18 ta' Frar 2007 Id-dehriet tal-Madonna Frodi u ksur tal-Liġi
Julia Farrugia
Fir-raħal ta’ Birżebbuġa teżisti rabja u xettiċiżmu dwar l-allegazzjonijiet li statwa tal-Madonna ‘bkiet’ id-demm u sid l-istatwa qed ikollu wkoll dehriet mill-Madonna.
Il-ġrajja f’dan ir-raħal taf il-bidu tagħha f’Jannar ta’ l-2006.
Iżda investigazzjoni li għamlet din il-gazzetta toħroġ il-korla li hemm f’Birżebbuġa li s’issa qajla dehret fil-paġni tan-Nazzjon u l-Mument, li kienet il-gazzetta li ħarġet bl-istorja.
Mal-50 persuna li tkellmu magħna juru x-xettiċiżmu tagħhom fuq din il-ġrajja u jitkellmu dwar kif għal dawn l-aħħar snin kienu ffrodati minn Anġelik Caruana, sid l-istatwa mdaħħla fil-kwistjoni.
F’analiżi ta’ din l-istorja, Illum titkellem ukoll mal-Kurja li kkonfermat magħna li “Sal-lum ma nħassitx il-ħtieġa li tinħatar Kummissjoni apposta biex tħejji rapport dwar l-istatwa li bkiet.”
Illum tinvestiga wkoll dwar kif is-salib li twaħħal mill-patri Hayden Williams fl-allegat post fejn il-Madonna ‘qed tidher lil Anġelik Caruana’, twaħħal bla permess tas-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali u tal-Mepa. Is-salib twaħħal f’sit ta’ żmien il-Bronż f’Borg in-Nadur. Dan is-sit hu meqjus bħala ta’ interess arkeoloġiku straordinarju. Bħalissa għaddejja investigazzjoni dwar dan il-każ.
Biex titla’ fuq l-għolja ta’ Borg in-Nadur trid tgħaddi minn mogħdija midfuna qalb l-għelieqi diġà jħaddru. Iżda qabel tibda t-telgħa, fuq in-naħa tal-lemin, tilmaħ bħal grotta fejn sa minn snin twal ilu serviet ta’ refuġju għal dawk devoti tal-Madonna ta’ Lourdes.
Wara nofsinhar id-daħla hija miżgħuda bid-devoti. Meta nistaqsi lil dawk preżenti kollha jgħiduli li huma minn Birżebbuġa. Nistaqsi lil żewġ nisa jekk marrux ħdejn is-salib li jinsab minuta biss ’il bogħod. Is-salib twaħħal dan l-aħħar fil-post fejn Anġelik Caruana qal li dehritlu l-Madonna. It-tweġiba tan-nisa kienet fil-pront ‘le’. Inħoss bħal xettiċiżmu fin.
Immorru għal ħdejn is-salib ta’ l-injam tant kbir li jidher sa mill-bajja ta’ San Ġorġ. Iż-żona li għal aktar minn 500 sena ġibded lejha studjużi, fosthom barranin bħal Jean Quintin (1530) u Gian Franġisk Abela (1647) issa hija l-attrazzjoni għal mijiet ta’ persuni. Mill-ħin twil li għamilna fuq il-post tkellimna ma’ familji mill-Imqabba, miż-Żejtun, mill-Marsa, mill-Imsida u minn irħula oħra. Imma l-ebda ruħ minn Birżebbuġa. X’qed jiġri?
Biswit is-salib jispikka s-sur ta’ Żmien il-Bronż li fl-imgħoddi kien jgħasses lil Borg in-Nadur li kif dokumentat kien l-akbar raħal f’Malta f’dik l-era. Nistħajjel li dan is-sur fl-2007 qed jgħasses il-komunità ta’ Birżebbuġa minn saram differenti.
Rapporti komuni
99.9 fil-mija tal-persuni minn Birżebbuġa li tkellimna magħhom sostnew li għandhom weġgħa komuni: isostnu li Angelik Caruana iffrodahom kemm-il darba. Iħarsu lejn l-istorja ta’ l-istatwa li bkiet u d-dehriet f’Borg in-Nadur bħala qlajjiet.
Lura fir-raħal nitkellmu mas-sindku Joseph Farrugia. Jgħid li “dwar id-dehriet kollox jista’ jkun. L-awtoritajiet għandhom jieħdu x-xoqqa f’moxta biex Malta tapprezza dawn in-naħat. Jalla l-Madonna veru qed tidher għax ġid għalina.”
Nistaqsieh fuq jekk semax bil-kummenti ta’ nies li ngidmu finanzjarjament. Jgħidli li hu ma jridx jagħmel ħsara imma jistqarr li hu wieħed minnhom. “Xi 5 snin ilu Angelik Caruana talabni nsellfu Lm60. Qatt ma tahomli lura. Xhur ilu meta bdiet tissemma din l-istorja tal-Madonna ġie għandi u qalli li ma nsinix. Qbadt u ħfirthomlu għax tħassartu.”
Tkellimna wkoll mal-Kappillan Dun Nikola Pace. Mistoqsi jekk il-Kurja avviċinatux il-kappillan wieġeb: “Iva. Il-Kurja avviċinatni u weġibt fuq dak li naf.”
Mistoqsi kif iħares lejn dan il-każ partikolari Dun Nikola Pace jgħid li “sakemm ir-revelazzjonijiet privati ma jmorrux kontra r-rivelazzjoni l-iskrittura, it-tradizzjoni u t-tagħlim tal-Knisja, ma hemm xejn ħażin.”
Ix-xhieda tan-nies:
1. Sid ta’ ħanut “Jien irrabjat ħafna. Ma nista’ qatt nemmen ħaġa bħal din. Lil Angelik qbadtu jisraqni darbtejn mill-ħanut. Dan apparti li tella’ kontijiet u ma ħallashomx. Sa llum jafni Lm30. Minn banda nitħassru imma għidtlu biex ma jersaqx aktar ’l hawn għax ma kontx se nagħtih aktar ikel u xirjiet.”
2. Sid ta’ ħanut “Ma rrid nagħmel ħsara lil ħadd. Ma rridx ngħid li dawn l-affarijiet tad-dehriet mhux minnhom. Imma diffiċli temmen meta ġejjin mingħand min ġejjin. Tellagħli kontijiet li għadu ma ħallashomx. Hawn l-irċevuti. Lm50 żgur.”
3. Impjegat f’ħanut tal-merċa “Għandna ordni stretta mill-imgħallem biex ma nagħtuh l-ebda prodott jekk ma jħallasniex fil-pront.”
4. Mario Grixti, jaħdem f’banka tal-lottu “Din l-istorja tad-dehriet u ta’ l-istatwa tibki ma nemminiex. Il-każini hawn migduma. Kontijiet mhux imħallsa. Jien bla flus ma nagħtihx.”
5. Sid ta’ ħanut “Migdum. Nagħti biss xirjiet jekk tiġi tixtri l-mara tiegħu. Sa qalilna li ried ikel biex jagħmel festin għal madwar 30 persuna b’diżabbilità li jaħdem magħhom. Meta għidtlu li nixtieq nagħmel id-delivery jien ħa nara ma’ min qed nagħmel il-karità baqa’ jinsisti li l-ikel nieħdu d-dar tiegħu. Mur għand il-ħanut ta’ maġenbi. Dak aqwa għax kien itih il-flus għall-karità. Meta darba talbu rċevuta ma reġax tfaċċa darb’oħra quddiemu.”
6. Aktar nies minn B’Bugia “X’ħin nisma l-istorja fl-aħbarijiet neqliblu. Għamel biżżejjed kummiedji f’dan ir-raħal.”
Angelik ma nafdaħx. Filgħodu bil-ġibs ma’ idu, filgħaxija mingħajru. U l-istejjer? Waħda isbaħ mill-oħra.
“Ma nemmnux. Smajt lil tal-ħwienet? Ħija għandu negozju. Mur fil-ħanut ta’ faċċata, migdum.”
7. Mara li taħdem ma’ Angelik Caruana “Darba naf li ġie jiġbor flus għat-tfal tiegħu għax kien qalilna li għandhom il-kanċer. Dejjem b’xi teatrin. Din għalijja paprata bħall-oħrajn.”
8. Anzjana minn Birżebbuġa “Żewġi jbiegħ il-bigilla. Ġieli spiċċa ma tħallasx minn Anġelik. Ma nista’ ngħid xejn hux.”
9. Franċiża tgħix fil-lokalità “Ma nafx jien. Xi storja biex jagħmlu l-flus?”
10. Mario Fava, żgħażugħ “Smajt stejjer ta’ flus ukoll. Alla nqeda b’Sawlu li kien raġel ħażin. Ikkonverta u sar San Pawl. Alla jista’ jinqeda b’kulħadd. Min jaf! Jien għadni ma mortx Borg in-Nadur. Aktar nemmen f’ta’ Dun Ġorġ bħalissa.”
11. Sid ta’ ħanut tax-xagħar
“Kien għamel sena biex iħallas kontijiet pendenti miegħi. Is-sena l-oħra fakkartu kemm il-darba. Jum fost l-oħrajn ġie jgħidli li qed tidhirlu l-Madonna. Jien insistejt li jħallasni xorta għax wara kollox familja bħalu għandi. U l-flus żgur ġew wara April ta’ l-2006. Xi Settembru li għadda ħallasni.”
12. Albert Van. de Wakker “Min ra l-Madonna fortunat, jekk raha. Anke’ jien nixtieq naraha”
Ir-reazzjoni tal-familja Caruana
Quddiem dawn l-akkużi morna nħabbtu lill-familja Caruana. Catherine, mart Angelik, ex-pulizija tispjegalna li ma setgħetx titkellem.
JF: Sinjura xtaqt jekk jogħġbok nitolbok il-verżjoni tiegħek dwar storja li qed insegwu. Inħoss li rrid nimxi b’mod ġust u nitlob il-verżjoni tiegħek u tar-raġel.
CA: Ma nistax nitkellem. Ħu ftit paċenzja u kellem lid-direttur spiritwali tagħna Fr Hayden Williams.
JF: Imma, sinjura, l-affarijiet jikkonċernaw lill-familja tiegħek u mhux ta’ natura spiritwali. Hemm barra n-nies qed tagħmel numru ta’ akkużi, anki tal-ħwienet. Akkużi ta’ flus biex niftiehmu. Għalhekk xtaqt ir-reazzjoni tiegħek u ta’ Angelik.
CA: Għandek raġun u grazzi. Imma aħjar tkellem lil Fr Hayden.
X’qed tgħid il-Kurja
Il-Kurja ta’ l-Arċisqof tikkonferma ma’ Illum li “s’issa ma nħassitx il-ħtieġa li tinħatar Kummissjoni apposta biex tħejji rapport.”
L-istatwa tal-Madonna tinsab għand is-sidien privati tagħha.
L-esperti forensiċi maħtura biex għamlu l-analiżi fuq l-istatwa huma kollha Maltin.
Il-Kurja kkonfermat li d-demm fuq l-istatwa kien demm uman. Madankollu mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar jekk id-demm irriżultax li kien ta’ mara jew ta’ raġel, il-Kurja ma tat l-ebda tweġiba.
Test fundamentali li jsir f’każijiet bħal dawn hu li jsiru testijiet ta’ kompatibbilità mad-demm tal-membri kollha tal-familja. Din il-mistoqsija ma tweġbitx għax skond il-Kurja “ċertu tagħrif huwa minnu nnifsu ta’ natura kunfidenzjali.”
U d-demm kien ta’ xi ħadd Mediterranju jew b’genes li jindikaw li huwa ta’ xi ħadd mil-Lvant Nofsani? Dwar dan il-Kurja f’dan l-istadju mhux qed tagħti tagħrif.
Il-patrimonju f’Borg in-Nadur
Nathaniel Cutajar, Aġent Supretendent tas-Sovritendenza tal-Partrimonju Kulturali, jiddeskrivi ż-żona ta’ Borg in-Nadur bħala waħda ta’ nteress arkeoloġiku straordinarju.
Huwa jikkonferma li apparti t-twaqqif ta’ salib, ‘sar xogħol ta’ spustjar ta’ ġebel u materjal ieħor apparentament biex ikun faċilitat il-passagg għan-nies li jridu jżuru l-post. Dawn ix-xogħlijiet jistgħu jkunu ta’ dannu għas-sit.” Cutajar ikkonferma wkoll li min għamel dan ix-xogħol “kellu bżonn il-permess tas-Sovrintendenza u tal-Mepa u dan peress li sar intervent li biddel id-dehra tal-pajsaġġ.”
Bħalissa qed issir investigazzjoni dwar dan il-każ minħabba li x-xogħol sar b’mod illegali.
Fr Hayden Williams
Wara ħames minuti li tlaqna minn ħdejn Catherine ifeġġ Fr Hayden Williams…
Julia Farrugia: Xtaqt noħodlok kumment dwar il-familja Caruana. Int konxju li hemm barra hemm għexieren ta’ nies frodati? In-nies mhux qed temmen din l-istorja tad-dehriet u ta’ l-istatwa għax ingidmu kemm-il darba b’xi storja jew oħra. Taf bihom dawn il-każi ta’ kontijiet li ma tħallsux?
Fr Hayden: Jien mhux kompitu tiegħi li ninvestiga.
JF: Imma fid-dmir li tara l-istampa kollha u tieħu kollox in-konsiderazzjoni, le?
Fr Hayden: Jien mhux xogħli ninvestiga. Jien qed ngħin lil din il-familja timxi f’din l-esperjenza li qed tgħaddi minnha.
JF: Imma hemm ħafna akkużi ta’ frodi. Lanqas dan ma rajt? Ħa ngħidlek, Fr Hayden, għandi permess biex insemmi ismu. Is-Sindku ta’ Birżebbuġa ltqajt miegħu, le?
Fr Hayden: Naħseb lanqas naf min hu.
JF: Naħseb li taf min hu. Kont kellimtu u staqsejtu xi affarijiet. Is-Sindku sa semmielek li sellef Lm60 lil Angelik u l-flus ma ġewx lura. Dakinhar int kont għidtlu li ‘naf, iva, għax Angelik stess qalli.’
Fr Hayden: Iva. Jien Angelik infurmani. Imma jien nistaqsi: ġraw każijiet oħra wara t-23 ta’April, 2006? Jekk iva, allura hemm ninkwieta għax minn hemm dħalt fil-każ jien. Jekk taf b’xi każi bħal dawn għaddihomli.
JF: Qed tagħmel appell?
Fr Hayden: Iva. Imma mhux aħjar noqogħdu attenti minn stejjer bħal dawn? Għax aktar jagħmlu ħsara milli ġid?
JF: Bagħtu għalik is-Superjuri tiegħek allura?
Fr Hayden: Jien dejjem inżommhom infurmati u ma kienx hemm il-ħtieġa għax qbadt u għidtilhom jien.
JF: Angelik Caruana qed jgħid li qed joħorġulu marki f’partijiet ta’ ġismu.
Saret analiżi biex ikun stabbilit għamilhomx hu stess jew xi ħadd madwaru?
Fr Hayden: Kif għidtlek, irridu nagħmlu distinzjoni bejn xogħli ta’ mixja spirtwali u ta’ xi ħadd li jinvestiga.
L-ewwel testijiet mediċi ma jurux li hemm problemi ta’ saħħa mentali.
JF: Bla ma nitfa’ dell ikrah fuq fuq ħadd. Imma naħseb konxju dwar is- sintomi ta’ compulsive lying? Saru dawn it-testijiet? Ix-xjenza turi li ħafna każijiet ta’ nies bis-sintomu tal-gideb jaslu anke biex joħolqu stejjer.
Fr Hayden:Imma taf x’inhu l-prezz ta’ gidba bħal din? Din l-istorja se jibqgħu jġorruha magħhom tul ħajjithom kollha.
JF: U dwar is-salib li waħħalt f’Borg in-Nadur. Dan twaħħal b’mod illegali fuq sit arkeoloġiku ta’ mportanza kbira. Naf li għaddejja investigazzjoni.
Fr Hayden: Aħna mxejna fuq il-pariri ta’ żewġ periti ta’ l-affari tagħhom.
JF: U l-ħsara li tista’ ssir f’dan il-post? X’se jsir?
Fr Hayden: Se nwaħħlu speċi ta’ wiring biex in-nies ma titlax aktar ħdejn is-salib.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt