18 ta' Frar 2007
Xewqat sbieħ u awguri f’għeluq it-33 sena
Mark Attard
Taħsbux li kont naf li l-Erbgħa għandu l-birthday. Kienet xi ħaġa li ġrat b’kumbinazzjoni. Id-destin nemmen fih ħafna. Imma bla dubju kien jistħoqqlu dan kollu.
Forsi ismu hu sinonimu l-aktar mal-logħba tal-futbol. Tul il-karriera tiegħu lagħab kważi dejjem mat-tim tal-belt kapitali ta’ pajjiżna u mat-tim Nazzjonali Malti.
Meta wieħed jisma b’Gilbert Agius ma tantx idum jaħseb wisq biex jinduna min hu. Preżentament hu l-captain ta’ Valletta FC u tat-tim Nazzjonali Malti. Iltqajt miegħu t-Tlieta li għadda. Appuntament għal 5pm. F’diskursata qasira bil-messaġġi fuq il-mobile, jgħidli li ma jistax jiltaqa’ miegħi aktar tard għax fis-6pm jibda t-training mal-Belt. Noffrilu biex inċempel lill-kowċ Paul Zammit u ngħidlu biex jiskużah jekk ikollu jittardja ftit minuti.
“Aħjar le għax ma niħux pjaċir li nibda aktar tard minn sħabi.” Hekk kien jaqra l-aħħar sms li bagħatli.
Jitfaċċa ftit minuti wara li kont wasalt jien. Li hu plejer kbir kulħadd jaf, imma ftit bassru li jaf jippoża mhux ħażin għar-ritratti tal-fotografu. Erba’ ritratti mill-aqwa biex inżommuhom mal-kollezzjoni kbira li għandha l-kumpanija MediaToday. Barra kien riħ fin u kiesaħ mhux ħażin. Ma kinietx idea ħażina li għamilna ftit aktar minn nofs siegħa nitkellmu fuq mejda taħt saqaf.
Ninnota li hu bniedem mistħi li minħabba f’hekk, huma ħafna dawk li jaħsbuh stramb. Mhux il-każ.
“Jista’ jkun li jaħsbuni hekk imma bniedem trid tkun tafu u tagħmilha miegħu biex tkun tista’ tiġġudikah. Hawn ħafna nies li jaqbdu u jiġġudikaw persuna mingħajr ma jkunu jafuha. Jien bniedem normali u kalm ħafna. Dak kollox. Min jafni sew jaf x’karattru għandi.”
Gilbert hu bla dubju wieħed mill-aktar persuni rispettati fil-pajjiż. Kienu t-toroq tal-Belt li tellgħuh bin-namra lejn il-ballun. Hu iben Charles, eks plejer ta’ l-istess tim li jilgħab miegħu.
“Li jkollok missierek jilgħab hu dejjem ta’ vantaġġ kbir. Id-demm jiġbed.
“Missieri kien joħodni l-Marsa kull nhar ta’ Sibt filgħodu. Dejjem tani pariri tajbin imma nemmen li l-ħajra trid tkun ġo fik. Missieri qatt ma mbuttani ż-żejjed jew indaħħali fid-deċiżjonijiet li ħadt f’ħajti. Għalkemm ma niftakrux jilgħab, naf li kellu rwol differenti minni imma ma nistax ngħid min kien l-aħjar. Nemmen li kien plejer tajjeb għax għamel karriera twila jilgħab mal-Belt u rebaħ it-tazzi kollha possibbli. Naħseb aktar jistgħu jiġġudikaw dawk li jiftakruna t-tnejn.”
“It-tfulija niftakarha ħafna. Qattajt ħafna minnha nilgħab il-futbol ma’ sħabi l-Barrakka. Kien żmien sabiħ u m’għandi xejn xi ngerger minnu. Il-ġenituri għenuni ħafna. Għandi memorji sbieħ ħafna. Jien kont immur iċ-ċentru sportiv tal-Gvern fil-Marsa ma’ mijiet ta’ tfal oħra. Missieri kien wieħed mill-coaches u darba iddeċieda li jgħaqqad tim bit-tfal tal-Belt. Niftakar li lagħba żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra De La Salle Liverpool u AS Roma. Edgar Tonna kien ħajjarni biex ningħaqad ma’ Luxol biex imbagħad wara mort mal-Belt.”
Minn età żgħira Gilbert qatt ma ħares lura. Baqa’ jilgħab bil-flokk abjad u beħsiebu jibqa’ jagħmel dan għall-kumplament tal-karriera. Valletta FC jfissru ħafna għalih.
“Valletta hu l-club li miegħu bdejt nilgħab fil-Premier. Trabbejt hemmhekk u bħal kull bniedem li jqatta’ ħajtu jaħdem f’post wieħed, mingħajr ma jrid il-post isir parti minnu u jorbtu ma’ qalbu.”
Insaqsih x’jaħseb fuq il-fatt li preżentament hu wieħed mill-aktar personalitajiet popolari li ħarġu mill-Belt Valletta.
“Ma naqbilx miegħek. Bħalissa għandna nies bħall-Arċisqof Paul Cremona, l-Prim Ministru Lawrence Gonzi, vjolinist bħal Pusè u Tony Drago li hu wieħed mill-aqwa sportivi li qatt rat Malta kollha ħarġu mill-Belt. Inħossni onorat li nilgħab ma’ l-aqwa club f’Malta imma ma naħsibx li jien popolari daqs dawn in-nies.”
Gilbert Agius twieled fil-21 ta’ Frar 1974. Nhar l-Erbgħa li ġej jagħlaq 33 sena. Miżżewweġ lil Ruth u ilu missier ta’ Brooke 4 snin. Minbarra Gilbert, Charles u Carmen għandhom żewġt itfal oħra, Carlos u Melvina.
Hu wieħed mill-aqwa plejers tal-kampjonat Malti f’dawn l-aħħar snin. Bħal kull plejer ieħor l-offerti u t-tentazzjonijiet mingħand clubs oħra sabhom ukoll tul il-karriera tiegħu.
“Dan mhux xi sigriet. Bħal kull plejer ieħor, offerti minn timijiet oħra kelli wkoll. Kull plejer li jiddeċiedi li jibdel l-ambjent tiegħu jagħmel dan għall-aħjar u la jien qiegħed ma’ l-aħjar club m’għandix għalfejn inbiddel.
“Minbarra hekk dejjem irraġunajt li kif qiegħed naf u kif se nkun ma nafx. Mal-Belt dejjem kont għal qalbi u m’għandix ħaġa waħda fuq xiex ingerger. Nemmen li jekk it-tim preżenti jibqa’ jiffunzjoni kif inhu, fil-futur qrib se nerġgħu nibdew nirbħu l-unuri. Aħna minn dejjem konna club ambizzjuż.”
Gilbert lagħab taħt żewġ eri differenti ma’ Valletta. Dik ta’ Joe Caruana Curran u dik preżenti. Kif jara ż-żewġ kumitati?
“Fiż-żmien is-Sur Joe kont għadni żgħir fost ħafna veterani. Kien żmien glorjuż u nħoss li s-Sur Joe kien bena tim kbir u ta’ klassi biżżejjed biex kull sena jirbaħ xi ħaġa. Meta l-plejers bdew jispiċċaw u oħrajn marru ma’ timijiet oħra, naqqasna xi ftit mis-saħħa. Però kemm taħt is-Sur Joe u anke taħt is-Sur Camilleri dejjem konna kuntenti. Is-Sur Camilleri għandu t-tajjeb tiegħu u finanzjarjament għen ħafna lill-club u grazzi għalih li llum erġajna qed nieħdu r-ruħ.”
Paul Zammit hu kowċ li jħobb jintroduċi ħafna żgħażagħ. F’dawn l-aħħar xhur, rajna diversi ismijiet ġodda li ġew introdotti minnu. Insaqsih x’jaħseb fuq dan u jekk jarax lil xi ħadd minnhom bħala l-Gilbert Agius il-ġdid.
“Ma nħobbx insemmi plejers b’isimhom imma ċert li hemm materjal biżżejjed li jista’ jmexxi t-tim fil-futur. Inħobb inħalli ż-żgħażagħ jaħdmu għall-ġid tat-tim. Imma nassigurak li Valletta FC għandhom pedamenti sodi għall-futur.”
Il-captain ta’ Valletta hu wieħed mill-ftit plejers li kellu esperjenza barra minn Malta. Niftakar li kien mar prova ma’ Blackpool, fl-Ingilterra imma l-akbar ċans ġieh fl-Italja ma’ Pisa.
“Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Inħoss li ma ħadtx l-aħjar tagħha. Kien hemm ħafna ċirkostanzi l-għala ma bqajtx. Dejjem titgħallem mill-esperjenza. Kont sfortunat li f’dak il-perjodu kelli injury ta’ xahrejn u nbidel il-kowċ u kont iddeċidejt li nerġa’ niġi lura Malta.
“Kont jien li ddeċidejt nerġa’ niffirma mal-Belt. Illum wasalt lejn l-aħħar tal-karriera imma jekk ikollu jerġa’ jiġini ċans nilgħab barra minn Malta lest li nieħdu.”
Imma x’ifisser għall-plejer li tkun il-captain ta’ tim Nazzjonali ta’ pajjiżek? It-tnejn nidħku meta jgħidli li ħaġa bħal din kważi dejjem tindika li tkun l-ixjeħ wieħed.
“Hu diġà unur li tilbes il-flokk ta’ Malta aħseb u ara li tkun captain u l-aktar wieħed li rrapreżentajt lil pajjiżek. Bla dubju hi responsabbiltà anke għax is-saħħa tagħna ma tistax tqabbilha ma’ pajjiżi kbar. Aħna dejjem tajna l-mija fil-mija tagħna. F’dawk li huma riżultati u wirjiet ġieli rnexxielna u ġieli le. F’dawn l-aħħar snin għamilna passi kbar `il quddiem u dan jixduh partiti bħall-aħħar waħda kontra l-Awstrija. Ma kienx l-ewwel goal li skurjajt u nispera li ma jkunx l-aħħar wieħed. Jien dejjem kelli relazzjoni tajba mal-plejers kollha u anke mad-diriġenti ta’ l-MFA.”
Nitlob l-opinjoni ta’ Gilbert dwar liema jaħseb li kienet l-isbaħ esperjenza li kellu s’issa fil-karriera, liema hu l-isbaħ goal li skorja s’issa u l-aktar mument ikrah li qatt għadda minnu. Id-diplomazija rrenjat….
“L-isbaħ esperjenza hi dawn l-aħħar 17-il sena li ili nilgħab il-futbol għax il-karriera nħobb naraha kollha kemm hi f’daqqa u nħoss li għandi niftakar f’kull mument li għaddejt minnu.
“Jekk tgħidli liema hu l-isbaħ goal li għamilt diffiċli ħafna biex ngħidlek wieħed fost il-ħafna li skurjajt. Bla dubju ma ninsa qatt dawk kollha li bihom tajt rebħa lit-tim tiegħi. Naturalment hemm goals li nippreferihom aktar mill-oħrajn imma jien ma nħarisx lejn l-isbaħ goal imma lejn l-aktar importanti. Minnhom kelli ħafna.
“L-ikreh mument hu kull darba li kelli injury għax li jħoss plejer meta ma jkunx jista’ jitħarreġ ma’ sħabu hi xi ħaġa verament tad-dwejjaq. Però jekk tgħidli logħba li tlifniha u għadni diżappuntat ħafna hi dik kontra Skonto Riga. Li rbaħnieha konna niġu mal-Barcelona u kienet tbiddel ħafna mid-destin tal-club. Li tilgħab fin-Nou Camp mhix ċajta.”
Ħafna huma dawk il-plejers li hekk kif itemmu l-karriera jibdew il-karriera ta’ coach. Kont ċert minn dan fuq Gilbert. Bir-risposta tiegħu, ħasadni…
“Jien bħalissa għandi l-liċenzja tal-EUFA ‘B’ u bħalissa qed immur darbtejn fil-ġimgħa nikkowċja fin-nursery tal-Belt. Imma s’hemm ħa nasal. Nixtieq li b’xi mod nibqa’ fil-coaching imma mhux direttament. Le, ma nixtieqx insir kowċ.”
L-istess plejer jagħtini l-opinjoni tiegħu fuq il-ġurnalisti sportivi Maltin.
“Ma tistax tiġġenera. Nara li pajjiżna għandu ġurnalisti tajbin, oħrajn inqas tajbin u oħrajn li sfortunatament ma jogħġbunix. Il-kritika fuqi ma ddejjaqnix u min jaħseb hekk sinjal li ma jafniex. L-aktar ħaġa li ddejjaqni hi meta ġurnalist jirrapporta affarijiet li jisma’ fit-triq jew f’xi bar u ma jikkonfermahomx mingħand il-persuni diretti. Naħseb li hi l-aktar ħaġa assurda li tista’ ssib f’ġurnalist. Dan ma japplikax għall-ġurnalisti Maltin biss iżda għal dawk tad-dinja kollha.
“Ħaġa oħra li ddejjaqni hi meta ġurnalist jirrapporta logħba futbol għall-gazzetta u jikteb ismijiet bi żball fl-artiklu. Din is-sena ġrat waħda gravi diġà fil-każ ta’ Mark Scerri ta’ Sliema Wanderers. Skorja l-ewwel goal tal-karriera tiegħu u ma kienx ġust li l-għada, mar jiftaħ il-gazzetti u jsib isem ħaddieħor. Xi ħaġa li tweġġa’ plejer. U nemmen li l-ġurnaliżmu miktub hu l-aktar importanti għax jekk 20 sena oħra tmur il-bibljoteka u tiċċekkja min skorja, l-isem jibqa’ ħażin.
“Xi ħaġa simili ssir ukoll fuq it-televiżjoni waqt il-kummentarji meta ġurnalist ma jagħrafx il-plejers u jibda jfajjar l-ismijiet bl-addoċċ.”
Minn diversi partiti li lagħab Gilbert rajt kurjuż il-fatt li nitolbu l-opinjoni dwar liema jaħseb li hu l-akbar plejer li qatt kien preżenti miegħu fil-ground. Indunajt li kienet mistoqsija diffiċli. Jaħsibha ftit, jixrob il-kafè u jweġibni…
“Hawn Malta l-aktar difensur u attakkant li impressjonawni nzertaw ma’ Valletta. Bħal Branko Nisevic u Sebastian Monesterolo qatt ma rajt.”
“Mix-xena internazzjonali kien hemm ħafna plejers li lgħabt kontriehom. Jien għandi ammirazzjoni kbira lejn Zinedine Zidane u allura fl-opinjoni tiegħi kien hu l-aktar plejer plejer ta’ klassi li qatt iffaċċjajt f’logħba futbol. Kien irnexxili nibdel il-flokk miegħu u qiegħed għal qalbi ħafna.
“Plejer ieħor li mpressjonani ħafna meta lgħabt kontrieh kien Dejan Savicevic. Ma ninsih qatt. Imma l-ikbar xewqa dejjem kienet li xi darba nkun fil-ground ma’ Diego Maradona għax hu l-idolu tiegħi. Ma rnexxilix.”
Gilbert hu wieħed mill-aktar plejers ta’ esperjenza li għandna lokalment. Imma fil-futbol Malti, il-korruzzjoni vera teżisti daqs kemm jgħidu?
“Hu l-aktar suġġett li jħobbu jsemmu l-ġurnalisti u n-nies tat-triq. Imma fil-verità, wieħed jista’ jgħid biss li l-korruzzjoni teżisti fejn tinqabad u tiġi ppruvata. Jien nemmen li fi kwalunkwe ħaġa fid-dinja, fejn jidħlu l-flus, hemm il-korruzzjoni. Imma kemm tkun kbira jistgħu jiġġudikawh biss l-awtoritajiet konċernati.”
Il-ħin għadda ġmielu. Inħares lejn is-sema u ninduna li kien dalam. L-arloġġ urini li l-5.30pm kienu qabżu sew. Fis-6pm kellu t-training u minnufih niftakar li kien qalli li ma jħobbx jibda tard. Nitolbu jgħaddi messaġġ lill-partitarji Beltin.
“Lill-partitarji ta’ Valletta għandi ħafna għal xiex nirringrazzjahom għax kemm fil-bnazzi u kemm fil-maltemp dejjem sibnihom warajna. Naħseb li bis-saħħa tagħħom qed ikollna dawn il-prestazzjonijiet tajbin. Nemmen bis-sħiħ dak li jgħidu ħafna, li huma t-12-il plejer tagħna.”
“Nixtieq nirringrazzja lil Alla għax li kieku ma kienx għalija hu, żgur li m’għamiltx dak li għamilt s’issa. Lil Valletta FC u lis-Supporters Club għax bħala Belti nemmen bis-sħiħ li huma l-veru 12-il plejer tagħna. Lill-coaches kollha li dejjem tgħallimt xi ħaġa mingħandhom u lill-plejers kollha li lgħabt magħhom tul il-karriera għax dejjem emmnu fija.
“Nirringrazzja wkoll lil ommi u lil missieri li tawni trobbija tajba u lil marti li dejjem sibtha warajja. Fil-karriera, il-familja kienet fattur importanti ħafna. Marti ma tantx jinteressaha l-futbol u allura d-deċiżjonijiet dejjem ħadthom waħdi.”
Li Gilbert għandu mħabba kbira għall-familja jifhimha kulħadd. Dejjem innutajt li kulmeta jiskorja l-ewwel emozzjonijiet tiegħu jesprimihom f’bewsa liċ-ċurkett taż-żwieġ. Tegħlibni l-kurżità nsaqsih għala…
“Ili nagħmilha minn meta żżewwiġt. Hu mod kif indirettament inkun qed inbus lill-mara u lit-tifla. Dak il-ħin niftakar fihom. Għalija ċ-ċurkett jirrappreżenta lilhom.
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt