Il-Portugall pajjiż ta’ ħafna kuntrasti: ġmiel naturali liema bħalu bi ftit għonja u ħafna tallaba ma’ kull kantuniera, ta’ nisa li biex iwettqu l-wegħda tagħhom mal-Madonna jitkaxkru għarkubtejhom ma’ l-art f’passaġġ twil fuq iz-zuntier li jagħti għas-santwarju ta’ Fatima, u kurunelli li wettqu kolp ta’ stat f’dik li baqgħet tissejjaħ ir-Rivoluzzjoni tal-Qronfol li biex joħorġu lil pajjiżhom mill-faxxiżmu ta’ Salazar u Marcelo Caetano, spiċċaw għaddewh minn perjodu qasir ta’ Kommuniżmu sakemm wassluh għad-demokrazija li hemm illum. Dwar dehriet tal-Madonna, mhux f’Fatima iżda f’Malta, ma nistax nifhem x’hemm wara l-importanza esaġerata li qed jingħataw fuq il-media Nazzjonalista r-rakkonti ta’ ċertu Anġelik Caruana minn Birżebbuġa li qed jgħid li qed tidhirlu l-Madonna d-dar.
Nispera li b’riżultat ta’ dawn ’l hekk imsejħin dehriet ma nispiċċawx b’xi parir jew previżjoni dwar il-futur politiku ta’ din il-gżira. Li naf żgur, l-aħħar darba li kien hawn veġġenti li tatha għat-tbassir politiku, kienet Ġuża Mifsud tal-Girgenti li kienet qalet li jekk jitla’ Alfred Sant fil-gvern kien se jinxtered id-demm u b’ironija liema bħala din Ġuża tal-Girgenti mietet proprju fis-26 ta’ Ottubru, 1996 dakinhar li Alfred Sant kien sar Prim Ministru!
Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-Portugall kien fl-aħbarijiet internazzjonali minħabba r-referendum li sar biex ikun legalizzat l-abort.
Għalkemm ħarġu biss 40 fil-mija ta’ dawk intitolati biex jivvutaw u għalhekk inqas mill-50 fil-mija meħtieġa biex ikun validu r-referendum, 59.3 fil-mija ta’ dawk li ħarġu jivvutaw kienu favur li l-abort ikun legalizzat għal tqala ta’ mhux iktar minn 10 ġimgħat. Minkejja t-turnout baxx fir-referendum il-Gvern Portugiż bi ħsiebu xorta waħda jibqa’ għaddej bl-approvazzjoni mill-Parlament ta’ liġi li tillegalizza l-abort.
Ma setax jonqos li dan ir-referendum fil-Portugall iqanqal mill-ġdid id-dibattitu dwar l-abort mhux biss fil-Portugall, li flimkien ma’ l-Irlanda u Malta huma l-uniċi tliet pajjiżi Ewropej fejn l-abort hu reat kriminali, imma anki f’dawk il-pajjiżi fejn l-abort ilu snin twal prattikat b’mod legali.
Mir-rappurtaġġi tal-media internazzjonali dwar ir-referendum Portugiż stajt ninnota per eżempju fil-Corriere della Sera tabella li turi kull pajjiż fejn jista’ jsir l-abort b’mod legali biż-żmien massimu tat-tqala sa meta tista’ tkun interrotta t-tqala.
Ma kontx naf li f’Ċipru jista’ jsir abort b’mod legali fuq tqala sa massimu ta’ 28 ġimgħa meta prattikament tarbija li titwieled qabel iż-żmien tkun diġà ffurmata u vijabbli u tista’ ssalva u tibqa’ tgħix.
L-Ingilterra mhix wisq ’il bogħod minn Ċipru għax jista’ jsir abort fuq tqala sa massimu ta’ 24 ġimgħa.
Fl-Iżvezja l-abort jista’ jsir sat-18-il ġimgħa u l-Awstrija sa 16. Imbagħad għandhom il-wiċċ ċerti barranin joqogħdu jitkażaw u jġibu lil min jitkaża għax hawn Malta kaċċaturi jisparaw fuq kull ħaġa li jaraw ittir minn fuqhom jew jaqfluha f’gaġġa meta huma mhux għasafar qegħdin joqtlu imma trabi!
Bi protesti fuq il-kaċċa u l-insib f’Malta qrajna kemm-il darba anki permezz ta’ rappurtaġġi kkuluriti f’ġazzetti awtorevoli li jpinġu lill-kaċċaturi Maltin qishom xi razza ta’ barbari slavaġ li jieklu l-isponsuni ma’ l-ispagetti bil-krema friska.
Imma dwar il-qtil ta’ trabi innoċenti f’dawn l-istess gazzetti se ssib x’taqra ftit li xejn. Nistqarr li minkejja li trabbejt fil-qalba ta’ raħal rurali bħalma hu Ħaż-Żabbar, jien kompletament aljen mill-kaċċa u l-insib u ili żmien fuq in-naħa tax-xatba ma’ dawk li ma jaqblux ma’ dan il-vizzju jew delizzju. Imma lanqas meta kont fl-Alternattiva qatt ma kont abolizzjonista u kelli diversi argumenti sħan ma’ ambjentalisti fundamentalisti li jridu jeqirdu l-kaċċa akkost ta’ kollox.
Il-fenomenu tal-kaċċa u l-insib f’Malta hu wieħed pjuttost kumpless, l-aktar meta tikkunsidra li għad-daqs tat-territorju, il-kampanja li qed dejjem tinxtorob bl-ispekulazzjoni ta’ l-art u l-għasafar li jpassu minn fuqna kulma jmur qed isiru aktar skarsi, minkejja dan kollu l-għadd ta’ kaċċaturi u nassaba flok naqas mas-snin kompla jiżdied.
Il-fatt li hawn numru daqshekk kbir ta’ Maltin u Għawdxin li jagħtu din l- importanza kollha lil dan il-passatemp f’ħajjithom meta s-sodisfazzjon li suppost jieħdu minn dan id-delizzju qed jonqos flok jiżdied, jixhed il-klawstrofobija u l-frustrazzjonijiet tagħna bħala poplu li nixtiequ jkollna fejn nimirħu imma m’għandniex fejn u fl-istess waqt il-ħin kollu nħokku u ngħaffġu fuq xulxin.
Filwaqt li l-aspett ambjentali għandu jingħata l-importanza li jixraqlu meta jkun ittrattat is-suġġett tal-kaċċa, l-aspett soċjali m’għandux ikun traskurat. Tajjeb jew ħażin hawn fostna eluf ta’ Maltin u Għawdxin li dan id-delizzju/vizzju jfisser ħafna għalihom f’ħajjithom u jekk tneħħihulhom qisek tkun qtajtilhom parti minn ġisimhom. Dawk fosthom li jifilħu finanzjarjament iħossuhom ferm inqas mhedda għax x’ħin ifettlilhom xorta jistgħu jikkaċċjaw kemm iridu f’xi art fejn m’hemmx problemi ta’ kaċċa.
Sadanittant kibret il-pressjoni minn barra l-pajjiż biex ikunu kkontrollati l-abbużi u l-esaġerazzjonijiet fil-kaċċa u l-insib. Min naħa tagħhom il-kaċċaturi u n-nassabba spiċċaw użati u abbużati bħal ballun politiku jaqbeż min naħa għall-oħra f’diversi elezzjonijiet ġenerali. Fil-kampanja referendarja u fl-elezzjoni ġenerali li segwiet immedjatament wara, il-kaċċaturi u n-nassabba ngħataw x’jifhmu li kollox kien se jibqa’ kif kien u li ma kellhomx ikunu affettwati ħażin bl-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Lino Farrugia li llum qed jagħmilha tal-hero b’ħafna ultimatums u theddid lil dak u lill-ieħor u anki bojkott lil din il-gazzetta, dakinhar tal-laqgħa li kienet saret fl-anfiteatru Grieg f’Ta’ Qali lejliet ir-referendum iddeċieda li jżomm fommu sieket u ma jgħidx lill-membri tal-għaqda tiegħu kif kellhom jivvutaw għax il-konvenjenza politika dakinhar hekk kienet tiddetta.
Illum id-dilettanti tal-kaċċa u l-insib jinsabu f’sitwazzjoni fejn litteralment ma jafux fejn se jaqbdu jagħtu rashom, ma jafux x’laqathom u qishom salt nies b’rashom maqtugħa.
Il-Partit Laburista faċli għalih kieku jgħid lill-kaċċaturi u n-nassaba ‘jien avżajtkom x’kien se jiġri. Mhux minni naqas’. Imma fis-sitwazzjoni attwali fejn għandek sezzjoni mdaqqsa tal-popolazzjoni li tħossha li fl-aħħar elezzjoni kienet ingannata, abbandunata u ttraduta, ma tistax tiġi taqa’ u tqum minnhom u sempliċiment tgħidilhom ‘I told you so’. Jekk hemm soluzzjoni teknika aċċettabbli ma’ l-UE fir-rigward tal-kaċċa fuq il-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa, kif jidher li hemm għall-inqas hekk isostnu xi esperti tekniċi, b’wiċċna minn quddiem għandna nitħabtu biex ma’ l-UE naslu għal dik it-tip ta’ soluzzjoni.
Bdejt fuq l-abort u fuq hekk xtaqt nispiċċa. Ftit tax-xhur ilu l-Viċi Prim Ministru Tonio Borg ipprova jirkeb b’kemm jiflaħ il-karru tal-Gift of Life u ma nafx kemm-il mijiet ta’ ittri kiteb lill-kunsilli lokali, avukati, nutara u ma nafx lil min iktar biex jevanġelizza favur il-kawża sagra biex l-abort ikun kunsidrat reat kriminali mhux biss fil-Kodiċi Kriminali kif kien minn dejjem ta’ dejjem, imma wkoll fil-Kostituzzjoni u ma jkunx jista’ jintmiss minn hemm ħlief b’maġġoranza ta’ tnejn minn tlieta tal-Parlament.
F’sitwazzjoni fejn m’hawn ħadd f’Malta li jrid li l-abort ikun legalizzat diffiċilment tifhem għalfejn dak l-isteriżmu kollu wara din il-kampanja meta l-abort ilu minn żmien żemżem ikkunsidrat bħala reat kriminali taħt il-Liġi Maltija. Imma s’intendi r-ruħ tifhem għal-liema skop Tonio Borg ipprova jirkeb fuq il-karru.
Għall-ewwel kien antiċipat li se jkun hemm diversi Deputati Laburisti li ma jiffirmawx il-petizzjoni tal-Gift of Life għax hemm min jemmen li din kollha kampanja inutli ta’ aljenazzjoni u għax ma teżisti l-ebda theddida reali li xi darba jiġi legalizzat l-abort f’pajjiżna.
Imbagħad, meta tista’ tgħid li l-maġġoranza tad-Deputati Laburisti kienu ffirmaw din il-petizzjoni tal-Gift of Life, addio s-sens ta’ urġenza għax irrealizza li ma kellux spazju fejn idaħħal feles.
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt