Anke l-akbar imħallef distakkat għandu dritt għall-opinjoni politika aħseb u ara preżentatur fuq it-TV. Qegħdin nitkellmu dejjem fuq programmi politiċi u mhux tat-tisjir, għax il-kokijiet mhux biss għandhom id-dritt għall-opinjoni politika iżda jistgħu jkunu l-akbar Laburisti koċċuti jew Nazzjonalisti koċċuti. Iżda fil-każ ta’ programm televiżiv dwar kwistjonijiet kurrenti ta’ politika, la tista’ tkun Nazzjonalist u lanqas Laburist koċċut.
Iżda bħal imħallef distakkat, preżentatur tal-programmi televiżivi fuq kwistjonijiet politiċi ma jistax ikollu aġenda politika. Dan kollu qiegħed nagħmlu bi kwalifika waħda — b’referenza għall-programmi televiżivi politiċi li jixxandru fuq l-istazzjon ta’ l-Istat, u mhux dawk privati, b’mod partikolari dawk li huma proprjetà ta’ partit jew ieħor.
Jekk, per eżempju, jistedinni Georg Sapiano fuq il-programm ‘Doksa’ dwar il-kwistjoni ta’ l-isptar Mater Dei. Jiena naf li sejjer fi stazzjon politiku bi preżentatur televiżiv Nazzjonalista. Irrid nistenna minn kollox u ma nistax nippretendi li l-preżentatur ikun imparzjali u ’l fuq mill-polemika partiġjana.
L-istess jgħodd jekk Deputat Nazzjonalista jiġi mistieden minn Charlon Gouder fil-programm ‘Viċi-Versa’. Fis-sewwa żewġ preżentaturi li qatt ma jista’ jkollhom aġenda politika moħbija peress li l-aġenda tagħhom hija ċara, miktuba b’ittri kbar fuq il-bieb ta’ kull stazzjon.
Fil-fatt qajla smajna li xi ħadd jilmenta meta jkun mistieden fi programm jew ieħor li l-preżentatur kellu aġenda moħbija, jew kien parzjali u nieqes mill-oġġettivita ta’ l-argument. Il-menu ta’ diskussjoni f’dawn l-istazzjonijiet hi sa ċertu punt fiss.
Iżda meta niġu għall-istazzjon ta’ l-Istat, l-argumenti huma għal kollox differenti, qegħdin nitkellmu fuq kavetta ta’ komunikazzjoni għal kollox differenti.
L-imparzjalità u l-oġġettività fuq ħwejjeġ ta’ natura politika u kurrenti hija essenzjali. Essenzjali għax dan hu stazzjon iffinanzjat minn ċittadini ta’ kull kulur politiku. Essenzjalità li hija anke rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni Maltija, li bis-saħħa ta’ l-Awtorità tax-Xandir tassigura li ħadd u taħt l-ebda mantell ma jipprova mill-uniku stazzjon ta’ l-Istat jagħmel xi arma politika partiġġjana, kif ġara fl-imgħoddi u kif fil-fatt qed jiġri dan l-aħħar b’mod aktar fin u subliminali.
Id-dibattitu li qam dan l-aħħar bejn Wenzu Mintoff u Lou Bondi f’Bondiplus mhux wisq importanti għal dak li Wenzu Mintoff xela bih lil Lou, iżda qanqal dibattitu li x-xandir ta’ l-Istat għandu jkun ħieles minn preżentaturi partiġġjani.
Iż-żminijiet ta’ Eileen Montesin u Toni Pellegrini kulħadd jiftakarhom. Dawk iż-żminijiet reġgħu magħna f’forma aktar intelliġenti imma aktar perikoluża. Perikoluża għax kulmin jippreżenta programm politiku fuq l-istazzjon ta’ l-Istat jipproġetta immaġini distakkata li m’għandu minn ħadd, anke jekk taħt il-ġilda tiegħu huwa l-akbar Nazzjonalist koċċut jew Laburist koċċut. Ix-xandir ta’ l-Istat, peress li huwa finanzjat mhux minn maratoni tal-partiti, iżda mit-taxxi tan-nies, jagħti libsa ta’ kredibbiltà lill-preżentaturi. Dik il-kredibbiltà għandha tkun rispettata u mhux dak li jkun jinħeba taħtha proprju biex imexxi aġenda minn taħt bil-pulit.
Dan huwa l-argument essenzjali għad-demokrazija fil-media lokali li tqanqal bejn Wenzu Mintoff u Lou Bondì. It-tinbix mimli verità ta’ Wenzu ħareġ minn Lou Bondì dak l-annimal politiku li kien ilu żmien jaħbi.
Bħala preżentatur flok żamm il-kalma u irrefera l-każ lil min kellu jirreferih, ħareġ żrinġ mill-istonku tiegħu li wera dak li hu. Difatti, l-istqarrija ta’ l-Awtorità tax-Xandir, iswed fuq l-abjad, iddikjarat li dan il-preżentatur wera li kien partiġġjan.
Issa Lou ma nafx għaliex jieħu għalih, għax għalkemm għandu dritt għall-opinjoni tiegħu, m’għandux dritt ikun partiġġjan u jaggredixxi lill-mistednin tiegħu b’ħafna minaċċi u libelli għax proprju l-mistieden ma jaqbilx miegħu.
Imma ngħid għalija, jiena qatt ma kelli għalfejn nistenna dawn is-snin kollha biex niddikjara li fil-kuxjenza, dan l-ex-propagandist Nazzjonalista għandu aġenda li mhix daqstant ċara. Difatti f’risposta li kont ktibt f’gazzetta bl-Ingliż dwar attakk li għamel fuqi għalxejn, kont iddeskrivejt lilu u l-kumpanija tiegħu bħala speċi ta’ dar ta’ produzzjoni nofs triq bejn l-istamperija ta’ Tal-Pietà u d-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni f’Kastilja.
Issa tajjeb wieħed jiftakar li Lou u sieħbu dejjem kienu jiftaħru li l-Awtorità tax-Xandir qatt ma sabithom ħatja ta’ imparzjalità. Issa llum jidher ċar li l-istorja hija mod ieħor. Wara kollox il-ġudizzju dejjem jittieħed fil-kuxjenza ta’ dak li jkun għax biex toqgħod fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ l-Awtorità tax-Xandir tkun qiegħed tiddependi fuq min huma chairman. Jien ngħid li kieku ċ-Chairman kien Joe Pirotta, x’aktarx li ġudizzju fuq l-edizzjoni ta’ fejn Wenzu kien mistieden kien ikun aktar differenti.
Il-ġudizzju magħmul mill-fatti u minn dak li jaraw l-għajnejn.
Il-fatt li qatt ma saru programmi fuq riżenji bħal dawk ta’ Anthony Galdes, Michael Mallia u issa Sonia Camilleri. Il-fatt li ma sarx programm fuq ir-rapport falz ta’ Joe Zahra, kollaboratur ta’ Bondi f’diversi okkażjonijiet ta’ Bondiplus; il-fatt li qatt ma sar ebda programm fuq Richard Muscat; il-fatt li qatt ma sar programm fuq it-tixħim tal-liċenzji fl-ADT; il-fatt li qatt ma stieden lil Eddie u staqsieh għalfejn gideb fuq Alfred Sant jew kif qabel l-1998 kien jiddiħak bl-MLP fuq il-bir taż-żejt f’Għawdex u wara beda jgħid li sab iż-żejt; il-fatt li qabel l-elezzjoni ta’ l-2003 hu u sieħbu kienu ħaġa waħda mall-PN fil-kampanja elettorali; il-fatt li kulmeta jilmaħ vopa Laburista jinżel għaliha bħal gawwija mġewwħa, pero jekk jara waħda Nazzjonalista jaħrabha.
Hemm mitt fatt ieħor li nista’ nsemmi iżda m’għandix spazju biżżejjed, iżda fil-kuxjenza ta’ kulħadd, anki ta’ Lou, jaf li dak li qed ngħid hu s-sewwa.
PEPPI
Kieku l-bniedem kien robot li kapaċi ma jaħsibx kieku l-gwida ta’ l-Awtorità tax-Xandir li l-ġurnalisti u preżentaturi fuq l-istazzjon nazzjonali ma jkollhomx pożizzjoni pubblika fuq issues kurrenti kienet tagħmel sens. Iżda l-bniedem mhux robot. Kull bniedem iħoss u jemmen xi ħaġa li tista’ tinbidel biż-żmien u fiċ-ċirkostanzi. Kull bniedem għandu jew għandha suġġetti li tinħaraq dwarhom. Allura ma nistax nimmaġina li teżisti persuna li m’għandha pożizzjoni fuq xejn.
Il-ġurnalisti u l-preżentaturi huma persuni bħal kulħadd. Anzi huma wħud mill-aktar nies li għandhom opinjonijiet fuq kollox. Fuq nota personali ngħid li jekk ma jħossux xi ħaġa fuq ħafna issues m’għandhom qatt jissejħu ġurnalisti.
Issa biex inkunu ġusti l-Awtorità tax-Xandir mhix tgħid li ma jkollokx opinjoni iżda li l-opinjoni ta’ preżentaturi bħali m’għandhomx ikunu pubbliċi. Jiġifieri jibqgħu moħbija. Hekk per eżempju jiena, skond l-Awtorità, qatt ma stajt ngħid li kont u għadni favur li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Dak ikun sigriet li nżomm ma’ marti, ma’ ommi u missieri, ħuti u forsi l-kuġini.
Dejjem skond l-Awtorità ma nistax ngħid li jien kontra l-kunċett ta’ kaċċa bħala sport, kontra li jkun hawn reġistru tal-pedofeli, kontra li jkollna sistema ta’ ħabs kif inhi llum, kontra kull forma ta’ razziżmu, kontra li l-abort isir legali.
Dejjem skond l-Awtorità tax-Xandir ma nistax ngħid li nemmen li l-prostituzzjoni għandha tkun legali, li f’Malta għandu jkollna d-divorzju, li m’għandux ikun hawn ċensura fejn jidħlu adulti u li favur impenn biex uliedna ma jkunux abbużati kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Dan suppost baqa’ dejjem mistur ġewwa fija u jekk xi ħadd ifettillu jistaqsini x’naħseb, dejjem skond il-gwida ta’ l-Awtorità għandi dejjem inwieġeb: ‘Dan sigriet. Ma nistax niftaħ ħalqi. Sorry. Qalbi niftaħha biss mal-familja bil-bibien u t-twieqi magħluqa, ma jmurx xi ħadd jgħaddi minn taħt it-tieqa u jismagħni nlissen l-opinjoni tiegħi, x’waħda din.’
Naturalment l-iskop ta’ l-Awtorità hu li dejjem tkun u tidher imparzjali u newtrali. Jiġifieri li ngħaddi ż-żmien bin-nies. Għax in-nies għandhom kull dritt ikunu jafu x’naħseb jekk qed immexxi Xarabank u qed niddiskutu d-divorzju. Nemmen li għandi obbligu li fil-bidu tal-programm ngħid li jien favur li f’Malta jkollna liġi tad-divorzju. Biex in-nies tkun attenta u tiċċekkja x’qed ngħid u nagħmel fil-programm għax tkun infurmata li jien, għax persuna, għandi bias. Dan ma jfissirx li għax għandi opinjoni ma nistax immexxi l-programm b’mod bilanċjat. Anzi d-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni tiegħi tkompli tagħmel lill-programm aktar bilanċjat għax in-nies qed tirċevih b’informazzjoni importanti dwari.
Il-gwidi ta’ l-Awtorità tax-Xandir se joħolqu aktar ipokrezija ta’ ġurnalisti u preżentaturi li taparsi huma newtrali iżda jkollhom aġendi moħbija li l-gwida ta’ l-Awtorità tkompli tħeġġiġhom u tgħinhom biex ikomplu jaħbuha. Il-gwida ta’ l-Awtorità jbierku biss lill-mentalità li naħdmu minn taħt u noqogħdu taparsi nidhru fin-nofs, li ma jeżistiex.
Biex tkompli tgħaxxaqha din hi l-istess Awtorità tax-Xandir li n-nies fi ħdanha huma magħżula miż-żewġ partiti politiċi, li bħala membri għandha persuni li jagħtu l-veduti politiċi tagħhom fuq diversi kwistjonijiet, kif għandhom dritt u obbligu li jagħmlu. Iżda hi ipokrezija li dawn l-istess nies jippretendu li naħbi l-opinjoni tiegħi.
John Bundy kellu raġun. Dan pajjiż tal-Micky Mouse. Uups, erġajt żlaqt. Mhux suppost għidt li Bundy għandu raġun. Nirtiraha u nitlob maħfra. Minn issa ’l quddiem min jistaqsini x’naħseb ngħidlu ‘sorry, dan sigriet u ma nistax ngħidlek x’naħseb, fuq ordni ta’ l-Awtorità tax-Xandir.’
Jekk imbagħad jaħsel jistaqsuni naqbilx ma’ dawn il-linji gwida nista’, please, ngħidilhom li ma naqbilx magħhom?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt