Il-Moviment Kaċċaturi Nassaba Ambjentalisti (MKNA) qed isegwi mill-qrib il-passi tal-Ministru għall-Ambjent fil-konfront ta’ dawk li għandhom interess id-delizzju tal-kaċċa u l-insib.
Issa qed jingħad li jrid jistieden lir-rappreżentanti tal-kaċċaturi u n-nassaba biex jattendu għal-laqgħa tal-Kumitat Ornis li se ssir fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar u li fiha jkun diskuss l-istaġun tar-rebbiegħa.
Għalkemm il-MKNA mhux permess li jiltaqa’ f’dan il-Kumitat Ornis minħabba restrizzjonijiet imposti fuqu mill-istess Ministru għall-Ambjent, xorta waħda mhux se jagħlaq ħalqu milli jikkritika l-operat fallut ta’ dan il-Ministeru, flimkien ukoll ma’ dak tal-Kumitat Ornis li hu magħmul minn nies li ma jifhmux fil-kaċċa u l-insib.
U għaliex il-Ministeru għall-Ambjent irid li din il-laqgħa tal-Kumitat Ornis issir lejliet l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u lejliet il-ftuħ ta’ l-istaġun tar-rebbiegħa?
Forsi l-Ministeru għall-Ambjent jaf li hemm min hu lest li jibla’ l-lixka tiegħu għax dan ix-xiħadd m’għandux il-gazz li jobżoqlu mis-sunnarra?
Fil-mument l-aġenda tal-kaċċaturi u n-nassaba tmur ’il bogħod mill-istrateġija tal-Ministeru għall Ambjent li hi ntiża biss għall-elezzjonijiet ta’ l-10 ta’ Marzu u dik li ġejja wara.
Fuq liema bażi l-Ministeru għall-Ambjent qed jistenna li l-kaċċaturi u n-nassaba se jressqu l-argumenti tagħhom għall-attenzjoni tal-Kumitat Ornis?
Dak li jridu l-kaċcaturi u n-nassaba hu magħruf minn kulħadd u fil-loġika tiegħu hu prattiku u sostenibbli.
Huwa l-Kumitat Ornis li għandu jressaq l-argumenti tiegħu għall-attenzjoni tal-kaċcaturi u n-nassaba u jgħid fuq liema raġunijiet bażiċi u ekwivalenti għall-pajjiżna jaħseb għaliex m’għandux ikun miftuħ l-istaġun tar-rebbiegħa.
Il-MKNA diġà jaf fejn hi ras il-Ministeru għall-Ambjent fil-konfront ta’ l-istaġun tar-rebbiegħa u jistenna li issa ma jiġi ħadd jgħid li se jkollna staġun tar-rebbiegħa fuq l-insistenza tiegħu.
Il-MKNA jistenna li kull ftehim li jsir għandu jkun wieħed għall-futur u jwassal fit-tul. Kull ftehim ieħor ikun biss kompromess temporanju jkun irrelevanti u għalhekk għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu biss min jagħmlu.
Edward Decelis
Seġretarju Ġenerali MKNA, Mosta
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt