18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
Fl-iSpecial Forces tal-Partit Laburista

Karl Stagno-Navarra jintervista lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana

“Mir-riserva erġajt qed nirrapporta għall-active duty! Jien fl-SAS, l-ispecial forces tal-Partit Laburista u qed nirrispondi għas-sejħa li reġgħet qed issirli mill-partit.”
Aktar militanti minn hekk ma tistax tkun u t-Tabib Paul Chetcuti Caruana m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni fejn jidħol il-militantiżmu politiku.
Għandu 58 sena, eks Membru Parlamentari fuq il-bankijiet tal-Gvern tal-Perit Dom Mintoff bejn l-1976 u l-1981, Paul Chetcuti Caruana qed jitqies bħala pedina importanti fil-lista ta’ kandidati li qed jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fil-Mosta f’isem il-Partit Laburista.
L-istorja ta’ Paul Chetcuti Caruana għandha sfond ikkulurit ħafna u mżewqa bi ġrajjiet movimentati, bl-aktar waħda li tibqa’ mfakkra tkun il-bomba li ma ħaditx u li kien irċieva bil-posta fl-istess jum u ħin li pakkett simili kien impustat lit-Tabib Edwin Grech u li kienet qatlet lil bintu Karin fit-28 ta’ Diċembru 1978.
Paul Chetcuti Caruana jsostni li kważi 30 sena wara dak il-jum traġiku għadu jġorr dak li fisser bħala “l-istigma tax-xnigħat kattivi tan-nies li xerrduha li għax ma ħaditx il-bomba li ġiet għandi, allura kont jien li għamilt il-bomba li qatlet lil Karin Grech.” Skond Chetcuti Caruana, l-mottiv wara l-attakk bil-bombi dakinhar kien l-istrajk tat-tobba.
“Jien kont it-tabib li bħala wieħed mill-ispecial forces tal-Partit Laburista dħalt l-Isptar San Luqa u sfidajt id-direttiva ta’ strajk mit-tobba. Organizzajt is-servizz tas-Saħħa u kont id-dimonju li ħadd ma seta’ jsib tarf tiegħi daqs kemm kont bulldozer u ħaddimt is-servizz tas-saħħa f’mumenti tant kruċjali.”
“Kien żmien ta’ riformi u viżjoni kbira minn Mintoff u ma ħmiltx il-ħsara kbira u t-tfixkil organizzati mill-Partit Nazzjonalista li kellu għajnuna kbira minn barra l-pajjiż,” sostna Chetcuti Caruana.
Leħen it-tabib jogħla meta jinsisti li l-istorja kienet inġusta mal-Partit Laburista li fl-opinjoni tiegħu kien il-“vittma ta’ tant vjolenza u moħqrija.”
Kien dan il-militantiżmu, jgħid Paul Chetcuti Caruana, li wassal biex “id moħbija, kattiva u f’pożizzjoni għolja ħafna, tibgħatli pakkett b’bomba fl-istess ħin u jum li ntbagħat pakkett bl-isplussiv li qatlet lil Karin Grech.”
“Riedu joqtlu lil Mintoff u kieku ġara hekk f’Malta kien jinqala’ l-inkwiet u konna nispiċċaw bit-truppi tan-Nazzjonijiet Uniti biex iferrqu lill-Maltin milli jitqatlu bejniethom. Imma flok għal Mintoff daru għal ħuta ż-żgħira!”
“Kif qal l-Arċisqof Gonzi dakinhar tal-funeral ta’ Karin Grech, dan kien l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż,” qal Chetcuti Caruana li żied jgħid kif hu “ovvju li l-bomba bagħtuha n-Nazzjonalisti għax il-Laburisti mhux se jibagħtu bomba lil wieħed ta’ l-ispecial forces tagħhom stess.”
F’ħin minnhom, Chetcuti Caruana jirrakkonta li darba Mintoff kien bagħat għall-Grupp Parlamentari tiegħu f’Kastilja biex jgħidilhom li mill-Ġimgħa sal-Ħadd, kulħadd kellu jibqa’ d-dar u ma jiċċaqlaqx għax ma setax jiggartantixxi s-sigurtà tagħna.
“Kien qalilna li s-servizz sigriet Ingliż kien avżah li f’Malta kellha tasal assassination squad u l-Pulizija ma kenitx imħarrġa biżżejjed biex tipproteġina kollha. Kien qalilna li kien lest jagħtina revolvers kull wieħed għall-protezzjoni tagħna. Kien żmien ta’ terrur kbir u n-Nazzjonalisti jaħsbuhom anġli.”
B’ton paternalistiku jinsisti li ntih tweġiba u raġuni għax nies bħal Peppi Azzopardi jew Lou Bondi ma jagħmlux programmi fuq il-vjolenza li ġarrbu l-Laburisti f’dawk iż-żminijiet kif ukoll dwar il-qtil ta’ Karin Grech.
Filwaqt li sostnejt miegħu li minix fil-professjoni li nagħti risposti iżda li nagħmel il-mistoqsijiet, sparajtlu l-mistoqsija: “Issa li għaddew kważi 30 sena taf min hu wara l-bomba tiegħek u ta’ Karin Grech?”
Chetcuti Caruana wieġeb: “Fid-Depot naħseb jafu min hu u naħseb anki f’Tal-Pietà jafu min hu.” Chetcuti Caruana ma ried jgħid xejn aktar minn hekk.
Filwaqt li jirrakkonta li skond ma qalulu l-esperti l-bomba tiegħu ma ħaditx għax kien hemm xi molol imsaddin, it-tabib jistqarr li hu kien se jkun “vittma ta’ frame-up mill-Pulizija” fuq dan il-każ, u saħansitra akkuża lill-esperti ta’ Scotland Yard li għenu fl-investigazzjonijiet li kienu “kważi viċin li jkomplu bil-frame-up.”
Filwaqt li jgħid li baqa’ ħabib ma’ Edwin Grech minkejja l-għajdut persistenti li kien hu li għamel il-bomba li qatlet lil Karin, jirrakkonta kif xi xhur wara l-qtil kien irċieva telefonata mingħand Edwin Grech f’xi s-1.30am li talbu jmur id-dar għandu għax il-mara xtaqet tkellmu.
“Niftakar li kif dħalt sibt lil Pearl Grech tistenna u kif ratni ppuntat subgħajha lejja u għajtet ‘int li qed jgħidu li qtilt lil binti?’. Irrabjajt u nsistejt li nkun naf min kien qed jgħid hekk. Meta qaltli min kienet qbadt lill-kanvasser ewlieni tiegħi biex isuqni għand din il-persuna biex nieħu sodisfazzjon. “Kont ċempilt lill-Kummissarju Cachia ta’ dak iż-żmien u ordnajtlu li jarresta lil din il-persuna fuq malafama.”
Waqt l-intervista Paul Chetcuti Caruana wrieni numru ta’ karti tal-Maltacom li fihom iniżżel il-ħinijiet ta’ telefonati anonimi li jsirulu f’kull ħin tal-ġurnata.
“Ili għaddej hekk għal dawn l-aħħar 30 sena sakemm fl-aħħar qabżitli u ċempilt lill-mara tal-Prim Ministru u kellimtha kif kien xieraq u staqsejtha x’ġustizzja hi din li Manwel Cuschieri jgħidu li kien identifikat wara jumejn fuq telefonati anonimi u min iċempel lili jibqa’ ma jinqabad qatt!” sostna Chetcuti Caruana li ħa l-opportunità li jitlob apoloġija lil Kate Gonzi li fi kliemu, “kienet mara biżżejjed li tieħu azzjoni u tirreferi l-każ immedjatament lill-Pulizija.”
Dejjem nimbotta biex inkun naf x’inhu l-programm politiku tiegħu għal fuq il-Mosta, Paul Chetcuti Caruana jistqarr li Mintoff ma tantx kien iniżżlu minħabba l-fatt li għandu familja li hi mħallta ma’ min kien iqis bħala partitarji akkaniti mal-PN.
Il-kwistjoni tal-bomba kienet biddlet xi ftit il-militantiżmu ta’ Chetcuti Caruana, li jirrakkonta li kien xeba’ bl-attakki u t-telefonati bil-kant tal-vjatku, u qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 kien mar għand Dom Mintoff u qallu li ma kienx aktar interessat li jikkontesta.
Jirrakkonta li wara l-elezzjoni tal-1987, kien tkellem ma’ Eddie Fenech Adami, ma’ Wistin Abela kif ukoll ma’ Guże Abela u ftiehem magħhom li fuq il-kwistjoni ta’ Karin Grech ma jdejqu ħadd u li jħalluh fil-kwiet.
“Bejn l-1981 u l-1992 għażilt li nżomm biered fil-politika bħala riservista fl-ispecial forces tal-MLP, sakemm fl-1992 laħaq mexxej tal-partit Alfred Sant, li nqisu bħala ħabib kbir tiegħi sa mis-snin li konna flimkien l-Università,” spjega.
Filwaqt li jgħid li fl-1991 kien hemm tentattiv li jerġa’ jsir frame-up fuqu meta programm televiżiv kien reġa’ qabad il-każ u kien wassal biex il-Pulizija televa l-marki tal-pala ta’ idejn it-tabib biex tqabbilhom ma’ dawk elevati minn fuq il-karti li kienu mgeżwra l-pakketti splussivi li ntbagħtu fl-1978, Chetcuti Caruana jispjega li kollox kien reġa’ waqa’ fil-muta wara li l-marki ta’ l-id la qablu ma’ tiegħu u lanqas ma’ ta’ Reginald Cini li kien jgħix fl-Awstralja.
Nagħlaq hemmhekk il-kapitlu fuq il-bomba u l-qtil ta’ Karin Grech, u nistaqsih fuq il-politika attwali, fosthom dwar x’jaħseb fuq Alfred Sant.
Chetcuti Caruana jfissru bħala bniedem rett ħafna li ilu jafu sa minn żmien l-Università. It-tnejn li huma kienu attivi f’moviment studentesk Xellugi.
“Kien l-aħjar Prim Ministru ta’ Malta li wera li kien jaf xi jrid biex inaddaf lil Malta,” qal Chetcuti Caruana li żied li kienet ħasra li ma sema’ minn ħadd u qabad u sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
X’ġara ma’ Mintoff allura? Staqsejtu. “Ġara li n-nannu ma ħamilx id-demm il-ġdid fil-familja u ppretenda li jibqa’ jikkmanda hu,” saħaq Chetcuti Caruana filwaqt li żied ukoll li kieku kien hu Prim Ministru fl-1998 “żgur li ma kontx ninżel mill-Gvern. Kont nibqa’ nisfida lill-forzi kollha barranin li kienu qed jindaħlu u jikkonfoffaw mal-PN. Dak il-Gvern ma kellux jaqa’.”
Nistqasi wkoll dwar x’jaħseb li jista’ jkun il-fattur ewlieni li għajr għal 22 xahar, l-MLP ilu issa fl-Oppożizzjoni għal 20 sena.
“Kull poplu jieħu l-Gvern li jixraqlu u l-poplu ma ħaqqux lil Alfred Sant għax hu rett wisq u ma jaċċettax il-logħob. Għadkom ma tafux li fis-Sittinijiet Ministru Nazzjonalista kien għażel lil Alfred Sant biex iservi fis-servizz diplomatiku u nsista ma’ min ma ridux għax kien ta’ tendenzi Xellugin. Kien qal li: Għandi bżonnu jienu għandha bżonnu Malta.”
X’jaħseb Paul Chetcuti Caruana fuq il-Prim Ministru Lawerence Gonzi?
“Jurik id-deheb u jtik il-morra,” wieġeb b’insistenza u sostna li l-akbar falliment ta’ Gonzi huma dak li fisser bħala “il-Pulizija, il-Mepa, l-iskandli, l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni kontra min hu Laburist.”
“Jien jafni kulħadd u jiddiskriminaw miegħi, aħseb u ara ma’ nies komuni,” jgħidli.
Nitolbu jissostanzja u jirrakkonta li “il-Mepa irrifjutat permess għal sular żejjed fuq l-uffiċċju tiegħi u wara tat permess għal erba’ sulari tal-ġar. U tinħareġ enforcement notice tal-Mepa kontra t-tifel tiegħi li waħħal air-conditioner unit fuq barra meta Malta hi mimlija bihom!”
Saru kważi l-11pm u fl-intervista għadni ma ħadt xejn dwar dak li Paul Chetcuti Caruana jixtieq li jaħdem għalih f’każ li jkun elett fil-Kunsill Lokali tal-Mosta.
“Jiena bniedem għan-nies u li nifhem in-nies,” jinsisti Chetcuti Caruana li jżid li Mosta hu r-raħal li twieled, trabba u għex għomru fih.
“Dan il-Kunsill għamel żmienu u ħalla rovina warajh, ibda mill-istraġi tal-pjazza u kompli bl-abbandun tal-lokal kollu u issa tellieqa biex isiru toroq li ilhom 20 jew 30 sena jistennew bankini jew asfaltar suret in-nies.
“Għandna stramberija fejn toroq isiru b’bankini fuq naħa waħda biss u n-naħa l-oħra xejn, u din mhix aċċettabbli,” jinsisti.
U l-programm politiku ta’ Paul Chetcuti Ganado?
“Qed nipproponi li jsir santwarju reġjonali għall-annimali li bil-permess tal-Kunsill nestendu invit lill-kunsilli ġirien u nagħmlu wieħed reġjonali fejn nistgħu niġbru klieb u qtates bil-ġuħ u bil-bard mit-toroq u nieħdu ħsiebhom bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera.
“Qed nipproponi wkoll li nagħmlu ċentru għall-persuni b’diżabbiltà fir-reġjun, fejn in-nies taż-żona ma jkollhomx għalfejn imorru bilfors id-Dar tal-Providenza,” qal Chetcuti Caruana.
Fuq livell ta’ politika lokali, Paul Chetcuti Caruana hu determinat li “jikkontrolla” dak li fisser bħala “abbużi sfaċċati mill-wardens fil-lokal” fejn skond hu, “qed ifaqqru lill-Mostin biċ-ċitazzjonijiet.”
“Kif jista’ jkun li lanqas ma tista’ tmur tisma’ quddiesa u kif toħroġ wara li tkun tqarbint tispiċċa titkellem ħażin għax taqla’ Lm10 ċitazzjoni?”
“B’Paul Chetcuti Caruana dawn l-abbużi li jkissru lill-Mostin mhux se jsiru. Mhux se nħalli lill-Mostin jiftaqqru u lanqas jibqgħalhom flus biex wara l-quddiesa jixtru xi ħelu għat-tfal.”
Paul Chetcuti Caruana jistqarr li hu determinat li jagħmel “gwerra kontra l-Mepa” għaliex skond hu fil-Mosta mhux qed isiru l-affarijiet sewwa u se jesiġi li “kulħadd ikun ittrattat indaqs kontra d-diskriminazzjoni.”
Paul Chetcuti Caruana jrid li jsir awditjar ta’ dak kollu li sar mill-Kunsill Lokali li sal-lum qed jitmexxa mis-Sindku Joe Demartino.
Qabel ma ħallejt lil Paul Chetcuti Caruana, kienet inevitabbli li jerġa’ jtenni miegħi l-islogan favorit tiegħu. “Jien ta’ l-ispecial forces, dejjem lest għal kulma jinqala
!”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt