25 ta' Frar 2007 • Nr 17

Arkivji




 

 

25 ta' Frar 2007
Ir-ritorn ta’ l-imgħallem

Karl Stagno-Navarra jintervista lil Sammy Meilaq

“Meta ħaddiem fit-Tarzna jibda jaħseb li l-aġenda tal-Gvern hi li jagħlaq l-azjenda jibda jintilef il-moral kollu u daqshekk ieħor jintilef l-isforz kollettiv li wieħed jixtieq għas-salvazzjoni tat-Tarzna. Din toħloq attitudni totalment negattiva li diffiċli treġga’ lura.”
Din hi t-twissija ta’ Sammy Meilaq, l-eks Chairman tat-Tarzna, li f’intervista esklussiva ma’ din il-gazzetta wara 11-il sena ta’ skiet wara t-tneħħija tas-self management mill-Gvern ta’ Alfred Sant, jagħti ħarsa lejn it-Tarzna tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada.
Jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-ġrajjiet riċenti li reġgħu poġġew lit-Tarzna fuq l-aġenda tad-diskussjoni nazzjonali.
“Sforz il-mod u l-lingwaġġ li bih jitkellem pubblikament, fit-Tarzna Austin Gatt għandu l-fama li l-aġenda tiegħu hi li jagħlaqha u mhux li jsalvaha,” jistqarr Sammy, filwaqt li jinsisti li l-Partit Laburista issa għandu jiddikjara b’mod aktar speċifiku x’inhi l-pożizzjoni tiegħù dwar it-Tarzna jekk jerġa’ jkun elett fil-Gvern.
“L-aħħar li tkellem Alfred Sant waqt konferenza tal-GWU kien wiegħed li beħsiebu jgħin lit-Tarzna anki finanzjarjament. Iżda jidhirli li l-MLP għandu jkun aktar speċifiku ta’ x’irid jgħid dwar kif se jgħin lit-Tarzna aktar ma toqrob l-elezzjoni,” isostni Sammy.
Sammy Meilaq, li llum għandu 57 sena, jgħid li kien, għadu u jibqa’ Laburist. Madankollu hu bilanċjat ħafna fil-kritika tiegħu kemm lejn il-Gvern kif ukoll lejn l-MLP ta’ Alfred Sant għan-nuqqas ta’ għarfien tagħhom dwar kif it-Tarzna tista’ ssalva u trendi għall-pajjiż.
“Hekk kif 11-il sena ilu għaddiet il-liġi ta’ Alfred Sant li neħħiet is-self management fit-Tarzna u ma bqajtx inservi aktar bħala chairman, iddeċidejt li nkompli bix-xogħol tiegħi bħala shipwright u ngħix ħajja kwieta.
“Irrifjutajt intervisti fuq Xarabank, Bondi Plus, fl-Orizzont u f’The Times, iżda dan l-aħħar weġibt għas-sejħa ta’ sħabi fit-Taqsima tal-Metall tal-GWU u dħalt ngħinhom fl-eżekuttiv,” jispjega Sammy.
Mistoqsi dwar l-għażla ta’ Alfred Sant li jneħħi s-self management mit-Tarzna, Sammy Meilaq jistqarr li “kienet deċiżjoni mgħaġġla ħafna li ttieħdet minn Prim Ministru li kien għadu jibda.”
Sammy, li jistqarr li postu bħala chairman fit-Tarzna ma kienx wieħed b’ċens perpetwu, jemmen iżda li “Alfred Sant seta’ sab toroq differenti.”
Waqt li jsostni li din il-kwistjoni issa saret paret mill-Istorja, hu jinsisti li mhux ġust li wieħed joqgħod iħares lura lejn x’ġara u x’seta’ sar.
“Ħadd m’hu se jirbaħ xejn billi joqgħod iħares lura. Fit-Tarzna neħtieġu nħarsu biss ’il quddiem.”
B’dan il-kumment f’moħhi nirreferi għal dak li nqala’ dawn l-aħħar ġimgħat u nistaqsih dwar dak li qal il-Ministru Austin Gatt f’Sta. Luċija fejn akkuża lill-GWU li mhux qed tħalli jaħdmi lill-ħaddiema tat-Tarzna.
“Austin Gatt hu żbaljat għaliex ma jafx x’inhu jiġri fit-Tarzna. Nista’ ngħidlek li l-GWU fit-Tarzna qed tipparteċipa b’mod mill-aktar pożittiv u dan hu kollu dokumentat fil-laqgħat li jsiru mal-management jew ma’ l-amministrazzjoni. Il-Ministru għandu aċċess għal din id-dokumentazzjoni u jekk irid jista’ jivverifika dak li qed ngħid.
“Ftit ilu qal ukoll li l-ħaddiema tat-Tarzna qed jaħdmu erba’ sigħat u nofs bħala medja. U hawnhekk nistqarr li Austin Gatt hu żbaljat doppjament. L-ewwelnett hu skorrett fuq stat ta’ fatt. Id-dikjarazzjoni tiegħu hi simplistika għax ma tagħtix każ ir-realtà li l-produzzjoni fit-Tarzna ma titkejjilx bl-aritmetika, iżda pjuttost hi kwistjoni ta’ tempo, ippjanar u organizazzjoni,” jispjega.
“Fatt rilevanti ħafna marbut mal-ħin hu dak li ċertu xogħol li fil-prattika jissejjaħ ‘xogħol commando’ jistabbilixxi li l-ħin hu proporzjonalment maqlub mal-produzzjoni, li jfisser li hemm ċertu xogħol fit-Tarzna fejn f’aktar ħin jittella’ anqas xogħol. Din tista’ tinstema’ ftit kontradittorja iżda hi r-realtà sforz in-natura tax-xogħol innifsu.”
Hawnhekk Sammy Meilaq jerġa’ jsostni l-istedina tal-GWU lill-Ministru Austin Gatt biex imur hu personalment it-Tarzna u jara b’għajnejh ir-rwol tal-GWU u x-xogħol li qed isir.
F’Sta. Luċija l-Ministru Austin Gatt wissa li jekk ikun hemm protesta spontanja oħra dawk il-ħaddiema jistgħu jibqgħu ħerġin ’ il barra mill-gate u ma jidħlux lura.
Għal din id-dikjarazzjoni Sammy Meilaq isostni li Austin Gatt innifsu kien l-akbar kaġun tal-protesta riċenti.
“Li ġara hu li l-ewwel azzjonijiet irregolari twettqu mill-management li ordna xogħol mifrux fuq 16-il siegħa, inkluż bil-lejl, li mhix regolari. Kien hemm każ partikolari fejn ħaddiem talab li jsirlu medical assessment qabel ma jkun ordnat li jaħdem bil-lejl kif inhu d-dritt tiegħu skond ir-regolamenti u l-management lanqas biss ma tat kasu.”
Sammy Meilaq jispjega li dan ifisser li l-ewwel żbalji saru mill-management u Austin Gatt “għażel li ma jikkundannax u pjuttost bierek dan l-aġir li wassal għar-reazzjoni tal-ħaddiema.”
L-eks chairman jaqbel li dawn l-affarijiet għandhom ikunu evitati iżda jtenni li “jeħtieġu jkunu evitati miż-żewġ naħat, kemm jekk ikunu azzjonijiet irregolari min-naħa tal-management, kif ukoll min-naħa tal-ħaddiema”.
“Austin Gatt hu Ministru tal-Gvern. Mhux qed nippretendih li jċapċap jekk il-ħaddiema tat-Tarzna jipprotestaw. Imma għandu jkun ġust u jikkundanna fejn il-management ikun żbalja mal-ħaddiema u sfrattalhom is-serenità.”
Nistaqsih kif qed jara l-affarijiet fl-azjenda llum, anki fil-kuntest ta’ eks chairman li mexxa t-Tarzna għal 12-il sena sħaħ.
“Nara sitwazzjoni li mhix faċli. Titlob sforz kollettiv u b’saħħtu minn kulħadd. Biex ikun hemm dan l-isforz kollettiv jeħtieġ li jkun hemm qbil fuq triq komuni għax fit-Tarzna bħal kull post tax-xogħol ieħor ikollok il-livelli ta’ fuq li jikkmandaw u l-livelli t’isfel li jridu jimxu skond l-ordnijiet ta’ fuqhom.
“Biex iż-żewġ naħat jimxu flimkien iridu jaqblu fuq triq komuni u biex ikun hemm din it-triq komuni, waħda mill-affarijiet importanti li hija meħtieġa hi li l-analiżi ta’ kull problema ma ssirx mil-livell ta’ fuq biss. Trid issir miż-żewġ livelli. Daqs kemm ir-realtà tal-kontijiet tat-Tarzna hi tali li ma tistax tarmiha, anki r-realtà tax-xogħol ma tistax tkun injorata u allura l-analiżi li fuqha jinħtieġu jinbnew is-soluzzjonijiet trid tiġi miż-żewġ naħat. Jiddispjaċini li mhux qed nara li qed jirnexxielna daqshekk bħalissa,” jgħid Sammy.
“Nemmen li l-politika attwali adottata mit-tmexxija tat-Tarzna fejn l-azjenda qed tmur għall-kuntratti maġġuri hi waħda tajba u nemmen ukoll li hi l-intenzjoni tal-management li jpoġġi l-azjenda fuq sisien kummerċjali vijabbli.”
Sammy Meilaq hu tal-fehma li l-miri mhux qed jintlaħqu ghaliex il-metodi li qed jintużaw mhux qed jipprovdu spazju li ssir analiżi miż-żewg naħat.
Iżda għal Sammy Meilaq, minbarra sitwazzjoni ta’ telf ta’ qligħ, issa hemm sitwazzjoni aktar diffiċli fejn inħolqot dak li fisser bħala “sitwazzjoni ta’ huma u aħna.”
Kieku kien għadu chairman x’tibdiliet kien jagħmel?
“Kieku jien naqsam ħidmieti fi tliet partijiet. L-ewwel nikkonċentra fuq l-utilità tal-kapital. Naqbel ħafna mal-politika li t-Tarzna teħtieġ tidħol għal kuntratti maġġuri, però nemmen li biex ikun hemm aktar utilità tal-kapital teħtieġ tagħmel marketing qawwi għal tiswija selettiva ta’ vapuri.
“It-tieni ħaġa li nagħmel hi li naħdem fuq l-utilità tax-xogħol. Naħseb li hawnhekk ċert li hemm lok għal ħafna titjib, partikolarment fejn jidħlu livelli ta’ manning, l-utilità tal-ħaddiema casuals, kif ukoll l-użu tal-ħin.
“L-użu tal-ħin fil-każ tat-Tarzna jiddependi ħafna mit-tempo within time u dan jiġi biss bil-motivazzjoni.
“It-tielet tibdila li nwettaq hi fuq l-impjegati ndiretti li jagħtu servizz lil dawk li huma direttament produttivi. Hawnhekk hemm diversi livelli, kemm t’isfel kif ukoll ta’ fuq u nemmen li jista’ jkun hemm utilità aħjar permezz ta’ tibdil fis-sistemi li jistgħu jiġu ristrutturati u anki mekkanizzati u dan jista’ jkun ta’ benefiċċju finanzjarju mingħajr ħadd ma jitlef l-għajxien tiegħu waqt dan il-proċess.”
Xi jgħid Sammy Meilaq dwar il-fatt li fl-2008 se jieqaf is-sussidju tal-Gvern lit-tarznari?
“X’naħseb nista’ ngħidlek ħafna. Nemmen iżda li kull pajjiż għandu jiddeċiedi skond il-ħtiġiet partikolari tiegħu. L-Istati Uniti, per eżempju, tissussidja b’mod qawwi ħafna lill-agrikoltura tagħha tant li għal kull dollaru li jipproduċi l-bidwi, il-Gvern joħroġ dollaru ieħor.
“Il-Ġappun bena l-ekonomija tiegħu fuq il-protezzjoniżmu u għadu sal-lum, inkluż fuq il-ħolqien ta’ xogħol b’mottiv soċjali. Jekk tistaqsini dwar Malta llum u dwar jekk il-Gvern għandux jgħin lis-settur tat-turiżmu ngħidlek b’għajnejja magħluqa li għandu jgħin lil dan is-settur mingħajr ma ninħlew fuq ħafna diskussjoni”.
U t-Tarzna?
“It-Tarzna tista’ tieħu għajnuna finanzjarja. Ma tistax tieħu sussidju fuq l-operazzjoni tagħha iżda tista’ tieħu għajnuna finanzjarja u l-Gvern jista’ jsib mezzi kif jgħin. Personalment jien dejjem irraġunajt li l-aħjar ħaġa għat-Tarzna kellu jkun li l-Gvern jirnexxielu jinnegozja ftehim li kien jagħti aktar żmien lit-Tarzna biex tirristruttura.
“Aktar żmien mhux sempliċiment biex l-affarijiet jimxu bil-mod, iżda li jagħtu nifs lit-Tarzna li tieħu r-ruħ fl-isfond ta’ dak li għaddej minnu s-suq kollu tax-xogħol fuq il-vapuri.
“Fl-Ewropa hemm żbilanċ bejn is-servizzi offruti minn tarznari mad-domanda eżistenti u dan l-iżbilanċ ħoloq prezzijiet baxxi. Fl-istess ħin inbeda proċess fejn bdew jagħlqu tarznari u s-supply beda jonqos.
“Għaldaqstant kien jaqbel għal Malta li sakemm jinħoloq il-bilanċ ġust bejn is-servizz u d-domanda kellna nitolbu li nkunu eżentati mill-proċess ta’ tnaqqis.
“Kieku ħaddimna rasna dan il-proċess ta’ tnaqqis tgħabbew bih il-pajjiżi l-oħrajn, li fl-aħħar mill-aħħar, it-tarznari tagħhom jiffurmaw parti żgħira mill-ekonomija tagħhom.
“Il-Gvern seta’ ġab l-argument li t-tarznari paragunati ma’ l-ekonomija tagħna kien jixirqilhom privileġġ u l-aħjar privileġġ li seta’ rnexxielu jġib hu li jakkwista aktar żmien”.
Iżda x’imkien trid taqta’, ngħid lil Sammy, u jaqbel miegħi.
“Iva trid taqta’, iżda kull sena tiswa ħafna għax jekk ħaddieħor jaqa’ qabilna tant aħjar. Kulmeta taqa’ Tarzna dawk li jkunu għadhom ma waqgħux jieħdu aktar saħħa.”
Nitkellem ma’ Sammy dwar l-imsejħa Eighth Army jew l-‘aristokrazija tal-ħaddiema’ li kienu l-laqmijiet li kien ta lill-ħaddiema tat-Tarzna l-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici. Sammy jitbissem meta nistaqsih jekk dik l-Eighth Army għadhiex teżisti.
“Għadha teżisti iżda fuq skala ferm iżgħar. L-Eighth Army hi s-simbolu ta’ l-għaqda fost il-ħaddiema, hi forma ta’ fratellanza. Hi f’kull sens tal-kelma brotherhood!” jistqarr.
“Il-fratellanza nħolqot minn natura tax-xogħol fit-Tarzna. Tinħoloq permezz ta’ xogħol kollettiv, bis-saħħa tar-reċiproċità waqt ix-xogħol u fuq kollox permezz tar-realtà li fit-Tarzna jsir tip ta’ xogħol li hu goff.”
Sammy Meilaq jistqarr li hu personalment qatt ma sejħilha l-Eighth Army iżda jippreferi jsejħilha l-“fratellanza.”
Sammy Meilaq jibqa’ mfakkar bħala l-persuna wara Dom Mintoff fiż-żmien ta’ problemi fil-Gvern ta’ Alfred Sant. Għadu daqshekk viċin tal-Perit u x’rwol jaħseb li għad jista’ jkollu Mintoff fil-politika?
“Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Mintoff tista’ taqsamha fi tnejn. Mintoff hu ħabib personali kbir u nfissru bħala ħabib li sibtu kulmeta kelli bżonnu. Iżda r-relazzjoni tiegħi ma’ Mintoff hi ta’ natura politika wkoll. Fejn tidħol il-politika, ir-relazzjoni tiegħi hi bbażata fuq qbil miegħu għax nemmen fil-linja Soċjalista tiegħu. B’mod ġenerali narah bħala bniedem li jispirani politikament.
“Dwar ir-rwol tiegħu, Mintoff jibqa’ dejjem unpredictable, però l-aktar rwol riċenti tiegħu kien dwar Malta u l-Unjoni Ewropea u naħseb li l-Istorja għad tagħti raġun lid-duttrina ta’ Mintoff, fis-sens li l-aħjar għall-pajjiż kien ikun li kieku Malta kellha ftehim li jkun tailor-made għaċ-ċirkostanzi tagħha.”
U x’relazzjoni għandu Sammy Meilaq ma’ Alfred Sant?
“Il-Partit Laburista bħal kull partit ieħor għandu l-bażi u għandu s-super structures. Jien fuq waħda mill-aktar kwistjonijiet fondamentali, l-Ewropa, naqbel mad-duttrina ta’ Mintoff u din tpoġġini f’sitwazzjoni fejn għalkemm inħossni parti mill-bażi tal-partit daqs kull partitarju ieħor, inħossni f’wing ta’ minoranza fl-istess bażi.
“Jien għamilt żmien twil fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u fiċ-ċirkostanzi hu sewwa li m’għadnix attiv fl-Eżekuttiv, għaliex fejn ma taqbilx ma’ linja politika m’ġħandekx għalfejn tkun fih.”
Nistaqsi lil Sammy għal ħsibijietu dwar il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u kif iqabblu mal-Gvern ta’ Eddie Fenech Adami.
“Inħoss li mhux ġust li wieħed jipparaguna lil Gonzi ma’ Fenech Adami għax mhux ġust ma’ Gonzi. L-inkoronazzjoni ta’ Eddie Fenech Adami hi msejsa fuq realtà li ratu jmexxi Gvern sovran li kien ħieles li jieħu deċiżjonijiet fil-parametri tal-liġijiet tal-pajjiż, kif ukoll kellu Gvern b’surplus finanzjarju meta tela’ fl-1987.
“Mill-banda l-oħra, l-inkoronazzjoni ta’ Lawrence Gonzi ħolqot Prim Ministru fejn dawn iż-żewġ fatturi kienu limitati. Fejn tidħol is-sovranità, Lawrence Gonzi mhux daqshekk ħieles li jista’ jiddeċiedi daqs kemm seta’ jiddeċiedi Fenech Adami għaliex illum għandu r-regolamenti u l-liġijiet ta’ Brussels fuqu.
“Għall-argument, trid tara lil Fenech Adami llum bħala l-Kap tal-Gvern biex tara kif kien jagħmel. L-istess għas-sitwazzjoni finanzjarja li sab Gonzi li hi ferm aktar diffiċli minn dik li sab Eddie Fenech Adami.”
Skond Sammy Meilaq l-istorja ta’ gvernijiet immexxija minn Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi tfakkru fl-istorja bibblika ta’ David u Salamun.
“David kien abdika t-tron favur Salamun. David kien kabbar ir-renju tiegħu bil-kbir, stabbilixxa ruħu u fl-aħhar ta’ ħajtu ried lil Salamun ikompli warajh, filwaqt li oħrajn riedu lil ħaddieħor. Bl-għerf kollu tiegħu, Salamun nefaq hafna flus fit-tempju u sbanka s-saltna l-kbira li bena David.
“Jien ma nagħtix tort lil Salamun. La David iddeċieda jieħu deċiżjoni f’idejh u li ma kenitx tiegħu, Salamun issa kien ħa t-tmun f’idejh.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt