25 ta' Frar 2007
Wieħed minn kull 10 żwiġijiet bil-Knisja għall-annullament
Julia Farrugia
Fuq medda ta’ ħames snin, għal kull għaxar żwiġijiet li saru fil-Knisja f’Malta, kien hemm żwieġ li falla u mar għall-annullament.
L-2006 kienet is-sena li matulha saru l-akbar ammont ta’ talbiet ġodda għall-annullamenti quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din il-figura hi l-ogħla waħda f’dawn l-aħħar seba’ snin.
Is-sena li għaddiet biss it-Tribunal irċieva 173 talba biex żwiġijiet ikunu nulli. Din l-istatistika ma tinkludix it-talbiet li saru fit-Tribunal ta’ Għawdex minn koppji li applikaw għal annullament. Dan għaliex il-Kurja ta’ Għawdex sostniet ma’ Illum “li tali tagħrif mhux miġbur u li l-affarijiet għadhom mhux organizzati.”
Din il-gazzetta tanalizza l-istampa attwali ta’ dak li qed jiġri fil-ħruġ ta’ annullamenti. Nistħarrġu wkoll l-ilmenti ta’ ħafna koppji li minħabba li għal xi raġuni jew oħra għadhom ma żżewġux bil-Knisja qed iħossuhom imwarrba mill-istess istituzzjoni.
Figuri li għandha f’idejha din il-gazzetta jikkonfermaw li għal kull mitt żwieġ li sar fil-Knisja Maltija, 13 fil-mija jew ġew annullati jew kien hemm applikazzjoni biex iż-żwieġ ikun dikjarat null. Din l-istatistika tirrifletti ż-żwiġijiet, l-annullamenti u t-talbiet ġodda għal annullamenti li saru bejn l-2002 u s-sena li għaddiet.
F’dawn il-ħames snin partikolari ż-żwiġijiet fl-Arċidjoċesi ta’ Malta kienu jammontaw għal 7,778. Jirriżulta li f’dan il-perjodu t-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta annulla 235-il żwieġ. F’dan il-perjodu wkoll it-Tribunal irċieva 745 talba biex żwiġijiet li saru fis-snin ta’ qabel ikunu dikjarati nulli daqs li kieku qatt ma saru.
611 fil-kju
F’kummenti lil din il-gazzetta l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jsostnu li “qed jeżaminaw x’jista’ jsir dejjem iżjed biex iż-żmien li fih jiġu deċiżi l-kawżi għall-annullament jitħaffef kemm jista’ jkun.”
Il-każijiet pendenti quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta jammontaw għal 611. Il-Kurja tikkonferma li minn meta jibda jinstema’ l-każ tgħaddi madwar sena fl-istadju ta’ dik li tissejjaħ l-Ewwel Istanza. Iżda f’każijiet oħra ż-żmien jista’ jitwal skond kemm ikun hemm xhieda u jekk ikunx hemm bżonn l-intervent ta’ psikologu fil-proċess tax-xhieda. Imbagħad jekk tingħata sentenza pożittiva, il-każ jgħaddi għas-Seconda Istanza u dan jieħu xi tmien xhur oħra biex jikkonferma li ż-żwieġ ikun null.
L-istatistika turi li tul dawn l-aħħar sitt snin l-ammont ta’ każijiet konklużi mit-Tribunal kien wieħed konsistenti b’medja ta’ 129-il każ konkluż kull sena. Imma r-realtà turi li hekk kif il-miżien kull sena jitħaffef mill-każijiet konklużi jerġa’ minnufih ixaqleb lejn in-naħa l-oħra minħabba l-ammonti kbar ta’ każijiet ġodda li jitfaċċaw kull sena.
Figuri kkonfermati mill-Kurja ta’ Malta juru kif is-sena li għaddiet kienet l-aktar sena li matulha t-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta rċieva talbiet ġodda għall-annullamenti. B’173 talba ġdida dawn il-figuri jiżbqu l-figuri għoljin li kienu reġistrati fl-2002 meta f’dik is-sena partikolari t-Tribunal irċieva 169 talba ġdida biex żwiġijiet ikunu annullati.
Dawn il-figuri ma jinkludux iż-żwiġijiet u t-talbiet għal annullamenti li saru fid-Djoċesi ta’Għawdex. F’kummenti lil din il-gazzetta l-Kurja ta’ Għawdex sostniet “li tali tagħrif mhux miġbur u li l-affarijiet għadhom mhux organizzati.”
Ħlasijiet
B’rabta ma’ l-annullamenti hemm ukoll ċerti spejjeż. Il-figuri jvarjaw minn każ għall-ieħor imma ta’ spiss l-ispejjeż jaqbżu s-somma ta’ Lm300. Dawn il-ħlasijiet jintalbu għall-ispejjeż li jsiru mit-Tribunal. Rapport ta’ espert lajk ġieli jiswa bejn Lm120 u Lm240. Il-Kurja ssostni li jekk dak li jkun ma jkunx jista’ jħallas, jiġi eżentat mill-ħlas jew parti minnu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt