18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Wara l-intervista lis-Segretarju Ġenerali tal-PN

L-intervista li saret lis-Segretarju Ġenerali tal-PN u li kienet rrappurtata minn din il-gazzetta l-Ħadd l’għadda nkwetatni. Minn bniedem b’dik ir-responsabiltà kont nistenna aħjar.
Ara meta saret intervista lis-Segretarju tal-Laburisti, ma kont b’ebda mod sorpriż bil-livell miskin ta’ dak Jason li tant hu superfiċjali li anqas it-tessera tiegħu stess ma’ ftakar iħallas.
Iżda mis-Segretarju Ġenerali tal-PN kont nistenna aħjar. Forsi hawn min jaħseb li l-pretensjoni li tal-PN huma, b’mod ġenerali, intelletwalment superjuri hi vanaglorja vojta u snobbiżmu mhux xieraq. Iżda dik hi x-xhieda ta’ l-istorja, għax anki jekk fil-Partit Laburista immilitaw persuni li l-intelliġenza tagħhom spikkat – bħal fil-każ tal-perit Mintoff – il-maġġoranza tal-laburisti qatt ma bbrillat! Tgħid kellu jiġi dan Saliba biex iressaq liż-żewġ partiti lejn l-istess livell, mhux billi jogħla min hu minn taħt iżda billi jinżel min soltu tistennih ikun minn fuq?
Laqtitni d-dikjarazzjoni ta’ Saliba li kieku l-PN kellu jitlef l-elezzjoni li ġejja hu għandu jitlaq immedjatament mill-kariga tiegħu u li hu diġà jaf x’se jagħmel wara li jitlaq.
Kważi kważi dikjarazzjoni bħal din tista’ twassal biex ikun hemm Nazzjonalisti li jivvotaw kontra l-PN biex jeħilsu minn Saliba, l-istess kif ċerti Laburisti diġà ddikjaraw li beħsiebhom jivvotaw kontra l-MLP biex jeħilsu minn Alfred Sant!
Għax hemm ċertu xebh bejn il-mod kif il-klikka ta’ Alfred Sant ħelset minn kulmin ma jaqbilx magħha fid-deher u eskludietu mill-Partit Laburista ma’ kif uħud li ma kienux kuntenti bl-għażla ta’ Lorenzo Gonzi bħala Kap tal-PN u oħrajn li ma qablux ma’ Saliba, ġew ittrattati mill-amministrazzjoni ċentrali tal-partit li Saliba jmexxi minn Tal-Pietà.
Naturalment, il-mod kif isiru l-affarijiet fiż-żewġ partiti hu differenti u jixhed id-differenza fil-kultura taż-żewġ forzi politiċi ta’ pajjiżna. Għall-PN il-guffaġni li biha ta’ l-MLP jagħmlu l-affarijiet hi ferm ’il bogħod mill-metodi sottili tagħhom, anki b’Saliba fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil jeżisti fiż-żewġ partiti u għalkemm din hi ħaġa mill-aktar naturali, min irid imexxi billi jikkontrolla kollox b’id tal-ħadid jista’ jitfixkel f’saqajh… u dan in-nuqqas ta’ qbil jispiċċa jagħmillu aktar ħsara milli kieku wieħed jiffaċċjah bi prudenza u ħażen.
Dan hu evidenti ħafna f’dak li ġara fl-MLP, bl-aħħar dissident ikun dak Hansford li qal li pprefera jagħmel programm fuq it-televiżjoni bil-libertà li ma jindaħħalu ħadd milli jibqa’ jimmilita fl-MLP. Diffiċli li wieħed isib ċerifikat aqwa minn dan tal-kontroll assolut li dawk li jmexxu l-MLP huma ffissati li jkollhom fuq il-merħla tagħhom!
Fil-każ ta’ Saliba, il-fissazzjoni tal-kontroll qegħda hemm ukoll. Il-media tal-PN hi taħt il-kontroll assolut tiegħu, anki jekk ma twassalx biex dak li jkun jispiċċa jagħmel dikjarazzjoni pubblika tipo Hansford.
Forsi, wara kollox, minkejja li b’Saliba il-livell intelletwali tal-mod kif jaħdem il-PN ħa daqqa ’l isfel, xorta waħda għadu ma niżilx fil-livell ta’ Jason Micallef
!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt