imgħax fuq is-self mogħti lill-klijenti kemm għal xiri ta’ proprjetà residenzjali kif ukoll fuq self għal skopijiet oħra.
Imma ħaġa ta’ l-iskantament
ir-rata ta’ l-imgħax fuq kontijiet ta’ tifdil baqgħet l-istess u r-rata ta’ l-imgħax fuq kontijiet ta’ depositi fissi tista’ togħla biss wara li jkun skada l-per-jodu kurrenti tad-depożitu.
Jiġifieri jekk il-kont hu marbut għal ħames snin, ir-rata ta’ l-imgħax ma togħliex qabel ma jkun għadda l-perjodu kollu tal-ħames snin. Konsegwenza ta’ dan kollu ċ-ċaqliqa żgħira pożittiva li kien hemm fil-faxex ta’ l-income tax fl-aħħar baġit ta’ Gonzi (s’intendi dawk l-eluf li ma jinqabdux bit-taxxa baqgħu fejn kienu) kienet prattikament imħassra b’effett tad-deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali meta għolla r-rata bażi ta’ l-imgħax, suppost biex tkun ikkontrollata ftit aħjar l-inflazzjoni.
Huwa kalkulat li l-piż ta’ l-imgħax fuq self għall-xiri ta’ proprjetà għola bħala medja b’xi Lm6 jew Lm7 fix-xahar. Meta tqis kemm kien diġà diffiċli għal ħafna koppji żgħażagħ li jlaħħqu mal-pagamenti tal-bank ta’ kull xahar biex iħallsu lura s-self fuq id-dar tagħhom, l-impatt ta’ din il-miżura bla dubju hu wieħed soċjalment distabbilizzanti.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi wera ruħu nkwetat bl-ef-fetti soċjali ta’ din iż-żieda fir-rata ta’ l-imgħax imma s’hemm wasal.
X’qiegħed jagħmel l-Uffiċċju dwar il-Kompetizzjoni Ġusta f’Malta fir-rigward ta’ dan kollu? Min suppost qed imexxi dan l-uffiċċju għandu idea ta’ x’ġara f’pajjiżi oħra meta l-banek ittantaw jagħmlu l-istess bħalma llum qed jiġri f’Malta mingħajr ebda xkiel ta’ xejn? Lanqas hu sew li l-Prim Ministru Gonzi joqgħod jgħid li ż-żieda fir-rata ta’ l-imgħax imħabbra mill-Bank Ċentrali olqot problema għal dawk l-eluf u eluf ta’ Maltin u Għawdxin li għandhom self fuq id-dar, imbagħad jibqa’ ċass quddiem din il-problema.
L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta tar-Renju Unit fis-16 ta’ Frar li għadda ħareġ il-proposti tiegħu għal tibdil fil-Kodiċi tal-Banek. Fost affarijiet oħra qed jipproponi li jkun hemm aktar trasparenza għall-klijenti f’dawk li huma ħlasijiet għal servizzi, b’mod partikolari tinqata’ l-prattika ta’ charges moħbija u titjieb fil-kwalità ta’ informazzjoni biex ikun aktar faċli li jsiru l-paraguni bejn prodotti differenti.
Meta tagħmel kalkolu rigward id-differenza bejn l-imgħaxijiet li qed jitħallsu mill-banek fuq id-depożiti tal-klijenti u l-im-għaxijiet li qed idaħħlu l-banek fuq l-ammonti mislufa minnhom, dak li f’termini tekniċi jissejjaħ in-Net Interest Income hu wieħed konsiderevoli biex ma ngħidx esaġerat. Il-konsumaturi, f’dan il-każ il-klijenti tal-banek, mhumiex ittrattati b’mod ġust minn min tant huwa finanzjarjament b’saħħtu li jista’ jiddetta l-kundizzjonijiet li jrid hu fis-suq u ma teżisti l-ebda tarka jew awtorità bis-snien li tista’ tħares l-interessi tal-konsumaturi b’mod effettiv.
Fl-2006 l-HSBC irċieva bħala imgħax Lm80.8 miljuni filwaqt li fl-2005 kien daħħal Lm71.7 miljun, żieda ta’ 12.8 fil-mija f’sena waħda. Mill-banda l-oħra l-imgħaxijiet imħallsa mill-HSBC lill-klijenti tiegħu kienu jlaħħqu Lm33.9 miljun, mentri fl-2005 dan il-bank ħallas f’imgħaxijiet Lm34.3 miljun, tnaqqis ta’ Lm0.4 miljun. In-Net Interest Income għall-HSBC fl-2006 kien ta’ Lm46.9 miljun, żieda ta’ kważi miljun lira f’sena waħda. In-Net Interest Income tal-BOV għas-sena li għaddiet kien ta’ Lm49.1 miljun u fl-2005 kien ta’ Lm44.56 miljun. Id-differenza bejn l-imgħaxijiet imħallsa u l-imgħaxijiet li qed jirċievu l-banek hija esaġerata wisq li ma tistax tkun ġustifikata mill-banek.
Dan kollu qed iwassal biex il-banek kummerċjali ewlenin f’Malta jagħmlu profitti esaġerati li ħafna minnhom qed jinħarġu barra mill-pajjiż. U fil-każ ta’ l-HSBC, bil-profitti kbar li qed jagħmlu, se jkunu fdew dak li ħarġu biex xtraw il-Mid-Mid f’temp ta’ tliet snin.
Waħda mis-soluzzjonijiet li kienu proposti biex jiġi mrażżan dan il-fenomenu tan-Net Interest Income m’għola s-smewwiet ħareġ biha l-eks President tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli. Dan kien ippropona windfall tax fuq il-profitti tal-banek u mid-dħul ta’ din it-taxxa kien ikun hemm x’jagħmel tajjeb biżżejjed għaż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt u ma kienx ikun hemm għalfejn tiddaħħal il-balla tas-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-ironija f’dan il-pajjiż hi li politiku tal-lemin bħal Frank Portelli jista’ jipproponi taxxa ‘soċjalista’ bħal din, imma l-Partit Laburista tant hu dellu tqil li jekk ikun hu li joħroġ b’miżura bħal din, għid li kulħadd jispiċċa jaqbeż fuqu.
wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt