25 ta' Frar 2007 • Nr 17

Arkivji




 

 

25 ta' Frar 2007

Nibżgħu għax-xogħol

Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Green Paper wara snin ta’ diskussjonijiet bejn l-imsieħba soċjali u fl-aħħar qed tindika ’l fejn trid timxi f’dak li jirrigwarda l-liġijiet li jirregolaw ix-xogħol.
L-Ewropa magħquda llum maqbuda f’morsa. Qed tbati biex toħroġ minnha. Ir-raġuni hi li din l-Ewropa, li kieku kien għal-Labour f’Malta bqajna barra minnha, hi Ewropa Soċjalista. Soċjalista fis-sens li l-intrapriża u min iħaddem dejjem għat-telgħa. Jekk tifli d-dokumenti kollha li toħroġ il-Kummissjoni jew id-dokumenti li jkunu diskussi fil-Parlament u dak kollu li jersaq fil-Kumitat Ewropew Soċjali u Ekonomiku (ECOSOC), issib li hu aktar immirat biex jipproteġi lill-ħaddiema u l-industrija stabbilità fejn il-ftehim kollettiv jiddomina u s-servizzi soċjali u s-servizzi statali u muniċipali li jingħataw b’xejn aktar milli politika favur l-intrapriżi u favur l-investiment li joħloq ix-xogħol.
Insibu kważi kullimkien bħalma nsibu f’Malta, id-Dipartiment tax-Xogħol, id-Direttur tax-Xogħol. L-enfażi hi fuq il-kelma ‘xogħol’. Imma fil-verità l-kelma ‘xogħol’ saret tfisser ħaddiem, anzi protezzjoni tal-ħaddiem. Id-Direttur tax-Xogħol hu veru direttur responsabbli mix-xogħol? Kieku kien hekk hu l-akbar protettur ta’ l-intrapriża għax l-intrapriża toħloq ix-xogħol. Imma fil-verità dan hu direttur, u miegħu d-Dipartiment kollu, li xogħlu hu li jipproteġi l-ħaddiem u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
Għad irrid nara l-inspectors tal-Labour Office jmorru jaraw kif jgħinu lil min irid joħloq ix-xogħol u mhux biex jaraw jekk hemmx sidien li mhux jimxu mal-punt u l-virgola tal-liġi tax-xogħol.
Imbagħad nitkellmu fuq l-Aġenda ta’ Lisbona. Jiġifieri x’irid isir biex tikber il-produzzjoni, jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol, jogħla l-valur miżjud settur b’settur u kif il-ħaddiema jżidu l-kapaċità tagħhom bis-saħħa ta’ aktar taħriġ, aktar teknoloġija u aktar flessibiltà. L-istrateġija tfasslet meta l-Ewropa stenbħet għall-fatt li b’paragun mar-reġjuni ekonomiċi l-oħra fid-dinja, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, New Zealand, iċ-Ċina u l-Indja, kienet qed taqa’ lura.
L-analisti ekonomiċi kollha jaqblu li r-raġuni ewlenija hi li l-pajjiżi ta’ l-Ewropa huma aktar riġidi u l-aktar mgħobbija b’nuqqas serju ta’ flessibilità fis-suq tax-xogħol.
Ħadd ma jrid ikisser il-mudell soċjali Ewropew fejn il-protezzjoni tal-ħaddiem u s-sigurezza soċjali huma prijorità, imma żġur ma tistax l-Ewropa timmira lejn l-istrateġija ta’ Lisbona li trid twassalna biex sa 10 snin oħra nkunu l-aktar reġjun avvanzat ekonomikament fid-dinja, meta fl-istess waqt ma jibdlux b’mod realistiku l-ankri u s-sarimi li żammewhom lura bħala reġjun. Malta tgħodd ma’ l-oħrajn.
Għalhekk aħna bħala GRTU għamilna rapport ekonomiku li wasal biex isaqsi l-mistoqsija: minn fejn se jiġi t-tkattir ekonomiku li jrid isostnina fis-snin li ġejjin u li jagħtina l-istandard u kwalità ta’ ħajja li rridu aħna bħala Maltin Ewropej.
Għax faċli ngħidu rridu nibdlu. Aktar u aktar meta ngħidu li rridu nibdlu l-liġijiet tax-xogħol biex insiru aktar flessibli. X’flessibiltà? Fejn? U jekk aħna kull fejn nippruvaw indaħħlu l-flessibiltà qisna qed insemmu l-Antikrist, kif se naslu?
L-istudju tagħna wera li s-setturi fejn hemm flessibiltà, u mhux b’kumbinazzjoni huma dawk fejn it-trade unions tal-ħaddiema għandhom lanqas saħħa u fejn id-Direttur tax-Xogħol lanqas li jindaħal, huma dawk li l-aktar li qed jespandu. Huma l-aktar li qed joħolqu impjiegi. Huma l-aktar kompettitivi. Huma dawk li jagħtu l-aħjar kumpens lill-ħaddiema. U fuq kollox huma dawk fejn il-valur miżjud ekonomiku kemm bħala settur kif ukoll b’relazzjoni ma’ dak li jitħallas lill-ħaddiema, hu l-ogħla.
Issa qed niddiskutu din il-Green Paper ta’ l-UE: Nimmodernizzaw il-Liġijiet tax-Xogħol biex nilqgħu aħjar l-Isfidi tas-Seklu 21.
L-argument f’pajjiżna bdejnieh. Bdejna nitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ aktar flessibiltà. S’issa bħas-soltu bdejna b’salt paroli. Xbajt u xbajt nattendi laqgħat ta’ paroli biss u fatti xejn.
Qatt ma jagħtuna stampa bil-figuri maħduma sew ta’ fejn ninsabu llum u fejn irridu mmorru. Jien inbati ferm biex nifhem. Jien aħjar tagħtini l-figuri biex inkun naf fejn jien.
Agħtini l-miri ta’ fejn irrid nasal fuq perjodu ta’ żmien u naħdem ma’ min trid biex infasslu l-politika u l-għodod biex dak li niftehmu dwaru ta’ fejn irridu naslu nwettquh. Sempliċi għażiż Watson. Imma għal Malta din diffiċli.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt