18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007

Il-verità li tweġġa’

Il-film li uriena Shawn Wallis tal-ġimgħa l-oħra kien verament xokkanti. Il-Verità li Tweġġa’ hu spjegazzjoni mill-aqwa ta’ kif id-dinja qed tagħli. Fi kliem l-eks Viċi President Amerikan Al Gore, li ipproduċa dan id-dokumentarju, ilkoll se nagħlu jekk inħallu d-dinja tibqa’ tisħon b’effett tal-ħsara li qed issir.
Ħafna nies, anki f’Malta, għadhom jew ma tawx każ ta’ dan l-argument kbir dwar il-global warming jew inkella bħall-President Amerikan George W. Bush, ħadu din it-twissija biż-żufjett.
Id-dinja kif nafu qisha ballun. Qisha ballun li madwaru għandu skorċa żebgħa li mhix iebsa biżżejjed u għalhekk l-arja tgħaddi miż-żebgħa. Jiġri iżda li jekk il-ballun ituh xi żewġ passati żebgħa żejda l-arja kollha tinqata’ ’l barra u l-ballun jkollu miegħu skorċa iebsa.
L-istess paragun jgħodd għall-qafas ta’ l-atmosfera li biha hi mdawra d-dinja. Għal miljuni ta’ snin dan il-qafas ma kienx iebes tant li ma jħallix id-dħul tar-raġġi tax-xemx l-aktar qawwija u penetranti milli jgħaddu lejn id-dinja biex iżommu lid-dinja sħuna u wara li jagħmlu l-effett tagħhom jerġgħu joħorġu ’l barra mill-atmosfera.
Dan proċess ta’ dħul u ħruġ li ma jieqaf qatt u mkien. L-effett ta’ dan ikun li r-raġġi jidħlu u jagħtu lid-dinja s-sħana li tenħtieġ fid-dożi li jżommu l-bilanċ fiċ-ċirku tal-ħajja u dak ambjentali kif ilna nafuh għal eluf ta’ snin fl-istess waqt li raġġi oħra jinżammu lura ’l barra mill-atmosfera.
Dan il-proċess ta’ dħul u ħruġ tar-raġġi li jsaħħnu bis-saħħa tal-qafas ta’ atmosfera li mhix iebsa u ħoxna jiżgura li r-raġġi b’saħħithom tax-xemx isaħħnu lid-dinja u ma jibqgħux ġewwa taħt l-iskorċa ta’ l-atmosfera bir-riżultat li r-raġġi jidħlu ’l ġewwa biss u jibqgħu jsaħħnu d-dinja bla serħan għax jibqgħu kollha taħt l-iskorċa.
L-atmosfera hi dik li żżomm it-temperaturi fid-dinja f’livelli li l-bniedem u l-ħlejjaq l-oħra jkunu jistgħu jgħixu komdi. Bla atmosfera d-dinja jiġrilha bħall-qamar, ma tkunx abitabbli.
Fuq il-qamar m’hemmx atmosfera u għalhekk it-temperaturi fuq il-qamar ftit jinbidlu matul is sena u bi nhar tkun 107 ċentigradi u bil-lejl tiksaħ għal 153 ċentigradi taħt iż-żero. L-atmosfera kif dejjem sabha l-bniedem hi l-fenomenu li lilna żżommna ngħixu fid-dinja b’mod relattivament pjaċevoli. Għalhekk meta t-traskuraġni tal-bniedem tagħmel ħsara lill-atmosfera, li jiġri hu li jkun ipperikolat il-mod li jgħix il-bniedem kemm ilu fuq din d-dinja.
Li qed jiġri issa, u b’mod mgħaġġel, li dejjem iżid hu li d-dinja qed tipproduċi l-gassijiet u dħaħen b’volum kbir u fi kwantitajiet dejjem akbar sforz l-iżvilupp fejn aktar nies iridu kumditajiet oħra u b’mod esaġerat. Dawn il-gassijiet joħorġu minn power stations, fabbriki, impjanti ta’ kull tip u ħruq ta’ żjut bla waqfin f’tant u tant attività industrijali mad-dinja kollha inkluż ukoll id-dħaħen u gassijiet li joħorġu mill-karozzi tagħna u l-apparat kollu li nħaddmu fid-djar u l-postijiet ta’ divertiment.
Dan il-volum ta’ gassijiet tant qed jikber sena wara sena fil-kwantità u fil-ħsara tiegħu li l-atmosfera li tiċċirkola d-dinja mhux jirnexxielha ssaffih kollu ’l barra biex b’hekk volum dejjem akbar ta’ gassijiet qed jinqabad kollu taħt din l-iskorċa ta’ atmosfera bla ma joħroġ ’il barra. Ir-raġġi b’saħħithom tax-xemx jidħlu u ftit li xejn jirnexxilhom joħorġu u qed jibqgħu maqbuda taħt l-atmosfera bir-riżultat li d-dinja qed tisħon dejjem aktar. (Għal spjega aktar teknika ara http://www.junkscience.com/greenhouse).
U iva, ħafna jgħidu ‘mhux hekk dejjem kienet id-dinja?’ Ikun hemm perjodi ta’ kesħa kbira li ġieli fl-istorja tad-dinja damu s-sekli u jkun hemm perjodi oħrajn ta’ sħana kbira. Għandhom argument dawk li jaħsbu li dan l-argument kollu dwar il-global warming hu xi fettuqa ta’ l-Amerikani u tal-pajjiżi avvanzati li wara li ħammġu d-dinja bl-industrijalizzazzjoni tagħhom issa qed itihom paniku meta jaraw l-impatt tal-ħsara li għamlu waqt li kienu qed jistgħanew u issa jridu jżommu lill-pajjiżi foqra milli jiżviluppaw u jħammġu d-dinja huma wkoll.
Għax il-pajjiżi sinjuri, aktar milli l-foqra, jaħtu għal din il-ħsara kollha. Imma issa la l-ħsara saret jekk ma titranġax mhux il-ħati biss iweġġa’, anzi dawk probabbli jkollhom il-mezzi biex idabbru rashom, imma l-vittmi se jerġgħu jkunu l-vittmi tal-bieraħ.
Aħna l-Maltin ħammiġna bħalma ħammeġ u għadu jħammeġ ħaddieħor għalkemm il-volum tagħna hu żgħir ħdejn ta’ ħaddieħor, imma l-piena tal-ħsara li qed issir lid-dinja mhux se tkun iċken minn ta’ ħaddieħor.
Fortunatament id-dinja kollha qed tistenbaħ għal din il-biża’ kbira. U din biża’ reali mhux bħal tal-millennium bug li ġennewna biha tmien snin ilu. Il-fatti li jippreżenta Al Gore f’dan id-dokumentarju An Inconvenient Truth huma impressjonanti u ftit li xejn tista’ targumenta kontrihom. Il-film juri kif f’6,500 sena qatt ma ġara dak li qed jiġri b’mod mgħaġġel f’dawn l-aħħar ftit snin. Jiġifieri matul l-istorja ta’ dawn l-aħħar 6,500 sena kien hemm perjodi kesħin u perjodi ta’ sħana kbira u oħrajn ta’ tibdiliet fil-klima lil hinn min-normal imma qatt qabel ma kien hemm tibdiliet ta’ proporzjon hekk kbir u hekk persistenti bħal ma qed jiġri fid-dinja issa.
Din mhux kwistjoni ta’ din is-sena fejn rajna klima stramba. Lanqas mhi kwistjoni biss ta’ temperaturi aktar għoljin tant li qed idewweb is-silġ ta’ l-Antartiku li suppost ma kellu jdub qatt iżda kwistjoni ħafna iktar serja minn hekk. Dan għaliex li qed isir hu fuq ritmu dejjem akbar u li dejjem iżid sena wara sena bir-riżultat li kif id-dinja dejjem tisħon aktar qed tiżdied l-evaporazzjoni u għalhekk jinħolqu tempesti, urugani u tinbidel l-formazzjoni ta’ l-irjieħ u t-temp in ġenerali bir-riżultat li partijiet kbar tad-dinja diġà bdew ibatu b’mod aktar mgħaġġel minn tempesti li qatt qabel ma raw bħalhom.
Ir-riżultat se jkun li l-livell tal-baħar f’ħafna partijiet tad-dinja jogħla fuq medda ta’ mhux aktar minn 50 sena u dan l-impatt diġà beda jiġri, tant li partijiet kbar tad-dinja jegħrqu u jsiru baħar. Mijiet ta’ miljuni ta’ nies jkollhom għalhekk iħallu pajjiżhom. Anki l-għexieren ta’ eluf li rajna jkunu żgumbrati waqt traġedja ta’ urugan li rajna f’dawn l-aħħar ħolqu katastrofi enormi, aħseb u ara mewġa ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ nies imbuttati ’l barra minn djarhom u pajjiżhom minħabba traġedji kkawżati mill-għibien taħt il-baħar ta’ żoni sħaħ madwar id-dinja kollha. Ara x’terrur bla qies joħloq!
L-effett fuq in-natura diġà beda jinħass ġmielu hekk kif il-pjanti, siġar u insetti u ħafna ħlejjaq oħra qed jitħawdu bit-tibdiliet li qed jinħassu hekk kif ir-rebbiegħa qed tasal kmieni f’ħafna partijiet tad-dinja. Effetti oħra huma ż-żieda u l-firxa akbar ta’ mard ikkawżat mis-sħana, ic-ċaqlieq u l-emigrazzjoni ta’ ħlejjaq lil hinn mill-pajjiżi li jsiru aktar sħan lejn oħrajn aktar friski u l-impatt fuq in-natura ta’ taħt il-baħar hekk kif it-temperatura ta’ l-ilma tal-baħar tkompli tinbidel u dan bl-impatt enormi fuq l-industrija tas-sajd u fuq l-ambjent marittimu.
Xieraq li lkoll nistenbħu għal din ir-realtà. It-tajjeb hu li ħafna mill-ħsara li saret u li qed tibqa’ ssir hi riversibbli u l-proċess ta’ ħsara jista’ jew jitwaqqa’ jew jitnaqqas. Aħna lkoll nistgħu nagħmlu xi ħaġa.
Il-gvernijiet tal-pajjiżi l-kbar jistgħu jagħmlu ħafna. Hu għajb kbir iżda li żewġ pajjiżi kbar u avvanzati u sinjuri bħall-Amerika ta’ Bush u l-Awstralja għadhom jaħsbuha jekk jingħaqdux mal-kumplament tad-dinja u jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà.
Għidt l-Amerika ta’ Bush għax l-Gvern Amerikan għadu jwebbes rasu, imma l-poplu Amerikan u ħafna Stati Amerikani mhux talli stenbħu iżda huma minn ta’ quddiem għall-miżuri li qed jieħdu biex itaffu l-impatt tas-sħana globali.
Il-miżuri li pajjiżi serji, inklużi aħna l-imsieħba ta’ l-UE qed jieħdu huma ħafna. Min irid ikun jaf aktar isib ħafna materjal fuq l-internet u jara kif l-Unjoni Ewropea qed tipprova tiffaċċja din l-isfida.
Ħa nkun ċar: mhux qed isir biżżejjed. Ta’ l-anqas l-esperti serji hekk qed jgħidu u hekk qed jgħid Al Gore fil-kampanja mondjali sfrenata li qed jagħmel biex jikkonvinċi aktar politiċi, industrijalisti u n-nies li jikkmandaw u l-popli li jridu jimbuttaw lil min imexxihom.
L-iskejjel fil-pajjiżi avvanzati, inklużi wkoll tagħna, qed jgħallmu lit-tfal dwar dan. Imma d-dinja għadha ma stenbħitx għal din it-theddida hekk serja u hekk viċina. Jekk irridu li Malta tkun eżempju ta’ x’jista’ jsir irridu nistenbħu aħna lkoll.
L-ewwel pass hu li ninfurmaw ruħna. It-tieni li niddeciedu bħala individwi u bħala familja x’għandna nagħmlu. Għax din mhux kwistjoni biss ta’ gvernijiet. Il-kbar jistgħu jagħmlu ħafna iżda l-individwi u l-familji flimkien jistgħu jagħmlu biżżejjed biex jagħmlu d-differenza.
Għax aħna mhux nibdlu d-dinja irridu imma rridu nagħmlu bidliet marġinali li kollha f’daqqa jkollhom impatt biżżejjed biex irażżan il-ħsara u jibda jreġġa lura l-ħsara li saret qabel. Ilkoll għalhekk irridu nagħmlu s-sehem tagħna.
Allavolja poplu żgħir, l-effett tagħna jgħodd wkoll. B’rieda minn miljun ta’ nies mad-dinja kollha l-ħsara tista’ titwaqqaf u tista’ tibda titreġġa lura. Jekk le tagħli d-dinja u nagħlu aħna.
Nistgħu ma nagħtux każ?

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt