Nagħmel referenza għar-ritratti tal-plejer ta’ St George’s Edgar Degabriele li dehru l-Ħadd li għadda b’riferenza għal inċident li seħħ wara l-partita kontra Hibernians li Bormla rebħu 2-1.
L-ewwelnett bħala partitarju tas-St George’s ngħid li l-aġir ta’ Edgar Degabriele kien wieħed mhux mixtieq għalkemm sar f’saħna ta’ mument wara li l-plejer kien ipprovokat. Edgar, ta’ raġel li hu ammetta li żbalja u talab skuża. Iżda nħoss li l-gazzetta żbaljat aktar meta ġabet xejn inqas minn erba’ ritratti. Dan mhux sew għax jekk ridtu twasslu messaġġ stajtu għamiltu mod ieħor, kif wara kollox għamlu gazzetti oħra. Imma forsi dan sar għax Edgar hu plejer tat-tim Bormliż!
Ma deher ebda ritratt ta’ dak il-plejer tal-Hibs li niżel lura fil-grawnd biex iħebb għar-referee bil-plejers sħabu jżommuh. Għaliex two weights, two measures?
Biex tkompli titfa’ l-meħh fuq il-ferita ġibt ritratt ieħor ta’ Schembri tas-St George’s jipprotesta kontra l-gowl tal-Hibs li ġie wara handsball ta’ Scerri. Nittama biss li dan l-iżball kien wieħed ġenwin u ma sarx b’xi skop biex jiħammeġ l-isem tal-Belt Cospicua jew minħabba xi preġudizzju.
Aħna bħal kulħadd għandna t-tajjeb u l-ħażin tagħna imma ċertament li tank vojt jagħmel aktar ħoss minn tank mimli. Dan li qed jiġri. Għax għalkemm illum Bormla saret ir-refuġju tal-Maltin kollha b’danakollu nsibu aktar tajjeb milli ħażin. Rosario (Louis) Spiteri
Bormla
Qed niktiblek biex nuri d-diżapprovazzjoni tiegħi għal mod xejn dinjituż li kien rappurtat l-inċident li fih kien involut il-plejer ta’ St George’s Edgar Degabriele. Il-mod li bih kien rappurtat l-inċident hu ta’ livell baxx u tal-mistħija.
Min qara l-caption ta’ l-artiklu żgur ma ntweriex il-verità. Edgar Degabriele kien issuttat bil-fliexken ta’ l-ilma u mgħajjar bi kliem baxx u bl-aktar mod viljakk mill-partitarji ta’ Hibs. Żgur li r-reazzjoni, anki jekk mhux ġustifikata ma kinitx għal sempliċiment ‘inkejja’ kif riedet tinsinwa l-gazzetta.
Kien hemm inċidenti oħra ferm aktar gravi waqt il-logħba bħal meta Terrence Scerri ta’ Hibernians ried iħebb għar-referee għal darba, darbtejn, tlieta anki wara li tkeċċa u kien diġà ħareġ mill-ground.
Iżda dawn l-inċidenti lanqas issemmew. Tista’ gazzetta tħalli punti bħal dawn jaħarbulha? Jew forsi għax l-isem St George’s aktar ma tesponih għar-redikolu aktar aħjar? Wara kollox issa drajniha l-istorja fejn l-isem ta’ Bormla, u dak li hu konness magħha, ikun użat mill-ġurnalisti għal skop ta’ sensazzjonaliżmu negattiv. Etienne Spiteri
Bormla
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt