18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Smart City u l-wegħdiet elettorali

Kien il-Ministru Austin Gatt li sena ilu kien faqqa l-‘bomba’ ta’ Smart City lejliet l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Għamilha fatta li l-proġett kien se jibda s-sena l-oħra u jispiċċa fi żmien tmien snin.
Il-Ministru Gatt żgur ħaseb dakinhar li bit-tħabbir ta’ Smart City kien se jaffettwa r-riżultat ta’ l-elezzjonijiet lokali. Austin Gatt mar żmerċ għax il-votanti wrew li kienu ferm aktar smart milli ħasibhom il-ministru.
Illum il-Ministru qed jerġa’ jilgħab l-istess karta. Anzi żied id-doża ta’ propaganda għax filwaqt li sena ilu kien semma li l-proġett kollu kien se joħloq 5,600 impjieg, issa qed jgħid li l-ammont ta’ mpjiegi jista’ jitla’ sa 7,600 impjieg.
Tiħduhiex bi kbira jekk lejliet l-elezzjoni ġenerali l-figura titla’ sa 15,000 impjieg.
Informazzjoni importanti li ħarġet dan l-aħħar kienet it-tul ta’ żmien li se jieħu l-proġett kollu biex jitlesta. Meta sena ilu ntqal li l-proġett se jieħu tmien snin u issa dawn twalu għal 14-il sena, ifisser li f’sena waħda biss żdiedu sitt snin għat-tlestija tal-proġett, u dan meta l-proġett għadu lanqas biss beda. Bilfors wieħed jistaqsi: mela kemm għad nistgħu nisimgħu b’dewmien f’dawn l-14-il sena li ġejjin?
Punt li ħareġ il-Ministru Gatt f’artiklu li kiteb f’gazzetta ta’ kuljum kien li jekk ma jilħqux in-numru ta’ mpjiegi li suppost qegħdin jiggarantixxu, il-kumpanija minn Dubai, Tecom Investments, teħel multa ta’ Lm260,000 fis-sena. Meta wieħed iqis li din il-Kumpanija qiegħda tingħata dik il-firxa enormi ta’ art ħdejn il-baħar bil-permessi għal madwar 400 vilel u appartamenti lussużi, multa ta’ Lm260,000 fis-sena għandhom iġibuha mill-qligħ fuq il- bejgħ ta’ villa jew appartament wieħed biss.
Il-Ministru Gatt u l-kumpanija Tecom Investments m’humiex jgħidu l-verità kollha dwar l-impjiegi li se joħloq il-proġett meta jgħidu li se tingħata preferenza lill-ħaddiema Maltin.
Il-Ministru Gatt żgur jaf li la issa daħhluna fl-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ma jistgħux ikunu ppreferuti għall-impjiegi f’pajjiżna. Kull ħaddiem mill-pajjiżi kollha ta’ l-UE għandu l-istess dritt għall-impjiegi li se jinħolqu fi Smart City. U ma neħodhiex bi kbira li ħaddiema barranin mill-pajjiżi fqar fl-UE ikollhom aktar ċans għall-impjieg għax ikunu lesti jaċċettaw salarji aktar baxxi milli normalment ikollhom ħaddiema Maltin fis-setturi ta’ l-impjiegi li se jkun hemm fil-proġett tar-Rikażli.
Imbagħad hemm il-ftaħir ta’ Austin Gatt kif post mitluq u maħmuġ bħal dak taż-żona industrijali tar-Rikażli se jinbidel f’belt ‘Smart’. Filwaqt li hu tajjeb li postijiet żdingati bħal dawn jinbidlu fi proġett li jsebbaħ dawk l-inħawi, l-istess gvern tal-Ministru Gatt jaħti li postijiet sbieħ bħal widien u artijiet ta’ valur ambjentali kbir, kif ukoll belt ‘Smart’ bħalma kienet Tas-Sliema, qegħdin jinqerdu u saru ġungla ta’ bini u blokki għoljin tal-konkos.
X’jiswa li ssebbaħ dak li hu ikrah biex imbagħad ikerrah dak li hu sabiħ?
Bil-ħaqq, il-Gvern Nazzjonalista se jibni ‘Smart City’ oħra f’Wied il-Għajn. Għal min ma jafx se jsemmuha ‘Waste Recycling City’, li għandha tiġbed ħafna turisti lejn dawk l-inħawi u tiġġenera eluf ta’ mpjiegi oħra f’dik iż-żona. Ċert li r-residenti ta’ Wied il-Għajn u l-madwar se jibqgħu jafuhulu.

Eddy Privitera
Mosta

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt