25 ta' Frar 2007
Kolonna u moħħ ta’ l-atletika f’Malta
Qabel din l-intervista, lil Tony Fava kont smajt biss b’ismu. Qatt ma kont iltqajt miegħu. Almenu hekk kont mingħalija sakemm kien hu stess li fakkarni li kont kellimtu darba u nsejtu waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li kienu saru Malta fiż-żmien meta kont xogħol nirraporta l-atletika għat-televiżjoni. Baqa’ jiftakarni. Ma’ l-ewwel ftit sekondi miegħu stajt ninnota fih li hu raġel onest li jgħożż ħafna l-valuri tal-familja u li l-atletika tilgħab parti importanti fil-ħajja normali tiegħu ta’ kuljum. Nies bħal dawn f’Malta għandna bżonnhom bħall-ħobż fl-assoċjazzjonijiet sportivi Maltin. Naħseb li bħalu ftit li xejn issib.
“Ħafna drabi ma tkunx taf kif issib ruħek f’affarijiet bħal dawn. Jien dħalt għal din il-kariga għax kont insegwi dejjem lit-tifla tiegħi Gwen li kienet tmur l-Iskolasport tipprattika l-atletika.
“It-tifla kienet akkanita ħafna u darba xi diriġenti, inkluż il-ħabrieki president Victor Camilleri ta’ Athleta Pembroke, kienu ħajruha biex tingħaqad magħhom. Victor irnexxilu jerġa’ jagħti s-saħħa lil dan il-club li kien kważi mejjet. Mat-tifla kien hemm ħafna ismijiet li llum il-ġurnata huma ta’ isem kbir għal Malta. Lili kienu ħajruni ħafna l-ġenituri tat-tfal l-oħra biex nidħol fil-club ta’ Pembroke u meta wasal il-mument biex bħala club iressqu persuna għall-kunsill Nazzjonali fortunatament jew sfortunatament għażlu lili.”
Tony Fava twieled fil-21 ta’ Jannar 1947. Miżżewweġ lil Carmen u għandhom tlett itfal, Gwen, Bertrend u Trinity. Preżentament jokkupa l-kariga ta’ Viċi President ta’ l-Malta Amateur Athletic Association. Qed jieħu ħsieb ukoll is-settur taż-żgħażagħ. Jgħidli li l-atletika ilha tiġi pprattikata żmien twil f’Malta. Imma wieħed ma jistax ma jgħidx li bħal kull sport ieħor, f’pajjiżna limitati. Il-progress sar u bil-kbir. Il-ħinijiet juru waħedhom. Tony jikkonferma dan kollu, filwaqt li jisħaq fuq il-fatt li l-finanzi tibqa’ l-akbar problema tagħhom.
“L-atletika Maltija għamlet progress qawwi però jibqa’ realistiku l-fatt li aħna limitati u ma nistgħux nipparagunaw ruħna mal-pajjiżi l-kbar. Fl-istrutturi għandna biex ninqdew imma qatt mhu biżżejjed. F’nofs is-Snin Disgħin meta ttieħdet id-deċiżjoni li Malta tospita l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar it-track tal-Marsa ħadet wiċċ ġdid. Imma d-diffiklutà dejjem tibqa’ l-finanzi. Waħda mil-liġijiet ta’ l-Unjoni Ewropeja kienet tgħid li l-ebda kumpanija tat-tabakk ma tista tirriklama f’xi avveniment sportiv. Il-ftit kumpaniji l-oħra li għadhom jisponsorjaw, bir-raġun jiffokaw fuq l-isport il-kbir bħall-futbol, tiġrijiet taż-żwiemel u basketball.”
Ġeneralment l-istess proċedura ta’ l-isponsors taħdem ukoll fuq il-media. Illum il-ġurnata l-ispazju tal-ġurnalisti huwa limitat u għalhekk kulħadd jipprova jagħti priorità lill-aktar sport segwiet.
“Fil-media dan l-aħħar qed jiżdied l-interess. Qed ninnutaw li ċerti filmati fuq it-televiżjoni u rapporti fil-gazzetti qed jiżdiedu però nistqarr li ħafna drabi l-ġurnalisti li jirrappurtaw ma jkunux jafu t-teknika ta’ l-atletika. Hemm ġurnalisti barranin li jaħdmu biss fuq l-atletika u għandhom statistika kbira. Hemm differenza kbira. Ma nistgħux ngħidu li kuntenti sa l-aħħar imma meta nħares lura ngħid li għamilna progress kbir.”
U minnufih ifakkarni f’artiklu li deher ftit tal-jiem ilu f’gazzetta oħra lokali fejn ċertu rapport ta’ ġurnalist seta’ ħoloq pika u firda kbira bejn żewġ atleti. Li ġurnalist ifaħħar atleta nifhima.
Imma li l-artiklu jikkonkludih billi jagħmel paraguni ma’ atleta oħra ma nifhimha qatt u ma nistax nagħraf x’kienet ir-raġuni. Insaqsih jekk qrahx…
“Wieħed m’għandux jikkummenta meta ma jkollux tagħrif miftuħ. Aħna nieħdu pjaċir bl-artikli kostruttivi. Ħafna drabi jsiru rapporti mingħajr ma jkun hemm biżżejjed ħsibijiet. L-artiklu li qed issemmi qrajtu wkoll u weġġagħni xi ftit għax ġurnalist m’għandu qatt idaħħal il-pika. Li ddaħħal kompetizzjoni bejn żewġ atleti li tkun tajba u nadifa hija l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel lill-isport. Li ddaħħal il-pika ħażin ħafna.”
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar reġgħu magħna. Din id-darba jmiss Monaco. Il-kontinġent Malti dejjem kien organizzat bl-aħjar mod possibbli u dan ridt nikkonfermah mill-Viċi Presidnet innifsu. Fl-opinjoni tiegħi, l-iżvantaġġ jibqa’ li Ċipru huma fi klassi għalihom. “L-aspettativa tagħna għal Monaco mhux ħażina. Hawn min jara biss midalji imma dawn mhux kollox. Aħna għamilna programm fit-tul u maħsub lejn iż-żgħażagħ. Bħalissa qed ingawdu mill-frott ta’ dak investit fis-snin ta’ qabel. Ta’ l-inqas ħa nippruvaw inżommu dak li akkwistajna fl-aħħar edizzjoni.
“Ċipru bilfors ikunu fi klassi għalihom. Pajjiżhom għandu konnessjonijiet diretti mal-Greċja. Jinvestu miljun dollaru Amerikan fl-atletika biss kull sena. Niddubita jekk f’Malta dan l-ammont jiġix investit fl-isport kollu. Il-KMS għaddew Lm150,000 lil KOM għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Hija somma sabiħa imma ara fuq kemm-il sport hi mifruxa. Is-sena l-oħra kienet l-ewwel sena f’dawn l-aħħar 12-il sena li aħna bħala MAAA sofrejna deficit ta’ Lm6,000.”
L-atletika naraha bħal misteru. Ġieli tisma b’atleti li jkunu tilgħin fuq livelli straordinarji. Maż-żmien jintfew u jintesew. Hawn minnhom li jieqfu għax jiddejqu jew għax ma jsibux aktar ċans minħabba problemi ta’ xogħol u studju. Imma l-gravità tkun meta jkun hemm dawk li jkunu kostretti jieqfu għax ġisimhom jgħejja.
“Kellna seminar fl-1997 u kien ħareġ ċar li l-atleti ż-żgħar m’għandek qatt taħraqhom minn kmieni. It-taħriġ irid ikun bil-mod u f’waqtu u mhux ta’ 17 u 18-il sena. Hemm clubs li għandhom pjanijiet sodi u jaħdmu fuq dan. Imma hemm oħrajn li jippretendu li atleta tagħmel il-mirakli ta’ età żgħira u jidħlu bihom fil-GSSE ta’ 14 u 15-il sena. Meta jiġri hekk atleta ma twassalx ħafna fit-tul. Ma nafx x’se jiġri minnhom 10 snin oħra għax saħħar m’jienix. Imma nispera li jkunu għadhom hemm għax li taħraqhom u tneħħilhom l-inċentiv tagħhom mhux ta’ ġid għall-isport.”
Il-kelma jaħarqu ġisimhom ma daqqitlix. Insaqsih jekk biha ridx ifissirli l-kelma doping bil-pulit. Fl-istess ħin tiġini l-kurżità biex insir naf jekk f’Malta qattx kellhom każijiet ta’ doping.
“Ma nasalx ngħid li hawn Malta qed isir abbuż minn sustanzi pprojibiti għall-isport anke għax s’issa qatt ma sibna lil ħadd pożittiv. Imma tentazzjoni jista’ jkun hemm dejjem. Persuna tispikka qabel iż-żmien mhux bid-doping biss. Jista’ jkun li atleta ta’ età żgħira jkollha taħriġ fiha li mhux addattat bħal meta terfa’ aktar milli tiżen fil-weight training. Aħna dan kollu konxji tiegħu u l-kowċis jafu bih ukoll.”
Allura, għalfejn jitħalla jsir?
“M’hemm xejn kuntrarju jew ippruvat li tkun qed issir il-ħsara f’dik l-età u l-ħsara tista’ tkejjilha biss `il quddiem. Imma mbagħad sfortunatament il-ħsara tkun diġà saret u jkun tard wisq. Nara li deċiżjonijiet hekk iridu jittieħdu wkoll mill-ġenituri. Fl-istess seminar ta’ l-1997 kienet ħarġet ukoll li l-wieght training fit-tfal taħt l-età m’għandux jibda kmieni. Kienu qalulna li mhux ta’ parir li jsir dak it-tip ta’ taħriġ fi tfal żgħar. Lamini Diak stess kien qal li ma nistgħux inlibsu żarbun kbir lit-tfal iż-żgħar.”
Inkellmu fuq affarijiet oħra u wieħed ma jistax iħalli taħrablu u ma jitkellimx fuq il-Matthew Micallef St. John track tal-Marsa.Wieħed ma jistax ma jfaħħarx il-mod professjonali li din tinżamm fih.
“It-track tal-Marsa għandna pjanijiet kbar għaliha li kieku jkollna bħall-assoċjazzjonijiet oħra ta’ l-isport Malti li ġew mogħtija l-art mill-awtoritajiet. Jew inkella ċens fit-tul jew ta’ l-inqas full management tal-faċilità. Aħna nixtiequ li jkollna l-istess vantaġġi ta’ pajjiżi kbar.
Fl-aħħar laqgħa li kellna mal-Minstru ta’ l-Edukazzjoni konna wrejnih li għandna pjanijiet kbar, bħal per eżempju hostel żgħira mat-track stess.”
Tony sar jaf u ra jikbru miegħu diversi atleti. Ikellimni wkoll fuq liema kienu l-aktar li mpressjonawh kemm ilu jokkupa l-kariga.
“Kien hemm bosta atleti li dawn l-aħħar snin kibru miegħi u mpressjonawni. Carol Galea hija eżempju għall-atletika Maltija. Jekk tqabbel il-ħinijiet tagħha ma’ ta’ atleti oħra ta’ l-età tagħha ta’ pajjiżi kbar tinduna li hija waħda mill-aqwa atleti fid-dinja. U dan ippruvatu meta rebħet f’ħafna kompetizzjonijiet tal-veterani inkluż f’Valladolid.
“Charlene Attard ukoll. Kienet bdiet fl-atletika l-iskola u llum qed tirrappreżenta lil pajjiżha b’unur kbir u l-fatt li tibqa’ fl-atletika diġà rebħa.
“Rebecca Camilleri ukoll għax fil-long jump kienet għamlet affarijiet kbar u għad għanda r-rekord nazzjonali. Illum qed tistudja barra u għadha titħarreġ hemm.
“Darren Gilford u Nikolai Portelli oħrajn li nkitbu diġà fl-istorja. U hemm oħrajn ta’ ċertu valur li tilgħin tajjeb ħafna u qed iħabbtu fuq il-bieb imma ma nafx hux se jaslu sa l-iskaluna mixtieqa. Għandna għalxiex inkunu kunfidenti bil-futur tagħna.”
U allura, ma stajtx ma niħux l-opinjoni tiegħu wkoll fuq l-atleti tas-sena 2006, Darren Gilford u Charlene Attard. Imma l-unur, mar verament fejn kien l-aktar mistħoqq?
“Bla dubju li kien ħaqqhom jirbħu dan l-unur għax int trid tieħu inkonsiderazzjoni dak kollu li għamlu matul is-sena.
“Darren ilu l-Atleta Maskili tas-Sena għal dawn l-aħħar tliet snin u għandu r-rekord tal-100 metru f’idejh. Bi ftaħir ngħid li s-sena l-oħra fil-kompetizzjonijiet ta’ l-indoors spiċċa fit-28 post minn 50 pajjiż. Meta ngħidu li bħala Malti spiċċa f’din il-pożizzjoni mhux ċajta.
“Lil Darren kienu stidnuh l-Ingilterra biex jieħu parti fil-provi ta’ l-indoors Ingliżi u kien ġera’ wkoll ma’ atleti kbar fosthom Mark Lewis Francis. Bla dubju ħadd ma jista’ jgħid li mhux l-aħjar atleta li għandna. Jien kelli okkażjonijiet immur ma’ Darren f’Maribor, is-Slovenja għall-avveniment tal-juniors u ma ninsa qatt meta f’temp ta’ tliet kwarti kiser ir-rekord tal-100metru u 200metru. Dak għalija kien l-akbar sodisfazzjon li tagħni s’issa atleta Malti u li tagħni l-isport.
“Charlene kienet għamlet ħinijiet eċċellenti fi training camp f’Moska u dak inhar kisret ir-rekord nazzjonali ta’ l-indoors tas-60 u l-200 metru. U tas-60 metru ma kissritux darba imma darbtejn.
“Il-ġimgħa l-oħra kisret ir-rekord tas-60 metru outdoor b’200 milli ta’ sekonda, li kien tagħha stess u kienet għamlitu l-ġimgħa ta’ qabel. Minkejja li għad għandha 20 sena, diġà ġriet ma’ tnejn mill-aqwa żewġ atleti li hawn fid-dinja bħal Christine Aronn ta’ Franza u Zhana Blocc ta’ l-Ukrajna. Kienet bejniethom qabel it-tluq u għadha sal-lum tfittex dak ir-ritratt. Ma tantx se ssib malajr atleti Maltin li fil-karriera tagħhom se jiġihom iċ-ċans li jiġru f’nofshom. Għal Malta xi ħaġa kbira. Għamlet ir-rekord nazzjonali wkoll tal-100 metru u tal-200 metru outdoor.
“U din is-sena, qed jerġgħu juru li għal darb’oħra se jerġgħu jkunu l-protagonisti. Hemm ukoll Diane Borg li għandha valuri kbar fejn jidħlu l-isprints. Se tkun pedina importanti fl-atletika u jalla tibqa’ sejra hekk għal snin twal. Imma m’għandix dubju li s-sena l-oħra Darren u Charlene kienu l-aħjar tnejn.”
S’issa kien qalli biss it-tajjeb fl-atleti. Kien impossibbli li m’hemm xejn ħażin u li jdejqu. Intihilu bil-pulit u nipprova nistaqsih fuq dan ukoll.
“Iddejaqni l-aktar il-pika żejda bejn l-atleti. F’Malta għandna bħal 200 jew 300 atleta u ma nifilħux li nitilfu mill-ftit li għandna. Ma nistax inniżilha li hawn atleti li ġieli ma ġrewx biex l-akbar rival tagħhom ma jkollux ċans iġib ħin tajjeb. Idejjaqni l-fatt meta atleti Maltin jevitaw lil xulxin flok jgħinu lil xulxin. Jekk jien qed intellaq miegħek u tgħaddini, l-inċentiv tiegħi għandu jkun li għada nerġa’ ntellaqlek u nipprova ngħaddik mhux ma narakx aktar b’nemes.”
Ħaġa li nibqa’ ma nifhimx hi r-raġuni li meta atleta jintbagħat pajjiż ieħor jirrappreżenta lil Malta jkun akkumpanjat minn uffiċjal u mhux minn kowċ. Jien ma naqbilx. Nemmen li l-kowċ għandu jkun l-aktar persuna viċin l-atleta f’mumenti kruċjali bħal dawn. Lill-atleta żgur li jkun jafu aktar mill-uffiċjal. Jew inkella jmorru t-tnejn. Tony jirrispondini għal din il-kritika u jagħtini wkoll raġunijiet kemm uffiċjal jista’ jkun importanti.
“Il-policy li wasalna għalija bħala MAAA hi li f’dawn l-events internazzjonali, jkun dejjem wieħed minn tal-kumitat li jmur ma’ l-atleta. Li ma jmurx il-kowċ ma’ l-atleta veru xi ftit falza għax il-kowċ huwa indispensabbli imma minn naħa l-oħra l-uffiċjal irid ikun hemm ukoll. Jistgħu jmorru t-tnejn imma imbagħad tidħol il-problema tal-finanzi.”
Qbiżna s-siegħa nitkellmu u niddiskutu. Din l-intervista spiċcat bħal diskursata bejn żewġt iħbieb antiki li kienu ilhom ma jiltaqgħu. Tony jtemm il-laqgħa tagħna b’dan id-diskors.
“Atleta m’għandu jaqta’ qalbu qatt anke meta jibdew ġejjin l-affarijiet kollha kontra l-kurrent. Fl-atletika jista’ ma jaħdimx l-arloġġ u jtellfek xi rekord li tista’ tkun ilek titħarreg għalih b’mod iebes għal tiġrija u tasal il-ġurnata u tagħmel ix-xita. Tista’ taħkmek xi injury li ddum ma tirkupra minnha. Dawn huma affarijiet tal-ħajja li jistgħu jiġru u dak li atleta jkun ilu jaħdem għalih m’għandux jitilfu b’daqshekk. L-importanti li atleta nazzjonali jilbes il-flokk b’dinjità u li jaħseb biss f’pajjiżu.”
“Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi li tifhem dejjem li għandi impenn kbir biex inressaq kemm jista’ jkun `il quddiem lill-atleti tagħna. Nirringrazzja wkoll lil sħabi tal-Kunsill li minkejja li ġieli għamilna żbalji qatt ma kien hemm kattiverji bejnietna. Fl-aħħarnett ngħid grazzi minn qalbi lin-nies kollha li jaħdmu volontarjament fl-isport Malti.”
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt