18 ta' Frar 2007 • Nr 16

Arkivji




 

 

18 ta' Frar 2007
L-internet mingħajr perikli

Austin Gatt

Ilkoll għandna l-istess ħsieb: irridu nagħtu lit-tfal ta’ pajjiżna kull opportunità jikbru f’għerfhom mingħajr ma jiddgħajjef il-karattru tagħhom. Irridu nsostnu lill-ġenituri fix-xogħol iebes tagħhom huma u jgħinu lil uliedhom jitgħallmu. Irridu nagħtu lill-ġenituri s-serħan tal-moħħ li uliedhom qed jitgħallmu f’ambjent mingħajr perikli.
Din il-ġimgħa jien u l-kollega tiegħi Dolores Cristina nidejna estensjoni tal-helpline 179 biex jgħin lil min jiltaqa’ ma’ perikli u abbużi mit-tfal fuq l-internet. Din kienet l-aħħar minn sensiela ta’ inizjattivi li ħadna minn meta rċivejna r-rapport tat-task force dwar is-sigurtà tat-tfal fuq l-Internet fl-2002. Minn dak inhar bnejna infrastruttura sħiħa biex inbiegħdu lil uliedna mill-perikli meta jkunu on line.
Disgħa u sebgħin fil-mija tat-tfal Maltin ta’ bejn it-8 sena u s-16 jużaw l-internet. Din hi statistika negattiva biss għax m’humiex 100%. Il-mira tagħna hi li kemm jista’ jkun malajr l-użu ta’ l-internet ikun parti minn dak li nifhmu bħala litteriżmu bażiku, importanti daqs li tkun taf tikteb, taqra u tgħodd. Daqs kemm ma tistax tgawdi parti sħiħa mill-ekonomija u s-soċjetà tagħna jekk ma tafx taqra, daqstant ieħor se tbati jekk ma tistax tikkomunika mal-bqija tad-dinja fuq kompjuter.
Il-perikli għat-tfal ma bdewx ma’ l-internet. L-abbuż mit-tfal ma’ twelidx ma’ l-internet. In-nies maħruqin minn ġewwa bil-ħażen u l-kefrija ma tfeġġewx għax ġie l-internet. Uliedna jistgħu jiltaqgħu ma’ perikli kull darba li joħorġu ’l barra mid-dar. L-abbuż mit-tfal jiġri fl-aktar ambjenti li jissorprenduna u li naħsbuhom siguri għat-tfal. Dan kollu nafuh imma ma nżommux lil uliedna msakkrin f’fosdqa għax nafu li nagħmlulhom ħafna aktar ħsara milli ġid jekk ma nibdewhomx jifhmu l-perikli ta’ din id-dinja.
Navżawhom mis-sinjali ta’ l-intenzjonijiet ħżiena ta’ ħaddieħor moħbija wara t-tbissima tal-qerq u l-ħbiberija fittizja. Ngħallmuhom jifhmu lil min jistgħu jafdaw u lil min għandhom jevitaw. Meta jiltaqgħu ma’ esperjenzi li jkun għadhom żgħar wisq biex jifhmu, ngħinuhom jinterpretaw dak li jaraw biex ma jbeżżagħhomx u ma jfixkilhomx.
Jien rabbejt żewġt itfal u naf li dan li qed ngħid aktar faċli tgħidu milli tagħmlu. L-ewwel xogħol, it-tfal malajr bdew jiġu b’mistoqsijiet mill-iskola li lanqas jien stess ma kont naf inwieġeb. Għalkemm qatt ma qgħadt lura mit-teknoloġija, uliedi malajr għaddewni għax meta tkun iżgħar titgħallem tuża għodda ġodda aktar malajr minn min hu akbar minnek.
Din hi l-esperjenza ta’ ħafna ġenituri. Ħafna jagħmlu sew u jifhmu li l-internet hi għodda għat-tagħlim u l-istudju ta’ uliedhom: għodda li meta kienu żgħar huma ma kellhomx, imma d-dinja miexja ’l quddiem u aħjar għal uliedna li jgħixu aħjar minna. Iżda ħafna ġenturi huma intimidati mill-kompjuter u mill-internet u jibqgħu b’għarfien superfiċjali ta’ x’jagħmlu uliedhom fuq il-kompjuter.
Erbgħin fil-mija tat-tfal jużaw iċ-chatting fuq l-internet. Ġenitur jisma’ ’l min ikun qed ikellem lit-tfal tiegħu fuq it-telefon u l-istess loġika għandha tapplika għaċ-chatting. It-telefon m’għandu xejn intrinsikament ħażin. Hi għodda li ma niffunzjonawx mingħajrha minkejja li bħal kull għodda oħra (kull sikkina, kull karozza, kull ajruplan) tista’ tintuża minn min irid id-deni għall-ħsara ta’ ħaddieħor. L-istess l-internet u ċ-chatting.
Hu dmir il-Gvern jgħin lill-ġenituri jieħdu ħsieb lil uliedhom huma u jużaw l-internet. Tnejn minn kull tliet ġenituri ma jafux x’inhu software li jsaffi l-kontenut fuq l-internet (minn pornografija u materjal ta’ mibegħda u vjolenza) aħseb u ara kemm jassiguraw li jintuża fuq il-kompjuter tat-tfal.
Dan in-nuqqas qed intaffuh b’kampanji aggressivi ta’ pubbliċità fl-iskejjel fejn inlaqqgħu lill-għalliema u lill-ġenturi u nispjegawlhom kif għandhom jgħinu lit-tfal iżommu ’l bogħod mill-periklu. Minn lezzjonijiet sempliċi bħal li l-kompjuter għandu jkun f’kamra komuni (fis-salott, mhux fil-kamra tas-sodda tat-tfal) sa għodda teknoloġiċi sofistikati (iżda faċli biex tużahom) bħal software tat-tisfija.
Xejn minn dan li qed ngħid m’għandu jħajjar lil xi ġenitur jaħsibha darbtejn iħallix it-tfal jużaw l-internet. Daqslikieku xi ħadd għandu jżomm it-tfal milli jaqsmu t-triq għax semgħu li xi ħadd tajritu karozza. Trid tgħallem it-tfal jaqsmu t-triq bil-galbu u trid tgħallem it-tfal jużaw l-internet bil-galbu. Il-gvern impenjat li jgħin lill-ġenituri f’din il-biċċa xogħol iebsa tagħhom: li jrabbu ġenerazzjoni ġdida ta’ Maltin intelliġenti u sofistikati li jgħixu f’pajjiż b’valur u ambjent ġenwin ta’ sigurtà.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt