L-attakk b’bomba qawwija li sar fuq ir-residenza privata ta’ uffiċjal tat-Tax Compliance Unit (TCU) din il-ġimgħa kien wieħed viljakk u jistħoqqlu kull kundanna.
Ix-xogħol li tagħmel it-TCU hu essenzjali għall-pajjiż. Hemm ħafna nies li ngidmu mill-operat tat-TCU iżda jkun żball jekk il-ħidma diffiċli tat-TCU tintuża b’xi mod bħala skuża biex tiġġustifika mqar b’xiber l-attakk li sar mad-dar ta’ l-uffiċjal pubbliku. Hemm mumenti u ċirkostanzi oħra fejn l-operat tat-TCU jista’ jkun diskuss b’mod ċivili. Iżda bħalissa l-enfasi għandha tkun biex jissolva dan il-każ.
Hu biss b’fortuna li ma miet ħadd fl-inċident u l-indikazzjonijiet li ħarġu s’issa juru li min għamel il-bomba kellu l-ħsieb li jweġġa’ u mhux sempliċiment li jbeżża’.
Din il-gazzetta turi solidarjetà ma’ l-uffiċjal u l-familja tiegħu u tħeġġeġ lill-Pulizija biex titfa’ r-riżorsi tagħha kollha fuq il-każ. Dan hu att serju ta’ terrur u jeħtieġ li min wettaq l-attakk jinġieb quddiem il-Ġustizzja malajr kemm jista’ jkun.
B’hekk biss uffiċjali oħra pubbliċi li jwettqu ħidma tant delikata bħax-xogħol li jsir mit-TCU jistgħu jserrħu rashom li l-Istat u s-soċjetà huma warajhom.
It-Tarzna
It-Tarzna mhix biss post tax-xogħol fejn iktar minn 1,000 persuna jaqilgħu ħobżhom. It-Tarzna hi magħġuna fl-Istorja tal-Kottonera. Hi post li jqanqal ħsibijiet differenti fl-imħuħ tan-nies. Huwa post tax-xogħol li daqskemm iqanqal passjoni f’min jaħdem hemm iqanqal rabja fost il-bqija li raw miljuni ta’ liri mit-taxxi tagħhom imorru biex jissussidjaw azjenda li ħafna drabi ħadmet qisha estensjoni ta’ partit politiku.
Iżda l-passat mhux se jgħinna biex insolvu l-problemi tal-lum. Fiċ-ċirkostanzi li jinsab pajjiżna llum it-Tarzna ma tistax tiddependi iktar fuq sussidji wara l-2008 u għalhekk jinħtieġ li l-kumpanija tirnexxi.
Il-ħaddiema tat-Tarzna dan jafuh u teżisti rieda biex il-kumpanija tqum fuq saqajha. L-impressjoni li għandhom ħafna dwar il-ħaddiema tat-Tarzna u li ġejja minn inċidenti serji li seħħew fil-passat jista’ jkun li hi żbaljata. Il-maġġoranza kbira tal-ħaddiema huma konxji mill-problemi tal-post tax-xogħol tagħhom u huma lesti li jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar. Dawn huma ħaddiema bil-familja wkoll.
Kien għalhekk li l-indħil tal-Ministru Austin Gatt dawn l-aħħar ġimagħtejn fuq kwistjoni li tqanqlet fit-Tarzna deher żejjed.
Jekk kien hemm ħaddiema li raqdu fuq il-post tax-xogħol jeżistu proċeduri dixxiplinari li l-kumpanija tista’ timplimenta. Iżda lil hinn minn jekk il-kumpanija kellhiex raġun jew le, u jekk il-ħaddiema kinux ġustifikati f’dak li għamlu, il-kwistjoni kollha setgħet tissolva bejn il-management u l-union. Ma kienx hemm il-ħtieġa li ministru tal-Gvern jindaħal.
Wara kollox il-Gvern ma jindaħalx kull darba li kumpanija parastatali jew li fiha għandu xi sehem tapplika proċeduri dixxiplinari. Il-kwistjoni tibqa’ bejn il-management u l-ħaddiema u fil-każ li ma tinstabx soluzzjoni hemm id-Direttur tax-Xogħol li quddiemu jista’ jinġieb il-każ.
Bl-aġir tiegħu l-Ministru Gatt donnu li ried iħawwad fil-borma aktar milli kien hemm bżonn forsi biex lejlet l-elezzjonijiet lokali jipprova jinstiga xi kwistjoni mal-GWU. Din it-tattika issa indrat u għadda żmienha. Ma tagħmilx ġid lill-pajjiż wisq iktar lit-Tarzna.
Il-ħaddiema tat-Tarzna jafu li għandhom mannara mdendla fuq rashom u m’għandhomx bżonn ir-rettorika tal-ministru biex jindunaw li qed jaħdmu f’kundizzjonijiet xejn sbieħ.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt