18 ta' Frar 2007 Skript qasir imma minjiera ta’ kreattività - Charles Sammut
Franica Pulis
Minn Fr Bert f’Għada Jisbaħ Ukoll għal L-Għalliema, xogħol serju ħafna. Għax din l-għażla? Hemm differenza kbira bejn il-parti li kont nagħmel fuq it-televiżjoni għal din il-biċċa xogħol. Biss biss hemm kont attur, allura l-ikbar problema tiegħi kienet l-interpretazzjoni tal-karattru.
Din id-darba qed nidderieġi li jinvolvi ħafna iżjed ħsieb għax int mhux biss il-parti tiegħek trid tagħti kas imma l-produzzjoni kollha. Xenarju, dwal, kostumi, atturi u l-interpretazzjoni tagħhom u mhux dejjem f’dik l-ordni għax kollox għandu l-importanza tiegħu.
It-televiżjoni jogħġobni. Biss iħallini ftit kiesaħ u mbiegħed minn udjenza.
Jiġifieri tippreferi l-palk mit-televixin? Togħġobni l-intensità tal-palk u naħseb li għalkemm nagħmel televiżjoni jekk ikolli l-opportunità, il-palk dejjem se jerġa’ jiġbidni lura għalih. Issa ili nieħu sehem bħala attur fi produzzjonijiet teatrali. Iżda kont wasalt f’punt fejn it-teatru beda jsir sempliċiment għall-ispettaklu u l-aljenazzjoni li jġib it-teatru kummerċjali beda jgħajjini.
Kelli bżonn nieqaf bħala attur u niskopri ftit fejn sejjer. Għalhekk indunajt li xtaqt nagħmel teatru b’messaġġ aktar soċjali li min jiġi jarah mhux biss se jieħu gost bl-estetika tiegħu imma jitlaq mit-teatru bi ħsibijiet iberrnu ġo moħħu.
X’ispirak daqshekk f’xogħol il-Messikan Enrique Buenaventura? L-iskript ta’ L-Għalliema kont rajtu xi ftit ta’ żmien ilu u mill-ewwel indunajt li hemm potenzjal drammatiku qawwi. Il-kittieb jirnexxilu jagħti umanità lill-karattru ta’ l-għalliema. Il-lingwaġġ poetiku u senswali li uża jagħti nifs lill-għalliema fi skript qasir ħafna ta’ xi tliet faċċati. Hu skript qasir imma minjiera ta’ kreattività. Dejjem ridt intellgħu u issa permezz ta’ l-Ixidor li wrew interess anke fl-iskript u l-messaġġ qawwi li fih, wasal ż-żmien li jsir. Fil-fatt ta’ min jgħid li dan l-iskript hu parti minn ħamsa oħra li flimkien jissejħu Ritratti Mill-Inferni u jagħtu viżjoni tal-biżgħa u t-tkexkix ta’ kemm il-poter jista’ jitla’ għal ras il-bniedem.
X’kien qed taħdem ma’ l-Ixidor? Il-grupp kien staqsieni drabi oħra biex naħdem magħhom bħala direttur. Tkellimna diversi drabi u jien urejt xi xtaqt nagħmel. Ma xtaqtx naħdem sempliċement fuq skript imma xtaqt naħdem fuq kollaborazzjoni kollettiva. Fil-fatt l-iskript ta’ Beunaventura kien biss il-bidu. Ħdimna flimkien permezz ta’ workshops - niddiskutu, nesperimentaw, niktbu xeni u nimpproviżaw. Ixidor kienu lesti jaħdmu b’dan il-mod totalment ġdid għalihom. Fil-fatt meta bdejna ħadd minnha ma kien jaf fejn konna se naslu għax żviluppajna x-xogħol flimkien.
Allura x’kien l-irwol tiegħek eżatt? Kont inkun aktar gwida u persuna li tara x-xogħol minn barra milli direttur. Is-soltu jkollok l-iskript fuq xiex taqa’ lura. Din id-darba ma kellniex. Kien hemm mumenti fil-fatt fejn xi atturi kienu ftit inkwetati għax ma kinux imdorrijin jaħdmu hekk u bdew anki kultant iħossuhom mitlufa.
X’kienet l-ikbar sorpriża għalik matul il-proċess? Qatt ma stajt nimmagina li minn skript ta’ tliet faċċati stajna noħolqu dinja ta’ nies daqshekk umani u reali. Xi karattri lanqas biss jeżistu fl-iskript ta’ Beunaventura u oħrajn kienu biss linja fl-iskript u f’daqqa dawn ħadu l-ħajja tagħhom permezz tal-proċess li għaddejna minnu.
Bħala xogħol ta’ direttur għall-pubbliku naħseb li dan hu wieħed mill-ftit ta’ dan it-tip. Kif qed thossok dwaru? Hu għal qalbi ħafna għax fl-aħħar qed naħdem fuq teatru li għandu messaġġ soċjali qawwi. Din kienet ix-xewqa tiegħi. Anke jekk il-proġett ma jitqiesx suċċess mill-kritiċi Maltin, jien inkun sodisfatt jekk jirnexxili nilħaq l-udjenza permezz tal-produzzjoni, l-aktar jekk titqajjem diskussjoni u riflessjoni. Biss ma nistax ngħid li m’għandix ansjetà u biża’, imma dik parti mill-proċess. Jekk ma tħossx dik l-biża’ mela mhemmx interess fil-prodott u żgur li ma nistax ngħid hekk.
Progetti oħra ppjanati għal din is-sena? Fl-Lulju erġajt ġejt mistieden biex nitla’ l-Ġermanja bi proġett li se jintwera f’xi bliet differenti bbażat fuq The Marriage of Figaro ta’ Beaumarchais u l-opra bl-istess isem ta’ Mozart.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt