Wara 11-il sena ta’ skiet mindu tneħħa s-self management fit-Tarzna ta’ Bormla, l-eks Chairman Sammy Meilaq għażel lill-gazzetta Illum biex jgħid tiegħu dwar l-iżviluppi riċenti fl-azjenda u t-tensjoni li nħolqot wara protesta spontanja b’appoġġ għall-ħaddiema li kienu sospiżi.
F’intervista esklussiva Sammy Meilaq, li mexxa t-Tarzna għal 12-il sena, fisser it-tneħħija tas-self management fit-Tarzna mill-Gvern ta’ Alfred Sant fl-1997 bħala “deċiżjoni mgħaġġla ħafna li ttieħdet minn Prim Ministru li kien għadu jibda u li seta’ sab toroq differenti.”
Meilaq, li dan l-aħħar daħal fl-eżekuttiv tat-Taqsima Metall tal-GWU, jiddikjara li kien, għadu u se jibqa’ Laburist. Madankollu jħoss li jagħmel parti minn wing f’minoranza fi ħdan il-bażi tal-Partit Laburista ta’ Alfred Sant.
“Jien nemmen fil-politika Soċjalista ta’ Dom Mintoff ,” jistqarr fl-intervista filwaqt li jtenni t-twemmin tiegħu “fid-duttrina” ta’ Mintoff li Malta ma kellhiex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
“Jien għamilt żmien twil fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u fiċ-ċirkostanzi hu sewwa li m’għadnix attiv fl-Eżekuttiv għaliex fejn ma naqbilx ma’ linja politika m’għandekx għalfejn tkun fih,” isostni.
Sammy Meilaq jitkellem ukoll dwar il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi u jsostni li mhux ġust li wieħed jagħmel tqabbil mal-gvern ta’ Eddie Fenech Adami.
L-eks chairman tat-Tarzna jitkellem fit-tul dwar is-sitwazzjoni attwali fl-azjenda u jgħid li fost il-ħaddiema l-Ministru Austin Gatt “għandu l-fama li l-aġenda tiegħu hi li jagħlaqha u mhux li jsalvaha.” Ara l-intervista
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt