18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Liġi li ma tagħmilx sens – Galea

Kurt Sansone

Tista’ tiċċajta kemm trid bil-politiċi matul is-sena iżda meta jasal il-Karnival tkun qed tilgħab man-nar jekk tazzarda tilbes xi maskra ta’ Lawrence Gonzi jew Alfred Sant għax skond liġi antikwata li tmur lura għat-Tletinijet mhux permess li xi ħadd jilbes maskaruni ta’ politiċi, pulizija, qassisin u sorijiet fost oħrajn.
Iżda għall-Membru Parlamentari Mario Galea din il-liġi ma tagħmilx sens. Kien fil-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li Galea tenna n-nuqqas ta’ qbil tiegħu ma’ din il-liġi u sostna li se jieħu inizjattiva biex din titneħħa.
Mistoqsi minn din il-gazzetta dwar dak li beħsiebu jagħmel, Galea qal li hemm diversi toroq li jista’ jaqbad. “Għadni ma nafx jekk nippreżentax Private Members Bill biex din il-liġi tinbidel jew inqajjimx il-każ fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra biex nara hemmx kunsens. Se nagħmel ukoll aġġornament fuq il-każ għax għalija ma tagħmilx sens,” sostna Galea.
“Kuljum nirċievi emails b’ċajt fuqna l-politiċi. Ftit huma dawk li jaqbdu u jitfgħu dawn l-emails fit-trash, anzi ħafna drabi nispiċċaw indawruhom bejnietna. Ma jagħmilx sens li l-politiċi jkunu s-suġġett ta’ ċajt matul is-sena kollha ħlief fil-Karnival,” qal Galea.
Anki jekk il-liġi ftit tiġi infurzata tant li fil-Karnival tan-Nadur ikunu ħafna li jilbsu u jiċċajtaw bil-politiċi u membri tal-kleru, il-kumpaniji tal-karrijiet għadhom joqogħdu ’l bogħod minn satira politika. Forsi wasal iż-żmien li dan il-pajjiż jikber ftit.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt