11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Ahlen u sahlen minn Lixandra

Fi żmien meta kont għadni ngħix Malta l-irredentisti Taljani tal-Partit tal-Mizzijiet lil Malta Cattolicissima kienu jsejħulha Fior del Mondo. Imma Fior del Mondo skond għal min. Dak iż-żmien ftit li xejn kien hawn xi jxekkel il-libertà tal-klassi dominanti merkantili ta’ din il-gżira milli tiddetta r-regoli tas-suq li jaqblu lilha.
Sakemm ma kinux jiġu mhedda l-interessi imperjali tagħhom, l-Ingliżi ftit li xejn kont se ssibhom jindaħlu biex iħarsu l-interessi ta’ dawk li kienu jaqilgħuha u jikluha u wisq inqas ta’ dawk li la kienu jaqilgħuha u lanqas jikluha.
Mill-banda l-oħra l-ispeċi ta’ Parlament Malti li kien hawn, meta l-Ingliżi kien ifettlilhom jagħtuna wieħed, kien ikun magħmul, apparti mis-soltu laqgħa ta’ l-Ingliżi, minn rappreżentanti ta’ l-elite u ta’ l-alta borghesia. Fuq kollox ma kellniex sistema ta’ vot wieħed għal kulħadd imma għal vot wieħed il-prediletti ġieli kellhom erbgħa u l-plebei tal-proletarjat lanqas vot imġiddem wieħed ma kien ikollhom. Tista’ tobsor għalhekk x’ordinanzi u liġijiet b’riżq il-poplu kienu joħorġu minn hemm gew.
Qed nitħaddtu fuq żmien il-brodu, żmien it-tram u l-vapur ta’ l-art, żmien il-movies ta’ Buster Keaton, Harold Lloyd u Charles Chaplin. Żmien meta l-liġijiet ewlenin tal-pajjiż kienu l-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija għall-imsejkna ta’ fuqhom senduqhom żvinturati bħali, li hekk kif jaħbtu jxellfu difrejhom mal-Liġi, l-id tal-Ġustizzja kienet tinżel fuqhom b’qilla liema bħalha u mingħajr l-ebda ħniena.
S’intendi kien jeżisti wkoll il-Kodiċi Ċivili li kien ġej minn żmien Napuljun, li kien iħares l-interessi tas-sidien tal-proprjetà u kien mibni fuq il-kunċett li dak li jiġi miftiehem fil-kuntratt kien sagrosant. S’intendi iktar ma kont tkun f’pożizzjoni ta’ saħħa, aktar stajt tiddetta xi jkun fih il-kuntratt.
Il-liġijiet li bdew ixellfu dan il-prinċipju li l-kuntratt kien kollox, bħal-ligijiet tal-kera u l-liġi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, kellhom isiru ferm wara li jien salpajt kontra qalbi lejn Lixandra.
Eqdem mill-Kodiċi Ċivili kien hawn ukoll il-Kodiċi Kummerċjali, dawk li kienu jistabbilixxu regoli dwar kif in-negozjanti kellhom jaġixxu fil-konfont ta’ xulxin meta jagħmlu l-kummerċ bejniethom.
Imma f’dak kollu li l-ħaddiem tax-xatt, il-gabilott u s-sajjied, dawk li llum il-ġurnata inthom issejħulhom l-konsumaturi li fl-aħħar mill-aħħar huma importanti daqs il-kummerċjant biex iddur r-rota ta’ l-ekonomija, ma kienet teżisti l-ebda liġi jew kodiċi biex tħares l-interessi tagħhom.
Tneħħi l-liġijiet minuri bħal dik ta’ l-użin u l-kejliet kontra xi miżien li jkala, u l-boll fuq il-mazzitt u z-zalzett bħala mezz ta’ kontroll fuq il-ħniżrijiet li kienu jsiru wara s-suq tal-Belt fejn kien jiġi mballat iz-zalzett, il-liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur assolutament ma kinux jeżistu.
Smajt li minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn tgħidx x’armatura armajtu b’volumi kbar ta’ liġijiet ġodda li kkupjajtuhom minn fuq ta’ l-Ewropa. Nittama li ma spiċċajtux tagħmlu bħal dawk in-nisa tad-dar li jiddeċiedu li jixtru enċiklopedija mingħand xi bejjiegħ bieb bieb biex iżejnu l-wall unit tas-salott u l-enċiklopedija qatt ma jkunu fetħuha.
Mill-aħbarijiet li jasluli minn Malta għandi l-impressjoni li bil-liġijiet kollha li għandkom, il-konsumatur f’Malta għadu mhux protett kif għandu jkun.
Ħu mill-kwistjoni taż-żieda fir-rata ta’ l-imgħax hekk kif imħabbra mill-Bank Ċentrali.
L-imgħax għal self fuq id-djar, eċċ, għola mill-ewwel, filwaqt li l-imgħax fuq depożiti fissi mhux se jogħla mill-ewwel u l-imgħax fuq kontijiet ta’ tifdil baqa’ ma għoliex. Mhux ta’ b’xejn il-banek qed jispiċċaw jagħmlu dawk il-miljuni kbar ta’ profitti jekk m’hemm ħadd li jwaqqafhom milli jagħmlu affarijiet bħal dawn.
Addio żieda għall-għoli tal-ħajja u t-tnaqqis fit-taxxa li tħabbar fil-baġit għax skond dak li smajt bħala medja minn għandu loan fuq id-dar se jispiċċa jħallas xi tmien liri iktar fix-xahar bħala imgħax.
Bħallikieku ma kienx biżżejjed il-qligħ li qed jagħmlu minn fuq id-differenza li kompliet tikber bejn ir-rata ta’ l-imgħax fuq is-self u r-rata ta’ l-imgħax fuq id-depożiti, bil-wiċċ tost kollu jfajru bl-addoċċ il-bank charges u l-administration fees.
Li kieku għadni Malta żgur li ma kontx noqgħod b’sabri għal dan kollu. Imma kuntenti intom, kuntent kulħadd.

Is-sliem għalikom!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt