Xogħolna mhux li nagħmluha ta’ ġudikanti fuq jekk il-Madonna hux veru dehret f’Birżebbuġa jew le, jew jekk statwa bkietx id-demm uman.Nibqgħu xettiċi għall-aħħar. Madankollu hemm persuni iktar kwalifikati minna li jistgħu jagħmlu l-analiżi xjentifika kif suppost. Iżda fl-istorja kollha ta’ Anġelik Caruana u d-dehriet li suppost qed iġarrab s’issa ftit li xejn ħarġu fatti dwar il-passat riċenti ta’ din il-persuna. L-istorja li ħarġet fil-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista s’issa pinġiet stampa ħelwa wisq. Setgħet tat tama falza lil xi wħud li għaddejjin minn sitwazzjonijiet personali diffiċli u jkunu lesti jiggranfaw ma’ kull xaqq dawl, anki jekk is-sors tad-dawl hu dubjuż għall-aħħar.
Ir-realtà hi bil-bosta differenti minn hekk. Din il-gazzetta ppruvat tagħti stampa iktar wiesgħa tas-sitwazzjoni lil hinn mid-dehriet, l-istatwi jibku u messaġġi mis-sema li wasslu lil dan Anġelik biex iwaħħal salib b’mod illegali fl-inħawi ta’ Borg in-Nadur.
Hemm min jirraġuna li Anġelik seta’ ikkonverta bħal San Pawl. Jista’ jkun. Iżda l-aħħar darba li xi ħadd f’Malta b’mod pubbliku qal li ikkonverta u ddispjaċih għal dak li għamel, tant li kien anki ntuża mill-Partit Nazzjonalista f’kampanja elettorali, spiċċa biex miet waqt serqa.
Dawn id-dehriet bilfors ifakkruk f’dehriet oħra simili li suppost ġarrbet Ġuża Mifsud fil-Girgenti lejlet l-elezzjoni ta’ l-1996. Dakinhar Ġuża saħansitra tagħatha għat-tbassir tar-riżultat elettorali kif ukoll għal ġrajjiet li suppost kellhom jiġru jekk jitla’ Alfred Sant prim ministru. Nisperaw li l-‘Madonna ta’ Birżebbuġa’ ma ttihiex ukoll għat-tbassir elettorali f’sena oħra kruċjali.
Il-mod kawt ħafna ta’ kif il-Kurja qed tittratta dan il-każ hu indikazzjoni wkoll tax-xettiċiżmu fost l-awtoritajiet tal-Knisja. Kien hawn wisq każi fid-dinja fejn nies qalu li raw lil xi divinità bl-għan aħħari tagħhom ma jkun xejn għajr sfruttament kummerċjali jew mezz biex jaħarbu minn id il-Ġustizzja.
Satira politika
Dan il-pajjiż jeħtieġ jikber. Il-politiku m’għadux fuq pedestall u l-maġġoranza tagħhom lanqas iridu jkunu fuq wieħed. Is-satira politika postha fil-karnival u għalhekk ma jagħmilx sens li sal-lum il-kumpaniji tal-karnival għadhom b’idejhom marbuta f’dan l-aspett.
Din il-gazzetta tingħaqad ma’ l-appell li għamel id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea biex il-liġi li tipprojbixxi s-satira politika fil-karnival titneħħa. Wasal iż-żmien li nkunu kapaċi niddieħqu bil-politiċi, il-personalitajiet, il-kantanti, ir-reliġjon u l-Knisja b’mod miftuħ.
Kulħadd fuq livell personali jisma’ u jivvinta ċajt fuq il-politiċi. Għalfejn dan iċ-ċajt għandu jibqa’ mistur mill-arena pubblika ma nifhmux.
M’aħniex se nivvintaw ir-rota. Ħarsa biss lejn l-istazzjonijiet Taljani turina dinja oħra fejn il-politiċi huma parti minn parodija sħiħa ta’ ċajt, satira u żufjett bi programmi li jniggżu u jdaħħqu fl-istess ħin.
Proposti li diġà ssemmew fil-media li mis-sena d-dieħla min jagħmel il- karrijiet ikunu jistgħu jibdew jagħmlu satira fuq il-personalitajiet biss u bil-permess tal-‘vittmi’ għandhom jiġu skartati. Is-satira li tidħol bl-iskossi u b’ruxxmata kundizzjonijiet tispiċċa sterili u bla effett.
Mill-esperjenza tagħna bil-karikaturi li nippubblikaw kull nhar ta’ Ħadd ftit li xejn huma dawk il-politiċi li jiddarrsu. Huma karikaturi niggieża u ħafna drabi b’messaġġ satiriku fuq sitwazzjonijiet li jinħolqu fil-pajjiż minn żmien għal żmien.
Il-messaġġ hu wieħed: ejjew nikbru u nitgħallmu nidħqu bina nfusna. Iċ-ċajt ħafna drabi hu terapija għall-għawġ li jħabbat wiċċu miegħu l-bniedem u għal ħafna politiċi jista’ jkun ukoll mezz ta’ kif jibqgħu f’ħalq in-nies b’benefiċċju għall-karriera tagħhom. Jinkwieta biss min ma jissemmiex għax ifisser li l-ħidma tiegħu jew tagħha qed tintilef u m’għandhiex impatt fuq il-ħajja tan-nies.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt