18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
L-isptarijiet it-tielet l-akbar sors ta’ avvelenament bl-ikel

Julia Farrugia

Tagħrif li għandha din il-gazzetta jikkonferma li għal dawn l-aħħar sentejn l-isptarijiet u d-djar ta’ l-anzjani kienu t-tielet l-akbar sors ta’ avvelenamenti jew mard ieħor marbut ma’ l-ikel.
Jirriżulta li l-isptarijiet u d-djar involuti m’humiex biss tal-Gvern imma hemm ukoll involuti dawk privati.
Għal dawn l-aħħar snin l-akbar ammont ta’ każijiet ta’ mard kaġunat minn kontaminazzjonijiet fl-ikel oriġina mid-djar tagħna. Inkwetanti aktar il-figuri li jikkonfermaw li bejn l-2000 u l-2005 kien hemm tliet persuni li mietu minħabba kontaminazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
Din l-aħbar kienet konfermata mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika wara mistoqsijiet li għamlet Illum.

Jirriżulta li l-każijiet ta’ dawk li jissejħu foodborne illness fi sptarijiet Maltin u fi djar ta’ l-anzjani aktar minn irduppjaw bejn l-2004 u l-2005 u l-każijiet komplew jiżdiedu tul is-sena li għaddiet. Filwaqt li tliet snin ilu l-każijiet fl-isptarijiet kienu jammontaw għal 6 fil-mija tal-każijiet kollha rappurtati f’pajjiżna, fl-2005 il-persentaġġ tela’ għal 15.5 fil-mija.
Il-każijiet ta’ kontaminazzjoni f’dawn il-postijiet komplew jiżdiedu matul l-2006 tant li s-sena li għaddiet 16 fil-mija tal-każijiet ta’ avvelinament f’pajjiżna oriġinaw minn xi dar ta’ l-anzjani jew sptar.
Mitlub jikkummenta dwar dawn il-figuri allarmanti l-Ministru għas-Saħħa Louis Deguara qal li “kull każ bħal dan jinkwetak għax juri li x’imkien fis-sistema l-affarijiet ma jkunux ħadmu kif suppost.”
Madankollu l-Ministru sostna li fil-figuri hemm inklużi wkoll każijiet fejn il-pazjent jidher li laqqat foodborne illness meta l-verità tkun li fl-isptar ikun iddaħħal virus li faċilment jinfirex meta jkollok konċentrazzjoni kbira ta’ nies. F’każ riċenti kien hemm milquta mas-60 pazjent rikoverat fl-isptar San Luqa.
Fatt li jimmerita li jingħata attenzjoni mill-pubbliku hu li tul dawn l-aħħar tliet snin l-akbar ammont ta’ avvelinament bl-ikel oriġina mid-djar. Madankollu kollox jindika li l-poplu Malti qed jitgħallem josserva punti bażiċi ta’ iġjene fil-kċina tant li mill-2004 sa llum il-każijiet rappurtati naqsu kull sena.
B’mod konsistenti, it-tieni l-akbar ammont ta’ każijiet ta’ din ix-xorta feġġew minn ristoranti bir-rata medja ta’ każijiet kull sena kienet ta’ 23 fil-mija.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt