25 ta' Frar 2007
Alfred Sant: bidu ġdid jew ħobż mimgħud?
Toni
Meta Alfred Sant sar Prim Ministru fl-1996 fl-ewwel diskors tiegħu minn Kastilja għamel referenza għall-mod stramb li kien beħsiebu jmexxi. Sa mill-ewwel diskors tiegħu bagħat messaġġ li kellu ħsieb li jinqata’ u jinfatam minn kull prattika u konvenzjoni politika ta’ l-imgħoddi. Iżda mhux kulħadd fehmu.
Alfred Sant ried dejjem jibgħat messaġġ li ried jagħti bidu ġdid u ma jibqax marbut mat-tradizzjonijiet politiċi ta’ l-imgħoddi mfasslin minn politiċi anzjani li kienu jinsabu fuq iż-żewġ naħat tax-xatba politika.
Kien għalhekk li ta’ spiss kien jirrepeti fil-Parlament frażijiet bħal “spiċċa ż-żmien li noqogħdu nħokku dahar xulxin” b’riferenza ċara għal dawk l-eminenzi griżi fl-arena politika li minn fuq il-palk iġelldu n-nies u meta l-biċċa tkun saħnet iżżejjed iberrdu kollox minn wara l-kwinti – jekk mhux ukoll jitolbu midalja għax joħorġu jgħidu li salvaw lil pajjiżna ġieli anki, skond huma, minn gwerra ċivili.
Alfred Sant kien determinat li jinqata’ għal kollox minn dan ix-xenarju u kif kien kiteb f’wieħed mill-kotba tiegħu, ried jeskorta lil Malta biex f’dan il-mument eċitanti ta’ transazzjoni taqsam il-passaġġ mill-bieraħ, mhux għal-lum, iżda jekk jista’ jkun, għal għada.
Kienu għalhekk ‘strambi’ id-deċiżjonijet tiegħu għax ipprova jmur kontra kull kurrent kulturali fil-politika li la jridu jaċċettawh politiċi fil-kamp oppost u anki xi wħud li kellu madwaru.
Anki l-partitarji ma setgħux jifhmu eżatt xi jrid meta fil-politika tiegħu ma bdewx jilmħu dik it-tpattija li s-soltu wieħed jilmaħ meta jinbidel gvern. Uħud minn dawk li kienu tant ikkritikawh meta kien fl-Oppożizzjoni ħallihom fil-karigi li kellhom u kien jidher ċar li ħafna Laburisti ma bdewx jinqdew b’dik il-ħeffa u skond ix-xewqa tagħhom għax Alfred Sant ried li jagħti bidu kulturali ġdid - kontra kull twemmin trijonfalista li min jirbaħ l-elezzjonijiet jirbaħ kollox.
Jekk Alfred Sant wera li kien Ewroxettiku żġur ħadd ma jista’ jgħid li mhux Ewroċentriku. L-istil, il-ħsieb u l-viżjoni politika tiegħu hi tremendament Ewropea. Sekulari u litterat, hu għandu ġibda kbira lejn pajjiżi bħal Franza, pajjiż li pproduċa fost l-aqwa kittieba u ħassieba li ddistingwew bejn dak li huwa t’Alla u dak li hu ta’ Ċesari. Pajjiż, li fost il-pajjiżi kollha Ewropej, l-aktar li kkonserva t-twemmin xellugi u l-għożża ta’ l-Istat soċjali. Kienet ironika għall-aħħar li bħala rival tiegħu kellu lil Eddie Fenech Adami, li għalkemm meqjus bħala filo-Ewropej, mhux Ewro-ċentriku.
Fenech Adami kien bniedem provinċjali, konfessjonali, tradizzjonalista u eżempju inkarnat ta’ politiku li mir-reliġjon u l-‘valuri nsara’ jagħmel arma politika. Bniedem li kien kontra ħafna mill-ideat liberali tal-Punent.
Filwaqt li Alfred Sant, kif sar Prim Ministru, waqqaf Kummissjoni tal-Familja biex fost oħrajn anki tikkunsidra d-divorzju, Eddie Feneċh Adami, u anki s-suċċessuri tiegħu, għadhom sal-lum jgħidu le. Dan biex nagħti eżempju wieħed.
Alfred Sant tbiegħed ukoll mill-manneriżmi tradizzjonali – it-tgħanniq, it-tixjir ta’ l-idejn, daħk u tbissim barra minn loku. Iħobb aktar jikteb milli jitkellem u proprju għalhekk huwa faċli aktar tkun ikkwotat minn kull Prim Ministru li kien hemm qablu għax filwaqt li l-kitba tibqa’, il-kliem itir.
Nistieden lill-qarrej jiftakar meta l-aħħar kitbu artikli Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami u nagħtihom ċans sa l-eternità. Mentri Alfred Sant bħal donnu jrid li dak li jemmen fih, taqbel jew ma taqbilx miegħu, issibu.
Oħrajn bħal donnhom iridu jaħbu kull traċċa ta’ kif jaħsbuha. L-importanti li tinstema’ fil-mument biex jekk jista’ jkun l-għada jintesa f’każ li jkollhom bżonn idawru t-tmun fuq dak li qalu. Hemm min jaħseb b’konvinzjoni, u hemm min għall-konvenjenza.
Iżda rridu nammettu wkoll li Alfred Sant hu bniedem ta’ estremitajiet. Mhuwiex dak li jgħidu l-Ingliżi an average performer. Il-karriera tiegħu fil-fatt hi ttimbrata minn suċċessi mingħajr qies għal diżappunti li jweġġgħu fil-laħam il-ħaj.
Iżda filwaqt li s-suċċessi kienu tiegħu personali, id-diżappunti ma kinux fil-parti l-kbira tagħhom tort tiegħu. Kienu frott ta’ dawk li ma setgħux jiddeċifraw il-messaġġi li qiegħed jibgħat u għall-ewwel darba fil-politika Maltija ilmaħna b’mod ċar Prim Ministru jsib ostakli mhux biss minn barra, iżda anki minn ta’ ġewwa.
Duminku Mintoff per eżempju ma setax jifhem min kien dan li bħal xi personaġġ ta’ John Le Carrè daħal ġewwa mill-kesħa u issa jrid jaqleb kollox ta’ taħt fuq.
Uħud bdew jistaqsu min kien dan li beda jitkellem fuq Partit Laburista ġdid u l-imgħoddi bħallikieku qatt ma eżista, meta huma kienu parti minn dan l-imgħoddi. Li forsi Alfred Sant ma kienx fehem hu li għalkemm kellu politika f’direzzjoni tajba biex joħroġ lil Malta mill-għanqbut, il-pass li bih ried jibdel il-pajjiż kien mgħaġġel u jaħsad.
Nemmen li dak li ġara fl-1998 kien mument eċċezzjonali. Mument irrepetibbli, preċipitat mill-fatt li fil-Parlament kien hemm gvern b’differenza ta’ wieħed, meta suppost kellu jkun hemm tlieta. Kien eċċezzjonali għax il-persuna li waqqfet lill-Gvern dejjem qieset lilha nnifisha bħala ’l fuq minn kull politiku ieħor u li tul ħajtu ma kienx l-ewwel darba li wassal biex fil-partit tiegħu joħloq ċerti firdiet – ġieli għat-tajjeb u ġieli għall-ħażin. Għalhekk sal-lum, minkejja kull spin tal-Partit Nazzjonalista, għadna ma rajniex sew il-lat pożittiv ta’ Alfred Sant f’dawk iż-żminijiet
Meta llum inħares lura ngħid li ma ngħatax iċ-ċans. Dak iż-żmien ma kienx qiegħed jopera f’ċirkostanzi normali.
Meta fl-1998 Alfred Sant iddeċieda li jmur għall-elezzjonijiet ġenerali meta kien hemm min beda jgħidlu li ma jaqbillux, u meta kkunsidrat kollox kien jidher li elezzjoni bikrija se tintilef mill-Partit Laburista, jidher ċar li minkejja kollox kien lest li jieħu r-riskju biex tassew ikollu bidu ġdid.
Dakinhar il-poplu Malti kien tella’ lill-Partit Nazzjonalista prattikament fuq l-istess manifest li bih kienu irriġettawh fl-1996. Għalhekk anki f’ġieħ is-salvazzjoni tad-demokrazija ma nistax nifhem għaliex m’għandux ikun hemm l-MLP fil-Gvern b’Alfred Sant Prim Ministru biex jingħata ċans iwettaq dak li fl-immaġni ta’ moħħu għandha tkun Malta moderna.
Dan huwa s-sabiħ li kull leġislatura ddum biss għal ħames snin.
PEPPI
Fl-1996 ivvutajt Labour. Ir-raġuni kienet Alfred Sant. Mhux hekk biss, iżda ktibt u ħeġġiġt biex ħaddieħor jagħmel bħali. Ħafna għamlu bħali. Ivvutaw Labour għax ħassew li Alfred Sant kien il-persuna ġdida, moderna li l-Partit Laburista u l-pajjiż kellu bżonn. Hi ironija li wħud mill-istess nies illum jgħidulek li jixtiequ jivvutaw Labour iżda ma jagħmlux hekk proprju minħabba Alfred Sant.
Minn dak li naf dwaru, u minn dak li nisma’ minn nies li jafuh sew, Alfred Sant hu persuna intelliġenti ħafna. Persuna li kapaċi jżomm konverżazzoni dwar, tista’ tgħid, kollox. Persuna kreattiva li kiteb uħud mill-aqwa drammi ta’ żmienna. Bħala politiku irnexxielu jneħħi il-vjolenza fiżika minn timbru tal-Partit Laburista. Irnexxielu jippreżenta partit modern li kien rifless fiċ-Ċentru Laburista ġdid.
Waqt il-kampanja elettorali Alfred Sant wiegħed li se jbiddel diversi miżuri li ma kinux popolari, il-VAT kien eżempju. Xi ġurnalisti kienu jittantaw jistaqsuh: ‘Imma x’se tagħmel minflok? Il-cash registers se tneħħihom?’
Alfred Sant kien jaħrab mill-mistoqsijiet bit-tweġiba li għandu l-pjanijiet kollha lesti u lest jikkonsulta ma’ kulħadd. Dak iż-żmien in-nies żgur li kienu jqisu lill-ġurnalisti li jistaqsu bħala partiġjani. Alfred Sant kien għadu ġdid. Kellu jingħata ċ-ċans biex iwettaq il-viżjoni tiegħu għall-pajjiżna. In-nies fehmu li għalkemm ma kinux jafu x’kien il-pjan alternattiv għall-VAT xorta ivvutawlu għax ħassew li kellhom iħallu f’idejh. Ovvja, ħafna negozjanti assumew li kien se jneħħilhom il-cash registers anki jekk Alfred Sant qatt ma qal li kien jew ma kienx se jagħmel hekk.
Alfred Sant sar Prim Ministru. In-nies ħarġu jiċċelebraw bil-cash registers marbuta mal-karozzi jpaqpqu fit-toroq. L-esperjenza tas-CET u l-esperjenza ta’ miżuri oħra li ħadd ma kien sema’ bihom qabel urtaw lil ħafna nies.
In-nies bdiet tinduna li l-ġurnalisti li staqsew f’isimhom lil Alfred Sant x’kien eżatt il-pjan, kellhom raġun jistaqsu u jinsistu. Alfred Sant kellu l-kuraġġ jieħu azzjonijiet bħal meta daħħal il-50 ċenteżmu fuq kulmin imur jiġbor il-mediċina. Iżda anki hawn il-miżura daħlet mingħajr ebda ħajra ta’ spjegazzjoni dwar il-bżonn tagħha. F’dan is-sens bħal donnu Alfred Sant kien qed jgħid lin-nies: ‘Jiena naf x’għandkom bżonn u m’hemmx għalfejn tifhmu dak li għandkom bżonn’.
Inkunu nġusti jekk ma nirrikonoxxux li Alfred Sant għamel biss 22 xahar fil-Gvern u allura ħadd ma jista’ jgħid x’kien se jiġri kieku ngħata ċ-ċans li jagħmel ħames snin sħaħ. Iżda anki hawn, minkejja l-pariri kollha li kien qed jingħata, iddeċieda li jmur għall-elezzjoni li ħafna aċċertawh li se jitlef. U tilef. Il-kredibiltà tiegħu kompliet tittaqqab.
L-akbar żball strateġiku ta’ Alfred Sant aktarx kien dak li ma rrikonoxiex li l-maġġoranza tan-nies riedu jissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Minflok għażel li jgħid li rebaħ ir-referendum. Kieku sema’ minn dawk li fil-partit tawh parir biex jirrikonoxxi l-għażla li kien għamel il-poplu Malti jista’ jkun li seta’ jirbaħ l-elezzjoni. Ma naħsibx. Iżda kien ikun aktar kreddibli llum li qed jerġa’ jistiedinna biex nagħmluh Prim Ministru ta’ pajjiżna.
B’mod naturali l-Partit Laburista għandu jirbaħ l-elezzjoni li ġejja. Iżda dan ma jiġrix jekk Alfred Sant tal-lum jibqa’ jevita l-istess mistoqsijiet li kien għażel li ma jweġibx meta jiena u ħafna oħrajn ivvutajnilu. X’se tagħmel? Imma kif? Minfejn se ġġib il-flus? Taf kemm jiswew? Għal dawn il-mistoqsijiet Alfred Sant iwieġeb billi jgħid li ‘għandu jitwaqqaf task force, għandu jsir studju, għandha ssir konsultazzjoni iktar wiesa’.
Inħoss li hawn il-qofol tal-problema. Il-persuni mhux marbuta minn ġuf ommhom ma’ partit. Illum mhux se jikkuntentaw b’dawn ir-risposti. In-nies iridu jkunu jafu x’inhuma l-pjanijiet.
In-nies ma jistgħux jivvutaw għal partit li jwiegħed li jagħmel l-istudji fuq l-iktar kwistjonijiet jaħarqu biex b’hekk jibqa’ partit komdu għal kulħadd. Għax x’jiġri jekk l-istudji jissuġġerixxu proprju dak li ma ridtx jien? X’jiġri jekk wara l-konsultazzjoni ma jintlaħaqx ftehim u d-deċiżjoni tkun bil-kontra ta’ dak li għaliha nkun proprju għażilt li nivvota Labour? In-nies li jrebbħu jew itellfu elezzjoni jridu li l-istudji jsiru issa u jkunu jafu b’mod konkret għalxiex qed jivvutaw.
Jagħżlu lil Alfred Sant jekk jikkommetti ruħu anki jekk b’ċerti proposti se jurta ċerti nies. Huwa żball li tipprova togħġob lil kulħadd il-ħin kollu billi tipposponi l-proposti konkreti u tgeżwirhom f’task force u studji wara l-elezzjoni.
Għaliex naħseb li n-nies trid proposti konkreti biex tagħżel Labour? Għax hekk ġara fil-każ tal-Parnership. Il-maġġoranza tan-nies ma ħallietx f’idejn Alfred Sant biex kif kien qed iwiegħed, wara r-referendum, jinnegozja ftehim speċjali ma’ l-Unjoni Ewropea. In-nies insistiet u riedet tkun taf x’kien se jkun dan il-ftehim tal-partnership minn qabel ma tivvota. U għax baqgħet bla risposta konkreta vvutat iva għal sħubija. Jista’ jkun li jekk Alfred Sant jibqa’ ma jikkommettiex ruħu n-nies li jiddeċiedu min ikun il-Prim Ministru li jmiss terġa’ tagħmel l-istess.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt