18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Lenti fuq l-abbuż u l-inġustizzji

Franica Pulis

Każijiet ta’ priġunieri torturati, għajbien ta’ nies mal-lejl u inġustizzji politiċi huma wħud mit-temi fix-xogħol teatrali ‘Għalliema’ imtella’ mill-grupp Ixidor.
“Irridu noħolqu għarfien li bħalissa waqt li qed issir din il-produzzjoni hemm nies li qed jiġu abbużati u mneżżgħa minn kull dritt tal-bniedem! L-għan ta’ din il-produzzjoni mhux biex isir il-qligħ imma biex jitwassal dan il-messaġġ soċjali,” sostnew l-atturi ma’ Illum.
Ix-xogħol hu ispirat minn kitba ta’ Enrique Buenaventura La Maestra u maħdum f’post mingħajr isem u mingħajr żmien li jista’ jfisser kullimkien. Id-dramm ittella’ b’dan il-mod għax jesplora t-temi ta’ inġustizzji li għadhom jgħaddu minnhom ħafna nies madwar id-dinja minkejja li l-istituzzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ilha teżisti mindu twaqqfu n-Nazzjonijiet Uniti fl-1945.
L-Ixidor, li hu magħmul minn tmien atturi, ħassew li għandhom jaħdmu fuq dawn it-temi biex iwassluhom lil soċjetà li kif sejħulha huma “forsi tinsab għamja dwar ir-realtà krudila li qed isseħħ madwarna fid-dinja.” 
Id-direttur tagħhom Charles Sammut ikompli jispjega kif l-iskript oriġinali jmiss mar-realtà tal-ħajja li kif jaraha hu bħala soċjetà aħna ftit nagħtu kasha.
“Nisimgħu b’nies li jgħibu, li jiġu msawta minħabba twemmin politiku jew reliġjuż u nisa li jispiċċaw vittmi ta’ żwieġhom jew ta’ qrabathom għal diversi raġunijiet. Biss ħafna drabi dawn l-istejjer jibqgħu sempliċement stejjer u aħbarijiet. Ftit naħsbu li dawn huma nies veri, nies umani bħali u bħalek. Din ir-realtà naħsbu li la mhix qed tiġri lilna mela m’għandhiex tmissna.”
Kien għalhekk li f’Ottubru li għadda l-atturi bdew proċess ta’. Parti minnu kien jinvolvi laqgħat mal-president ta’ L-Amnesty International ta’ Malta, Jean Pierre Gauci. Stephen Buhagiar, wieħed mill-atturi, qal li l-kollaborazzjoni ma’ l-Amnesty International saret għax il-grupp ħass li bħalissa din hi l-unika istituzzjoni internazzjonali li qed taħdem kontra l-inġustizzji politiċi u każijet oħra li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem. Fil-laqgħat saru ħafna mistoqsijiet li jikkonċerna x-xogħol teatrali tagħhom kif ukoll ingħataw ħafna informazzjoni f’forma ta’ dokumenti, dvd’s u vidjos.
Ix-xogħol teatrali se jittella’ fit-3 u l-4 ta’ Marzu fl-MITP fil-Belt Valletta.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt