18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
‘Il-pulizija’ Clare Agius f’serje Pollakka

Franica Pulis

Clare Aguis u Malcolm Galea f’dan ix-xahar kienu tnejn mill-20 attur li ħadu sehem fis-serje polizjeska Pollakka Kryminalni. Clare għandha ċ-ċans ukoll li tiġi mistiedna taħdem xi episodji oħra fil-Polonja.
“Issemmiet il-possibbiltà imma m’hemm xejn konkret s’issa,” stqarret l-attriċi.
Il-krù tas-serje televiżiva ferm popolari fil-Polonja niżlu Malta bl-għan li jiġbdu żewġ episodji ambjentati fil-gżejjer tagħna stess.
Agius, li kellha wieħed mill-irwoli ewlenin fl-episodju li nġibed, reġgħet ħadmet għat-tieni darba ta’ pulizija. Wara Anġli l-attriċi ħassitha “aktar komda u naturali” fix-xeni li nġibdu m’ilux. “Ħassejtni aħjar b’differenza. Din id-darba kien hemm aktar xeni biex jinħadmu għax il-baġit kien akbar ukoll. Ħdimt ma’ nies li għallmuni kif inġib ruħi f’xeni polizjeski, fosthom kif inżomm revolver,” spjegat l-attriċi.
Bl-istess mod ikkummenta Malcolm Galea li kellu parti ta’ raġel perikoluż u beżżiegħ fl-istess ħin speċjalment meta jinsab fil-periklu hu stess. “Is-soltu ma tantx ikolli ħafna opportunitajiet biex nilgħabha tal-kattiv allura ħadt pjaċir ħafna. Il-karattru tiegħi nzerta jixbah il-karattru li kelli f’Helen of Troy.”
L-20 attur intgħażlu wara auditions li saru mill-Masquerade Casting Agency u ntbagħtu lid-direttur Pollakk Piotr Weresniak biex jagħżel fost il-50 attur li ħadu sehem fil-provi. Minbarra Clare u Malcolm ħadu sehem ukoll Marc Spiteri, John Marinelli, Wesley Ellul u Adrian Gatt fost ħafna oħrajn.
Anthony Bezzina, direttur artistiku tal-Masquerade, qal li f’każ ta’ televixin l-atturi spiss jintagħżlu għax ikollhom dehra partikulari apparti l-esperjenza teatrali.
Malcolm u Clare stagħġbu kif saru ħbieb ma’ l-atturi Pollakki f’10 ijiem, l-aktar minħabba li f’pajjiżhom huma lanqas biss jkunu jistgħu joħorġu minn darhom minħabba l-ammiraturi tagħhom u l-paparazzi.
“Il-kru kienu kważi kollha Pollakki u peress li spiss kienu jiċċajtaw bejniethom, aktar qabbilthom ma’ krù Maltija ta’ xi teleserje lokali milli ma’ krù ta’ film. Naħseb li meta tkun ilek tliet snin taħdem ma’ l-istess nies bilfors tilħaq issir tafhom ħafna aktar milli waqt film,” żied jgħid Galea.
Clare kompliet titkellem dwar id-differenza li rat bejn l-atturi Pollakki meta mqabblin ma’ dawk Maltin, “It-teleserje ilha għaddejja tliet snin. L-atturi m’għandhomx ċans jieħdu sehem f’affarijiet oħra. Aħna jkollna x-xogħol, dramm filgħaxija u anki xi teleserje għaddejjin fl-istess żmien. Imma mbagħad huma jkollhom aktar ċans jibnu relazzjoni soda bejniethom għax iqattgħu s-snin flimkien. Aħna l-Maltin ftit ikollna ċans nibnu dawn ir-relazzjonijiet.”
Kieku kellhom jagħżlu bejn film blockbuster għal film ta’ baġit iżgħar bħalma nġibed ftit tal-jiem ilu, f’liema jippreferu jieħdu sehem? Kumbinazzjoni ż-żewġ atturi Maltin huma ta’ l-istess fehma, għalkemm li kien għal Malcolm, xorta waħda jippreferi kieku kellu parti kbira fi blockbuster film.
“Nippreferi films żgħar għax għalkemm ir-rata ġieli tkun anqas, il-parti li jistgħu joffrulek, tkun ħafna aktar interessanti. Ovvjament, parti kbira fuq blockbuster tkun ideali imma wieħed irid ikun realistiku.”
Bl-istess fehma kienet l-attriċi Maltija: “L-importanza li tingħatali hi ħafna akbar. Lanqas ħaqq tidħol fi blockbuster biex tagħmel parti ta’ extra jew ikollok xi żewġ linji biss x’tgħid. F’xogħlijiet bħal dawn tingħata l-mertu li jkun ħaqqek u anki jkollok iċ-ċans tespandi bħala attriċi.”

fpulis@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt