25 ta' Frar 2007 • Nr 17

Arkivji




 

 

25 ta' Frar 2007
Ħdimt bla ebda ħsieb dwar x’sar fil-passat - John Suda

Franica Pulis

Fi Fredu l-Fra inti taħdem bħala direttur u attur. Tħoss nuqqas ta’ direzzjoni meta tiġi biex tagħmel il-parti tal-Gwardjan?
Mingħajr ma ninstema prużuntuż, ma nħossux dan in-nuqqas. Meta nagħmel parti, tkun xi tkun, nipprova nidħol fid-DNA tal-persunaġġ. F’dal-każ, li qed nidderieġi wkoll, l-ewwel ma nagħmel hu nara kif se tinġibed ix-xena.
Imbagħad nitkellem mal-cameraperson u nispjegalu x’irrid mingħandu, nisma’ l-kummenti tiegħu, niċċekkja d-dawl u nara l-inkwadratura. L-istess bħalma nagħmel meta jien ma nkunx fix-xena.
Imbagħad inqabbad li xi ħadd biex jiċċekkja x’qed jiġri fuq il-monitor waqt il-ġbid tax-xeni. Waqt ix-xeni jien nidħol fil-karattru u nirreċta. Imma nkun qed nisma’ x’qed ngħid, kif qed ngħidu u l-istess inkun attent għal dak li qed jgħidu l-atturi l-oħra.
Jekk tintqal xi ħaġa li ma togħġobnix ngħid “cut”. Wara li nkun spjegajt x’ma għoġobnix, nerġgħu niġbdu x-xena sa ma nkun sodisfatt. Nistaqsi lill-cameraperson u ’l min kien qed jiċċekkja l-monitor jekk dehrietx sew. Xi kultant indawwar lura t-tape u naraha jien ukoll. B’hekk inkun żgur li żammejt il-karattru u li x-xeni nġibdu sew.

Kif ħassejtek taħdem f’xi ħaġa li fil-bidu ma kontx tagħmel parti minnha u mbagħad ridt tagħmilha tiegħek?
Fis-sensieliet li dehru fuq it-televixin fil-passat kont diġà nagħmel il-parti tal-Gwardjan u kont anki nidderieġi l-atturi. Dak iż-żmien kien ikolli direttur tal-kamera imma xorta kont niddiskuti miegħu kif se tinġibed ix-xena.
Id-differenza hi li dak iż-żmien ma kontx immiss l-iskripts kif kien jiktibhom Sam Delceppo. Did-darba bi ftehim miegħu ħassejt li jkun aħjar li xi karattri żgħar fl-iskripts oriġinali inkabbrilhom il-parti biex noħloq iktar varjetà fl-istejjer u anke minħabba kwistjoni ta’ tul fl-episodji. Diversi xeni ktibthom jien u tajthom il-laqta tiegħi.

Affettwatek li n-nies diġà kienu mdorrijin jaraw is-serje televiziva?
Għalkemm kont konxju li ħafna nies kienu raw l-episodji ‘antiki’ u l-memorja kultant tilgħab xi ftit, dħalt għal din il-biċċa xogħol bħallikieku kienet totalment ġdida. Fil-fatt, barra li biddilt l-iskripts biex joqogħdu aktar mat-trattament tiegħi, ħdimt mingħajr l-ebda ħsieb dwar x’sar fil-passat.
L-istess kont għamilt għas-sensiela tal-Madonna taċ-Ċoqqa u dik tant irnexxiet li ħafna nies għadhom jixtiequ li nkompluha. Baqgħu anki jaraw id-dvd’s ta’ l-episodji. B’dik is-sensiela konna rbaħna l-Premju tad-Drama Għat-Televixn ta’ l-Awtorità tax-Xandir. Bi Fredu l-Fra morna tajjeb ħafna fl-istħarriġ li għamlet l-Awtorità tax-Xandir m’ilux.

Il-palk timmissjah?
Ix-xogħol għat-televiżjoni jeħodli ħafna ħin imma sibt ħin għall-palk ukoll. Is-sena l-oħra ma stajtx nagħmel wisq peress li kelli nagħmel operazzjoni imma din is-sena ħadt sehem fil-kummiedja Simpatiċi fuq il-palk, skript li ktibt jien stess, kif ukoll fil-Majsi u l-Fiera Tal-Kappillan li ġew jarawhom ħafna nies. Issa qed nidderieġi dramm tal-passjoni tal-Bronk, Ġesù ta’ Nazzaret Sultan tal-Lhud, miktuba minn Pierre Bonello, li se jittella’ l-Istitut Kattolku bejn s-17 u d-19 ta’ Marzu. Se nirreċta fih jien ukoll.

Kif tħossok bħala missier li ż-żewġ uliedek ġieli ħadu sehem f’xogħol teatrali/ televiziv? Kuntent biha l-ħaġa? Tixtieq li jaħdmu iktar fit-teatru/ televiżjoni?
Jien bħal kull missier ieħor nieħu gost bis-suċċessi ta’ uliedi. Kulmeta kellhom xi parti, fuq il-palk jew telexixin, ħadt gost narahom jirreċtaw u jirreċtaw tajjeb ukoll.
L-għażla jekk ikomplux f’idejhom. La qatt sfurzajthom naħa u lanqas oħra.
Roberta issa qiegħda tgħix l-Amerka u iktar ’il quddiem naħseb li terġa’ tmur l-Italja fejn kienet għal dawn l-aħħar sitt snin. Ma nafx tkomplix tirreċta. Ħasra minn banda imma fil-ħajja mhux teatru u televixin biss hawn.
Gabriel ma tantx ikollu ħin imma fil-film Qerq kellu parti żgħira u jidhirli li kien tajjeb fiha. Fraħt narah.

fpulis@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt