Maż-żgħożija nistħajjel li hemm żewġ xbihat marbutin. Hemm dik ta’ l-inesperjenza u hemm dik ta’ l-enerġija.
X’aktarx it-tnejn huma reali bħalma hu reali li max-xjuħija norbtu żewġ xbihat: il-għejja u l-għerf.
Analiżi taż-żewġ karatteristiċi taż-żewġ etajiet turi li dan każ taż-żewġ uċuħ ta’ l-istess munita. Il-munita taż-żgħożija fiha wiċċ bl-inesperjenza u wiċċ bl-enerġija u dik tax-xjuħija, wiċċ bil-għejja u wiċċ bil-għerf. Aspett wieħed negattiv u ieħor pożittiv bħal kull ħaġa oħra fid-dinja.
Għandi fiduċja kbira li l-għażla tal-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li ġejja turi taħlita interessanti ta’ żgħażagħ u nies akbar fl-età. Din it-taħlita għandha l-potenzjal li tippermetti li l-enerġija taż-żgħożija tkun imżewġa ma’ l-esperjenza ta’ l-età akbar.
Li kieku l-kandidati huma żgħażagħ biss wieħed jibda jinkwieta. Għax ikun hemm ħafna enerġija mingħajr il-kontroll ta’ l-esperjenza. Mill-banda l-oħra, wieħed ukoll jinkwieta li kieku l-kandidati jkunu kbar biss: għax ikun hemm wisq esperjenza u ftit enerġija.
Hu naturali li l-ideal jinsab f’taħlita bilanċjata bejn it-tnejn. Fil-fehma tiegħi din hi l-isfida li għandu quddiemu l-elettorat fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ Marzu 2007. Irid jagħraf kif se joħloq tim tajjeb b’taħlita tajba bejn l-enerġija u l-esperjenza.
L-eletturi mhux se jkollhom għażla ħafifa. Għax nemmen li l-kandidati huma kollha tajbin. Il-proċess ta’ għarbiel jirrikjedi attenzjoni. Xorta nemmen li fl-aħħar mill-aħħar il-vuċi tal-poplu hi sovrana u dak li jagħżel il-poplu ħafna drabi jkun dak li jixraqlu l-poplu.
Minkejja li l-Kunsilli ilhom imwaqqfin kważi 14-il sena xorta waħda fadal xi jsir għax il-bżonnijiet tal-lokalitajiet huma dejjiema u qatt ma tista’ tgħid li lestejt. Qishom il-faċendi tad-dar! Tlesti kollox u ssib li trid terġa’ tibda għax l-ambjent hu ħaj u jeħtieġ ħidma kontinwa. Għalhekk jien tal-fehma li l-esperjenza tgħin biex ma jiġux ripetuti żbalji ta’ l-imgħoddi filwaqt li l-enerġija tgħin biex jitwettqu pjanijiet ġodda.
J’Alla lkoll inkunu verament ta’ servizz għall-oħrajn u ngħinu għat-tkattir tal-ġid fil-komunitajiet tagħna.
Nicola Fenech Adami
Mosta
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt