18 ta' Frar 2007
Mifsud Bonnici għat-Tielet Distrett
Kurt Sansone
It-taqlib fid-distretti li għamlet il-Kummissjoni Elettorali sentejn ilu gerrfex mhux ftit il-pjanijiet tal-kandidati b’uħud minnhom jaraw irħula li tradizzjonalment jikkontestaw fuqhom jisparpaljaw f’distretti mhux tagħhom.
Mhux se tkun sorpriża fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jekk fuq id-distrett tiegħek joħorġu kandidati gwappi li s-soltu jikkontestaw fuq postijiet oħra.
Hekk se jiġri fit-Tielet Distrett fejn Carm Mifsud Bonnici se jikkontesta għall-ewwel darba. Fil-jiem li għaddew il-votanti ta’ dan id-distrett irċevew fuljett li fih is-Segretarju Parlamentari ħabbar li kien se jikkontesta wkoll fuq it-Tielet Distrett apparti t-Tieni.
Iċ-ċaqliq tal-Fgura mit-Tieni Distrett għat-Tielet kien ir-raġuni prinċipali għalfejn Mifsud Bonnici ddeċieda li jħabbar it-tieni nomina tiegħu.
“Fil-Fgura għandi għeruq kbar u peress li issa dan ingħaqad mat-Tielet Distrett ħassejt li ma stajtx nabbanduna lil min kien ilu jivvutali,” sostna Mifsud Bonnici ma’ din il-gazzetta.
Mistoqsi jekk jaħsibx li se jitla’ minn żewġ distretti, b’nofs daħqa Mifsud Bonnici sostna li l-elezzjoni qisha “t-totocalcio, jew tirbaħ, jew titlef jew tiġi draw.”
F’dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista tella’ żewġ deputati mit-Tieni Distrett, sitwazzjoni li x’aktarx ma tinbidilx minkejja t-tibdil li sar fid-distretti dan l-aħħar. Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi se jikkontesta fuq it-Tieni Distrett bħalma dejjem għamel iżda s’issa għadu ma ħabbarx liema se jkun it-tieni distrett li se joħroġ fuqu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt