18 ta' Frar 2007
L-Air Malta u l-Gvern iħejju l-kundizzjonijiet
Ifalli t-tieni rescue plan
Karl Stagno-Navarra
Il-Gvern hu rappurtat li jinsab f’taħditiet ma’ l-ogħla management ta’ l-Air Malta bl-iskop li jkunu deċiżi x’tip ta’ proposti jistgħu jitressqu għal ftehim kollettiv lill-ħaddiema wara li kienet konfermata l-aħbar żvelata minn din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda li mhux se jseħħ it-tieni Rescue Plan wara li rtiraw minnu l-bdoti u tal-Cabin Crew.
L-aħbar hi rappurtata li ħasdet lill-Gvern kif ukoll lill-kumpanija u fl-istess ħin fetħet dibattitu sħiħ fost l-1,500 ħaddiem ma’ l-ażjenda dwar x’se jiġri minn issa ’l quddiem.
Il-ħaddiema huma konxji mill-istqarrijiet ripetuti tal-Gvern li f’każ li ma jseħħx Rescue Plan ieħor ma jistax jagħti garanzija li ma jingħatawx sensji, u l-Gvern qed ikun infurmat mill-Air Malta stess dwar is-sitwazzjoni “xejn feliċi” tal-kumpanija.
Kelliem għall-Gvern spjega li s-sitwazzjoni fl-Air Malta titlob responsabbiltà kbira mill-partijiet kollha, partikolarment f’dan il-mument importanti għall-kompetittività ta’ l-ażjenda.
Ġimagħtejn ilu l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Air Malta Joe Cappello żvela kif mindu daħlet il-linja ta’ l-ajru low cost Ryanair, mir-rotta ta’ Londra weħidha ntilef b’madwar 12 fil-mija tas-suq li kellha l-Air Malta. Dan it-telf hu stmat li sewà diġà lil Air Malta madwar Lm1 miljun.
Filwaqt li l-Gvern qed jagħmilha ċara ma’ l-erba’ unions fl-Air Malta li “ma tantx hemm fejn wieħed idur,” issa li l-għażla waqgħet fuq ftehim kollettiv flok Rescue Plan, il-ħaddiema qed ikunu prudenti ħafna milli jsostnu pożizzjonijiet prematuri li jistgħu jipperikolaw l-impjieg tagħhom.
Kelliem għall-Union tal-Bdoti (ALPA) qal lil din il-gazzetta li bħala bdoti ngħata ħafna lill-kumpannija, kif għamlu l-ħaddiema l-oħra kollha.
“Jidher iżda li l-Air Malta baqgħet fejn kienet jew tinsab agħar milli kienet u għaldaqstant issa jmiss lill-management biex jagħmel il-parti tiegħu biex il-kumpanija tqum fuq saqajha skond il-pjan oriġinali.
Ħadd minn tal-Cabin Crew, mill-General Workers Union jew mill-Union ta’ l-Inġiniera ma xtaq jikkummenta waqt li huma rappurtati li għaddejjin numru ta’ laqgħat informali bejniethom bl-iskop li jaġġornaw ruħhom dwar l-aħħar żviluppi.
Hu mifhum li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien infurmat bis-sitwazzjoni fl-Air Malta din il-ġimgħa filwaqt li laqgħa oħra mistennija ssir il-ġimgħa d-dieħla.
L-aħħar żviluppi fl-Air Malta huma waħda mit-temi li kiteb dwarhom l-eks trejdunionista Manwel Micallef fir-rubrika tiegħu fil-ħarġa tal-lum.
Manwel Micallef li jitkellem dwar ir-ristrutturar, jirreferi għall-ħaddiema ta’ l-Air Malta u jsostni kif xi sezzjonijiet dehrilhom li ma kellhomx ikomplu jaċċettaw aktar sagrifiċċji, kif kien id-dritt tagħhom.
L-eks trejdunionsita jwissi kif kulħadd jeħtieġ jifhem l-implikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għaliex filwaqt li l-ewwel Rescue Plan serraħ ras il-ħaddiema li ma kinux se jingħataw is-sensji, issa wieħed irid jifhem dak li jkun hemm wara ftehim kollettiv.
It-twissija ta’ Manwel Micallef hi ċara: “Kemm il-liġi, kif ukoll il-ftehim kollettiv, jitkellmu ċar dwar il-possibbiltà li jingħataw is-sensji.
“Il-fatt li l-kumpannija ddeċidiet li ma tikkonvinċix lil min irreżista t-tiġdid tar-Rescue Plan biex jerġa’ jaħsibha u dritt ħarġet fil-pubbliku tistqarr li se tmur għal ftehim kollettiv, iġiegħel lil min għandu daqxejn melħ f’moħħu jitħasseb. X’jiswa’li jsir ftehim kollettiv u l-kumpanija wara ftit tħabbar li se tagħti s-sensji skond kif jippermettilha l-istess ftehim kollettiv?”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt