Tbeżbiża mill-Awtorità tax-Xandir u oħra mill-Bord Editorjali tal-PBS dwar il-mod kif mexxa l-programm ġimagħtejn ilu fejn spiċċa jitgħajjar ma’ Wenzu Mintoff, ma kinux biżżejjed għal Lou Bondì tant li nhar il-Ġimgħa sfida lil Mintoff għal dibattitu fuq is-Super One.
It-tweġiba ta’ Mintoff kienet waħda immedjata. “Dak li għandi ngħid se ngħidu fil-Qorti,” sostna Mintoff, b’referenza għall-kawża ta’ libell li fetaħlu Bondì.
Fl-istqarrija li ħarġet il-Ħamis li għadda l-Bord Editrojali tal-PBS tenna fost l-oħrajn li l-mod kif Bondì mexxa d-diskussjoni dakinhar “xejn ma kien professjonali, speċjalment meta wieġeb it-tgħajjir personali ta’ wieħed mill-mistiedna b’tgħajjir daqstant ieħor personali.”
Iżda t-tikketta bejn Bondì u Mintoff ma twelditx ġimagħtejn ilu. Il-programm
Bondi Plus tas-6 ta’ Frar fejn il-kelma ‘koċċut’ sar jaf biha kulħadd, kien qisu porvli jispara mill-kanna wara li kien ilu ppressat għal snin twal.
Fl-agħar mumenti tal-battibekk bejn Bondì u Mintoff il-programm kien qisu ċirklu, ifakkrek f’diversi xeni li s-soltu naraw f’xi reality show Taljan. Il-kelma ‘koċċut’ li skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina tfisser xi ħadd rasu iebsa, ma niżlitx tajjeb ma’ Bondì: titlfiha u spiċċa jgħajjar lil Mintoff fallut fost kummenti oħra li skond l-Awtorità tax-Xandir kienu ta’ “natura politika partiġjana.”
Bondì u Mintoff qishom żewġ barrin li jaraw l-aħmar f’xulxin.
L-istorja tmur lura għall-bidu tas-snin Disgħin meta Bondì bħala kap ta’ Radio 101 kien ipprova kemm-il darba jwaqqa’ għaċ-ċajt lill-Alternattiva Demokratika, dakinhar immexxija minn Wenzu Mintoff b’rappurtaġġ nebbiexi fl-aħbarijiet. Mhux l-ewwel darba li waqt il-laqgħat ġenerali ta’ l-Alternattiva ġurnalisti tal-101 kienu jintbagħtu mhux biex jirrappurtaw l-avveniment iżda biex jgħoddu n-numru tan-nies fis-sala.
Iżda l-bigħa għaqdet meta ftit wara l-elezzjoni ta’ l-1992 Bondì kien fetaħ libell kontra l-gazzetta Alternattiva fuq storja li kienet ippubblikat dwaru. Wara snin ta’ battibekki fil-qorti Bondì kien rebaħ il-libell.
L-ewwel round tal-battalja kien rebħu Bondì bl-għeruq u x-xniexel.
Minkejja li kien hemm diversi battibekki bejn Bondì u Mintoff matul is-snin dawn iktar setgħu jitqiesu bħala botta u risposta bejn tnejn li għandhom tikketta għal xulxin. Gerrbu s-snin u filwaqt li Mintoff reġa’ sab postu fil-Partit Laburista, Bondì flimkien mal-kumpanija Where’s Everybody? spiċċa imprenditur ewlieni fil-qasam tal-media viżiva b’monopolju tal-ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon nazzjonali.
It-tieni round wasal fis-6 ta’ Frar. Mintoff fetaħ il-kanuni fuq Bondì dwar programmi li messu għamel iżda qatt ma saru għax skond hu l-eks funzjonarju tal-PN kien għadu jmexxi l-istrateġija tal-partit, din id-darba minn pożizzjoni privileġġjata bħala preżentatur fuq il-PBS.
Kienet akkuża kbira wisq għal Bondì. Hedded b’libell. Kienet theddida li Bondì irrepeta matul il-programm. Is-sitwazzjoni iddeġenerat b’Mintoff jgħajjar lil Bondì “Nazzjonalist koċċut” u b’Bondì jiddeskrivi lil Mintoff bħala “fallut”.
It-tieni round intrebaħ minn Mintoff li donnu qala’ balla minn fuq l-istonku.
U daqskemm baqgħu b’ħalqhom magħluq iċċassati b’dak li kien għaddej quddiemhom il-mistiedna l-oħra f’dak il-programm – Tonio Fenech, Charles Mangion u Jeffrey Pullicino Orlando – hekk ukoll baqgħu t-telespettaturi.
U bilħaqq, il-programm kien qed jiddiskuti r-riżenja ta’ Gordon Cordina mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika. Xi ħadd jiftakar?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt