18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Jiskarsaw mediċini tat-tfal mill-ispiżeriji

Julia Farrugia

Spiżeriji f’Malta u f’Għawdex ilhom għal xhur sħaħ mingħajr mediċini ewlenin għall-kura tat-tfal. Minn tagħrif li għandha din il-gazzetta jirriżulta li bħalissa hemm minn ta’ l-inqas disa’ mediċini ta’ din ix-xorta li spiċċaw minn fuq l-ixkafef ta’ l-ispiżeriji.
Speċjalisti tat-tfal ikkonfermaw magħna li s-sitwazzjoni tant hi ħażina li ħafna drabi jispiċċaw iċemplu huma stess fl-ispiżeriji biex jaraw x’mediċini hawn fis-suq. B’hekk ikunu jistgħu joħorġu r-riċetta skond il-prodotti li hemm fl-ispiżeriji.
Tabib ieħor li tkellem ma’ Illum tefa’ dawl fuq problema oħra li nħolqot. F’każ partikolari mis-suq spiċċa wkoll steroid taħt forma ta’ suppożitorju li normalment jingħata lit-tfal biex tkun ikkurata l-ażma. Mediċina alternattiva li qed tingħata hija pillola li l-ġenituri qed jintalbu jfarrkuha u jħalltuha b’tali mod li minnha joħolqu mistura.
“Din is-sistema tista’ tkun perikoluża ħafna għax qed nissugraw li jkun hemm każijiet fejn ġenituri ma jifhmux bil-preċiż kif għandha ssir it-taħlita. B’hekk tista’ ssir aktar ħsara milli ġid,” sostna ħaddiem fil-professjoni medika.
Tobba li ilhom fil-qasam tas-saħħa għal dawn l-aħħar 15-il sena sostnew li qatt ma jiftakru sitwazzjoni bħal din.
Bħalissa f’numru ta’ każijiet l-awtoritajiet permezz tas-servizzi farmaċewtiċi tal-Gvern qed jordnaw uħud mill-mediċini mingħand l-aġenti u dan biex kemm jista’ jkun tittaffa l-problema attwali. L-ordni ssir permezz ta’ ħruġ għall-offerti jew direct orders kif stipulat f’Artiklu 20 ta’ l-Att tal-Mediċini tal-2003.
Sorsi qrib il-Gvern ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li “mhux gost u pjaċir tal-Gvern li jbigħ dawn il-mediċini mill-ispiżeriji tiegħu u li s-sitwazzjoni ideali hi li l-aġenti jġibu l-mediċina skond artiklu 126A ta’ l-Avviż Legali.”
Il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ mediċini bdiet tinħass aktar minn meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea. Minn dakinhar f’pajjiżna daħlu liġijiet ġodda dwar reġistrazzjoni ta’ mediċini.
Mitluba tikkummenta dwar din is-sitwazzjoni Dr Patricia Vella Bonanno, Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità dwar il-Mediċina, ikkonfermat li “konxji minn din il-problema.”
Hija saħqet li “mil-att ta’ saħħa pubblika qed nagħmlu li nistgħu biex il-mediċina tkun fis-suq u b’hekk ikun evitat l-inkonvenjent għall-pazjenti Maltin.”
L-istess kelliema sostniet li l-Awtorità tibqa’ mpenjata biex tiffaċilita kemm tista’ l-proċess ġdid li bih l-aġenti jkunu jridu japplikaw għall-mediċini taħt is-sistemi l-ġodda.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt