Id-dibattitu hu l-pulmun f’demokrazija.
Oħnoq id-dibattitu u d-demokrazija titmermer. B’xorti tajba f’pajjiżna d-dibattitu mhux nieqes. Għalkemm aħna magħrufin li nħobbu nzekzku fuq dak u fuq l-oħra, meta niġu biex nitkellmu quddiem gruppi ta’ nies għadna noqogħdu lura. Mhux għax m’aħniex kapaċi niżvolġu argument u nibdlu l-ideat imma l-mentalità kolonjalista ġabitna f’pożizzjoni li aħjar noqogħdu nisimgħu lil ħaddieħor milli nsemmgħu leħinna.
Irridu nammettu li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qegħdin noħorġu minn din il-qoxra u iktar nies qed iħossuhom ħielsa li jesprimu ruħhom fil-beraħ anki fuq suġġetti li sal-bieraħ tqiesu jaħarqu wisq għal widnejn il-poplu. Il-livell ta’ l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, l-influwenza tal-media u t-taħlit ma’ ċittadini ta’ pajjiżi barranin kollha nfluwenzaw biex jikber id-dibattitu fostna. Forsi għadna ma lħaqniex il-livell ta’ dibattitu li laħqu pajjiżi iktar avvanzati minna imma għad jasal iż-żmien li ma nibqgħux nħossuna inferjuri għal ħaddieħor meta biex niġu nitrattaw temi importanti b’argumentazzjoni intelliġenti u b’tolleranza sħiħa għal kull opinjoni mressqa għad-diskussjoni.
Fl-għażla tas-suġġetti nistgħu ngħidu li avvanzajna mhux ħażin. Qed insiru nixbħu lit-Taljani li huma magħrufin kif mix-xejn joħolqu dibattitu anki jekk għandhom it-tendenza li jtawlu d-diskussjonijiet bla bżonn. Kultant iżda jidher li għadna ma wasalniex biex nipprofondixxu l-argumentazzjoni tagħna. Sfortunatament għadna ma mmaturajniex biżżejjed biex inkunu kapaċi nidħqu bina nfusna, nikkritikaw lilna nfusna u “nattakkaw” l-argument u mhux lil min jagħmlu.
Jekk nieħdu l-Karnival ta’ din is-sena nistgħu ngħidu li kien suċċess kemm f’dak li hu spettaklu, artistrija fil-karrijiet, żfin u mużika, briju u organizzazzjoni. Iżda l-ikbar karnivalata li assistejna għaliha kienet il-mod goff kif kienet espressa minn xi wħud in-nuqqas ta’ qbil mad-deliberazzjonijiet tal-ġurija. Storbju sħiħ minn grupp kontra ieħor u ħruq ta’ karrijiet meta kien spiċċa kollox. Ma naqsux l-akkużi ta’ favoritiżmu partiġjan. Il-Kumitat qalilna li biex ikompli jtejjeb il-livell hemm bżonn li issa ndaħħlu s-satira mhux biss dwar personalitajiet Maltin imma iktar ’il quddiem anki dwar il-politiċi.
Semmew liġi ta’ żmien żemżem li tgħid li fil-karnival ma tistax tiżżufjetta bil-pulit kontra l-politiċi. Allura d-doża tas-satira se jkollha tiddaħħal bil-pass tan-nemla. Dan juri li fejn jidħol id-dibattitu għadna m’aħniex imħejjijin biex naċċettaw kritika anki jekk taħt forma ta’ ċajta.
Il-partiti politiċi li fost affarijiet oħra għandhom id-dmir li jħabirku biex iħarsu d-demokrazija wkoll għadhom lura fejn jidħol id-dibattitu. Jippretendu li dak li jgħidu huma ma jmerih ħadd u jekk xi ħadd jazzarda jgħid il-maqlub jibdew l-attakki saħansitra personali fil-konfront tiegħu.
Li l-partit jagħmel li jista’ biex isemma l-qanpiena tiegħu nifhimha. Imma li ma jħallix li tindaqq il-qanpiena ta’ ħaddieħor jew meta tindaqq joqgħod jiftaħar li tiegħu biss mhix imġenġla, allura din ma nifhimhiex. Kif nistgħu ngħidu li l-partiti jaċċettaw id-dibattitu meta jekk xi ħadd minn ġewwa jazzarda jiftaħ ħalqu u ġenwinament ikun qed jagħmel kritika interna jispiċċa flaġġellat psikoloġikament u jkun akkużat li qed jittradixxi l-linja tal-partit? L-ironija hi li llum l-partiti dak li għandhom bżonn: dibattitu intern. Minflok ngħidu kemm il-partit hu dinamiku u attiv meta fi ħdanu jinstemgħu verżjonijiet diverġenti nispiċċaw nattakkaw bil-firda u s-sriep! L-esperjenza tgħallimna li meta partit joħnoq id-dibattitu fi ħdanu jkun qed jingħalaq fih innifsu u jheżżeż is-sisien tal-kredibiltà li suppost jaħdem għaliha biex ikabbarha ma’ kull jum fost iċ-ċittadini.
Il-programmi tar-radju u t-televiżjoni għandhom ħabta kif jipproġettaw ruħhom li qegħdin jinkoraġixxu d-dibattitu. Iżda fir-realtà jagħmlu minn kollox biex joħonquh. Speċjalment fl-istazzjonijiet tal-partiti li jiġri hu li l-mistednin tan-“naħa l-oħra” jinżammu f’minoranza fuq il-panel u jekk jista’ jkun jintagħżlu dawk li huma “dgħajfa” fil-komunikattiva. Il-preżentatur juża tattika li jillimita kemm tan-naħa l-oħra jesprimu ruħhom sewwa. Daqqa permezz ta’ mistoqsijiet diffiċli (waqt li l-mistednin ta’ ġewwa jittrattahom bl-ingwanti tal-ħarir); daqqa permezz ta’ l-interruzzjonijiet; u fil-biċċa l-kbira ma jħallihomx jagħmlu l-inter-vent tagħhom fl-egħluq tal-programm biex l-aħħar togħma għat-telespettatur jew semmiegħ tibqa’ dik tal-partit tiegħu. Dawn tattiċi li qed joħonqu d-dibattitu anki jekk il-poplu b’mod ġenerali ma jirrealizzax x’manipulazzjoni fina tkun għaddejja waqt il-programm. Il-kritiċi u l-opinjonisti għandhom rwol u responsabiltà lejn il-poplu. Xogħolhom prinċipalment hu li joħolqu d-diskussjoni dwar materji ta’ interess ġenerali. L-għan tagħhom hu li meta jinqraw jew jinstemgħu jagħtu doża tajba biex tqanqal id-dibattitu. Il-kritika tagħhom essenzjalment hi kostruttiva anki jekk xi kultant l-istil ikun wieħed aggressiv. Jafu li qed jagħtu l-opinjoni tagħhom ħafna drabi tkun iffurmata wara li ssir riċerka jew stħarriġ dwar is-suġġett li jittrattaw. Imma tibqa’ opinjoni. Jiġifieri ħaddieħor mhux bilfors se jaqbel magħhom anzi iktar ma jkun hemm min jesprimi opinjonijiet differenti fuq l-istess suġġett tant l-aħjar.
Iktar ma jkunu kredibbli fil-kummenti jew f’kitbiet-hom iktar se jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika U l-opinjoni pubblika tinħtieġ li tifforma ruħha wara dibattitu mifrux u miftuħ kemm jista’ jkun. Jekk issa se naslu biex fl-istrateġija ta’ manipulazzjoni tad-dibattitu fost il-pubbliku nibdew nattakkaw lill-opinjonisti u l-kritiċi bl-iskop li nrażżnuhom milli jsemmgħu leħinhom, kif jidher li beda jiġri, allura rridu nammettu li għadna infantili fejn jidħlu l-elementi bażiċi tat-tħaddim tad-demokrazija.
Diġà hu gravi li l-pulmun jimtela’ bl-ilma, aħseb u ara jekk nispiċċaw mingħajr pulmun. Iva d-dibattitu hu l-pulmun tad-demokrazija!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt