25 ta' Frar 2007 • Nr 17

Arkivji




 

 

25 ta' Frar 2007
L-indipendenti u l-kunsilli

Fi ftit jiem oħra fil-Floriana se ssir l-elezzjoni għall-kunsill lokali li minn dejjem kienet ikkaratterizzata mill-ħatra ta’ kandidati indipendenti anki wara li beda jikkontesta l-Partit Laburista u kienu għosfru mix-xena dawk l-indipendenti li kienu jikkontestaw taħt din it-tikketta għax ma setgħux jagħmlu mod ieħor.
L-elezzjoni ta’ kandidati indipendenti fil-Floriana saret qisha karatteristika unika u parti mill-kultura Furjaniża. Mill-banda l-oħra f’lokalitajiet oħra rajna mhux biss li għosfru kważi l-kunsillieri indipendenti kollha, iżda anki l-kandidati indipendenti għall-elezzjonijiet qed jispiċċaw ftit ftit.
Huwa ċar li l-polarizzazzjoni politika fuq livell nazzjonali qed tirrifletti fuq livell lokali. Is-sabiħa hi li meta titkellem man-nies issib numru kbir, nazzarda ngħid il-maġġoranza, li jgħidulek li ma jaqblux li l-partiti politiċi kellhom jiddeffsu fil-kunsilli lokali.
Li jinkwetani mhuwiex li l-partiti politiċi jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali iżda li l-maġġoranza tan-nies li jgħidu li ma jaqblux ma’ dan tarahom sejrin dritt dritt jivvutaw lill-kandidati ‘tal-partit’ biss għaliex mhumiex kapaċi, dment li jaraw l-arma tal-partit fuq il-polza tal-vot, jivvutaw lil ħaddieħor minkejja li jafu li jkollu ħafna x’joffri lil-lokalità. Din l-iskjavitù mentali u lealtà perversa lejn il-partiti hi aktar inkwetanti għax li kieku l-poplu tagħna jagħraf li l-partiti u l-kandidati indipendenti huma għas-servizz tiegħu u mhux hu għalihom, u jagħmel għażla ġusta, kif nemmen li jaf jagħmel fuq il-mertu tal-kandidati individwali, ħalli jikkontesta min irid u taħt liema bandiera jrid.
Dan iżda ma ġarax ħlief f’xi każi eċċezzjonali u bil-mod il-mod dawk li ma xtaqux jikkontestaw ma’ partit qatgħu qalbhom u wasalna fis-sitwazzjoni tal-lum fejn il-kunsilli qed jispiċċaw prattikament fotokopja tal-Parlament, bil-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Ir-realtà tal-kunsilli lokali llum qed turi li dawn għandhom bżonn ta’ aktar kunsillieri indipendenti mhux anqas. Dan ġej anki mill-fatt li qed jiżdied l-indħil minn organi għolja ‘tal-partit’ fuq affarijiet purament lokali, li anki jiddettaw lill-kunsillieri tagħhom x’għandhom jagħmlu anki f’materji li assolutament m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xi ideoloġija jew linja politika kif fil-fatt huma ħafna mill-affarijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tal-gvernijiet lokali tagħna, limitati kif inhuma mid-daqs u r-riżorsi tagħhom.
Il-polarizzazzjoni politika tal-kunsilli lokali qed iġġib ukoll magħha l-fenomenu tal-pjaċiri u l-klijenteliżmu li qed twassal għal diskriminazzjoni bejn resident u ieħor. Qed isiru kunsiderazzjonijiet politiċi anki f’għoti ta’ kuntratti u xogħlijiet.
Addio li l-ewwel il-ġid tal-lokalità. Il-preżenza tal-kunsillieri verament indipendenti, mhux bħalmin fil-każ tal-Floriana kellu jammetti li qiegħed f’alleanza ma’ partit politiku partikolari, tista’ tkun barriera soda biex il-vizzjijiet tal-politika nazzjonali ma jsibux l-eku tagħhom fuq livell lokali.
Parti mill-kritika li saret lill-kunsillieri indipendenti kienet li dawn ma jridu jagħtu kont ta’ għemilhom lil ħadd filwaqt li dawk tal-partit iridu jirrispondu lejn xi ħadd. Apparti li dan argument falz għax l-indipendenti bħal ħaddieħor iridu jagħtu kont lill-elettorat, ħafna drabi rajna li l-kunsillieri ‘tal-partit’ mhux talli qed ikunu aktar responsabbli għax iridu jagħtu kont ta’ għemilhom lill-partit, iżda proprju jabbużaw għax jafu li se jkollhom difiża mill-partit.
Hemm kandidati ‘politiċi’ medjokri li telgħu fil-kunsilli għax kienu l-uniċi alternattivi proposti lill-partitarji u sabu ruħhom f’pożizzjonijiet fejn jiddettaw il-futur tal-lokalità. Hu tal-biki li tisma’ ħafna li jammettu li vvutaw lil xi ħadd li jiddubitaw mill-kapaċitajiet tiegħu sempliċiment għax ħareġ ‘mal-partit’.
Ma rrid bl-ebda mod nagħti x’nifhem li l-’indipendenti’ għandhom xi dritt sagrosant li jkunu eletti fil-kunsill iżda naħseb li jkun żball kbir jekk ma nivvalutawx sewwa r-rwol vitali tagħhom fuq livell lokali u fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-qasam tal-gvern lokali f’Malta.

Nigel Holland hu kandidat indipendenti
fl-elezzjoni lokali
fil-Floriana

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt