M’hemmx dubju li min ma jbiddilx jitqammel. Fid-dinja tax-xogħol żgur li l-bidla hi meħtieġa. Din mhix kwistjoni ta’ moderniżmu jew konformità mal-moda jew stil tal-ħajja tal-lum. Kull żmien ġab xi forma ta’ bidla. Dak li hu antik illum kien modern il-bieraħ. Kull bidla tista’ ssejħilha proċess ta’ evoluzzjoni, mhux lanqas il-bidla fil-qasam tax-xogħol, dak li aħna sirna nsejħulu ristrutturar. Minkejja li kull bidla ġġib reżistenza naturali fil-bidu tagħha iżda hi meħtieġa jekk irridu nkomplu nibnu fuq dak li sibna u jekk verament irridu li l-ġejjieni jkun aħjar mill-preżent. L-agħar forma ta’ reżistenza għall-bidla hi dik li tinbet wara li jkun inbeda l-proċess ta’ ristrutturar. Dan jiġri meta l-infurzar tal-bidla ma jkunx jirrifletti l-ħsieb u l-pjan intiż biex permezz ta’ l-istess bidla jinkisbu riżultati aħjar.
Biex ma noqgħodx nargumenta fl-arja jew bit-teoriji, tajjeb li nieħdu bħala eżempju r-ristrutturar fil-PBS. Dan kien meħtieġ u ntlaħaq ftehim dwar kif għandu jsir.
Ħafna aċċettawh waqt li oħrajn esprimew xettiċiżmu sa mill-bidu li tħabbar. Illum wara s-snin li nbeda l-proċess, ix-xettiċi komplew jiżdiedu għaliex sfaw f’sitwazzjoni ta’ kemm kienu aħjar meta kienu agħar. Fuq il-karta deher pjan li jista’ jitwettaq fil-prattika u jħalli l-frott. Imma meta ġejna biex nimplimentawh dawk li huma responsabbli li jwettquh għażlu li jibqgħu lura milli jwettqu dak li kien miftiehem.
Jidher li hawnhekk għandna każ ta’ kanzunetta tajba imma l-kantant stunat u għalhekk l-udjenza hija diżappuntata. U proprju dan li jagħmel ristrutturar staġnat.
Hemm imbagħad riformi oħra li għal raġunijiet differenti huma staġnati waħda sew. Ir-riforma fil-portijiet diġà ħadet ix-xeħta tar-riforma fis-saħħa jew aħjar ta’ parti minnha, il-ftuħ ta’ l-isptar il-ġdid.
Dan hu każ klassiku ta’ ġej, ġej, ġej u ma jasal qatt u x’aktarx li meta jasal ikun għadu nej jew nofs sajran. Ilna nisimgħu bil-ħtieġa tar-riforma fil-portijiet. Ilna żmien li waqqafna kunsilli konsultattivi; rapporti minn esperti saru bil-gzuz; negozjati madwar il-mejda ilhom għaddejjin. Diskorsi u stqarrijiet kemm trid. Iżda l-miri tar-riforma baqgħu fl-ajru u l-implimentazzjoni marret il-baħar forsi għax hi kwistjoni intrinsika mal-portijiet u l-attivitajiet marittimi!
Kulħadd jammetti li din kwistjoni taħraq u mhux lakemm taqbad u tgħid se tagħmel riforma. Iżda wara dan iż-żmien kollu u l-wegħda sagrosanta li r-riforma se sseħħ fi żmien qasir iġiegħel lil min jistaqsi: x’inhu jiġri eżatt? Se ssir jew le? Ir-riforma ma tinkludix biss prattiċi ġodda tax-xogħol u roħs fit-tariffi. Dawn waħedhom diġà uġigħ ta’ ras imma hemm fatturi oħra li jridu jinbidlu jekk l-iskop aħħari hu li nagħmlu l-portijiet tagħna verament kompetittivi.
L-informazzjoni li għandi jien hi li x’aktarx ir-riforma mhux se twassal li jkun hemm roħs ta’ 25 fil-mija fuq it-tariffi tal-ġarr tal-merkanzija. Din kienet falza stikka tal-ministru konċernat jew tal-konsulenti tiegħu. Jista’ jkun li minħabba f’hekk qed jipposponu d-data tat-tħabbir tar-riforma għax għadhom ma sabux il-formola kif se jikkonvinċu lill-poplu li bir-riforma se jorħsu l-prezzijiet għall-importaturi, aġenti u l-konsumaturi domestiċi.
Jidher ċar ukoll li hemm ġlieda għall-poter bejn l-Awtorità Marittima Maltija u l-Port Ħieles. Dan ta’ l-aħħar issa kien privatizzat u għalkemm marbut b’ċerti obbligazzjonijiet tas-Servizz Pubbliku iżda jrid jitmexxa fuq linji purament kummerċjali u ma jaċċetta qatt li r-regolatur jew l-Awtorità timponilu kundizzjonijiet li jipperikolaw l-attività kummerċjali tiegħu.
Minn naħa l-oħra l-Awtorità Marittima tesiġi li bħala regolatur il-Malta Freeport irid ibaxxi rasu għar-regolamenti u l-proċeduri tagħha. L-animożità bejn iż-żewġ entitajiet ilha għaddejja s-snin u t-tama ta’ xi forma ta’ konċiljazzjoni qegħda fuq l-istess livell daqskemm il-Palestinjani jistgħu jersqu viċin l-Istat Iżraeljan. Inutli nnadfu l-għanqbut mingħajr ma noqtlu l-brimba!
Naf ukoll li r-rappreżentanti tal-ħaddiema liċenzjati tal-port tefgħu proposti sensibbli fuq il-mejda tan-negozjati li huma konformi mal-linja tar-ristrutturar meħtieg. Ħasbu għal kollox anki fejn jidħlu prattiċi ġodda tax-xogħol u l-assigurazzjoni li jkollhom ħaddiema biżżejjed biex ilaħħqu mal-volum tax-xogħol fil-portijiet. Iżda għar-raġunijiet li jafhom hu biss, il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh. Bħall-istorja tal-Mater Dei issa waqa’ kollox f’ħoġor il-Prim Ministru. U r-ristrutturar baqa’ staġnat!
L-2008 qed tissemma l-aktar għall-possibiltà tal-bdil tal-munita Maltija għal dik ta’ l-Ewro u possibilment ukoll għas-sejħa ta’ elezzjoni ġenerali jekk ma ssirx lejn tmiem din is-sena.
Iżda qed inessuna li din is-sena hi wkoll is-sena tad-destin tal-ħaddiema tat-tarzna. Dak inhar trid tittieħed deċiżjoni importanti għat-tarzna: jew tagħlaq darba għal dejjem, jew tibqa’ miftuħa mingħajr is-sussidji jew tinbiegħ lill-privat.
Ir-ristrutturar f’din l-azjenda sar u skond dak li joħroġ fil-beraħ ir-riżultati huma pożittivi.
Parti minnhom huma dovuti għal maħfriet ta’ djun li ngħataw; oħrajn dovuti għaċ-ċaqliq ta’ mijiet ta’ ħaddiema li kienu trasferiti fis-settur pubbliku u għalhekk l-ispiża tagħhom m’għadhiex tidher fuq il-kotba finanzjarji tat-tarzna; iżda l-biċċa l-kbira tar-riżultati huma dovuti għall-fatt li nħadem iktar xogħol li ġġenera iktar dħul għalkemm żdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni.
Skond il-mexxejja ta’ l-azjenda għadna ’l bogħod mill-miri ffissati bir-ristrutturar. Huma jwaħħlu fl-ineffiċjenza f’ċertu oqsma u fil-livell relattivament baxx tal-produttività. Minħabba f’hekk it-tarzna għamlet telf ta’ xi sitt miljuni fl-2005 u se tispiċċa b’telf ta’ iktar minn tmien miljuni fl-2006. Xi jfisser dan? Jekk xejn huwa każ ta’ staġnar fir-riforma. It-taħbil il-moħħ għandu jibda issa kif se nsalvaw is-sitwazzjoni mhux nitfgħu l-problemi taħt it-tapit u nwikkuhom lill-Gvern li jmiss!
Mhux sewwa li mbagħad inwaħħlu fil-ħaddiema għax, wara kollox, kull pass ’il quddiem li jsir il-ħaddiema nfushom għandhom jieħdu l-mertu tiegħu. Fit-tarzna tagħna x-xogħol ma jsirx mir-robots imma minn nies tas-sengħa tad-demm u l-laħam!
Issa għadha kemm ħarġet l-aħbar li t-tiġdid tal-pjan ta’ salvataġġ, rescue plan, tal-kumpanija nazzjonali ta’ l-ajru intefa’ fuq l-ixkaffa. Jaqaw se nwaqqfu r-riforma biex inkomplu nistaġnaw? Hu minnu li xi rappreżentanti ta’ l-impjegati ta’ l-Air Malta dehrilhom li għamlu sagrifiċċji biżżejjed u ma jridux jerġgħu jidħlu fi ftehim ta’ miżuri ta’ awsterità. Għandhom kull dritt jieħdu din id-deċiżjoni iżda kulħadd irid jifhem x’implikazzjonijiet deħlin fihom il-ħaddiema kollha ta’ din l-azjenda meta ma jsirx ftehim bħal dan.
Jekk il-pjan ta’ l-erba’ snin li għaddew ma kellu xejn tajjeb żgur imma li l-klawsola li kienet tgħid li ma jistgħux jingħataw sensji għenet ħafna biex l-impjegati jserrħu rashom anki jekk għal perjodu temporanju. Issa din l-assigurazzjoni se tisfaxxa fix-xejn.
Hemm min jaħseb li bi ftehim kollettiv is-sitwazzjoni tkun aħjar. Matul iż-żmien tal-pjan tas-salvataġġ il-ftehim kollettiv eżistenti baqa’ fis-seħħ bl-eċċezzjoni ta’ xi klawsoli li nbidlu bi ftehim taħt il-pjan ta’ salvataġġ. Huwa minnu li l-impressjoni li wieħed jieħu meta jgħid se jinnegozja ftehim kollettiv hi li se jkun hemm titjib tal-kundizzjonijiet u l-benefiċċji iżda l-ftehim kollettiv jaħseb ukoll għal meta s-sitwazzjoni tal-kumpanija tkun waħda prekarja.
Anki l-istess liġi tax-xogħol taħseb għal din l-eventwalità. Kemm il-liġi kif ukoll il-ftehim Kollettiv jitkellmu ċar dwar il-possibiltà li jingħataw is-sensji. Is-sitwazzjoni fl-Air Malta kulħadd jaf x’inhi – il-qtugħ ta’ nifs fost l-impjegati jinħass minn seba’ mili bogħod – u bir-raġun għax il-kunsiderazzjoni li jitnaqqsu l-impjegati m’għadhiex fl-ajru kif ikunu l-ajruplani tagħha.
Għalhekk jinħtieġ li l-karti jinkixfu kollha u jitpoġġew fuq il-mejda. Il-fatt li l-kumpanija ddeċidiet li ma tikkonvinċix lil min irreżista t-tiġdid tal-pjan ta’ salvataġġ biex jerġa’ jaħsibha u dritt dritt ħarġet fil-pubbliku tistqarr li se tmur għall-ftehim kollettiv iġiegħel jitħasseb lil min għandu daqsxejn melħ f’moħħu.
Fiċ-ċirkostanzi li qegħdin x’jiswa li jsir ftehim kollettiv u l-kumpanija wara ftit tħabbar li se tagħti s-sensji skond kif jippermettilha l-istess ftehim kollettiv? Jew x’jiswa l-ftehim kollettiv jekk is-sidien jiddeċiedu li jeħilsu minn balla fuq l-istonku u jbigħu l-kumpanija lill-privat wara li jkun iffirmat l-ftehim kollettiv?
Ma taħsbux bħali li dan hu każ ieħor ta’ ristrutturar staġnat?
Jalla li jien żbaljat iżda x-xagħar abjad ma jikbirx għal xejn!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt