11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Ballun baraxx

Tista’ tgħid li f’kull kampanja elettorali żgħira jew kbira n-Nazzjonalisti jippruvaw jonfħu ballun baraxx mimli bl-arja sħuna. Imma biżżejjed daqsxejn ta’ tingiża bi splengun biex f’kemm ili ngħidlek dan il-ballun baraxx toħroġ l-arja minnu u jispiċċa jinstabat ma’ l-art.
F’kampanja elettorali minnhom għamlu battalja ta’ l-assedju l-kbir dwar ftit gandotti li kienu saru mill-kunsill fi triq partikolari f’Ħaż-Żebbuġ. F’kampanja oħra kienu ħarġu bl-idea mill-iktar brillanti li jirtiraw xi kandidati ħalli ma ssirx elezzjoni fil-lokalitajiet taż-Żejtun u tal-Marsa.
Dan kollu sar biex joqogħdu jilagħbu bil-mirja u jkunu jistgħu jgħidu li naqsu voti nqas minn kemm fil-fatt naqsu.
Fl-aħħar kampanja għall-kunsilli lokali kienu għamlu plejtu liema bħalu dwar il-każ tal-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat fejn kienu qalu li minħabba xi xogħlijiet li saru fi triq biswit il-Knisja kien daħal xi qatran fil-passaġġ ta’ taħt l-art li kien jagħti għall-grotta u sar sfreġju sħiħ. Għamlu ġimgħat sħaħ jitqanżħu kemm jifilħu biex jaħilbu din l-istorja sakemm irriżulta li l-likwidu li ċarċar mal-ħitan ma kienx qatran iżda ħamrija mħallta bl-ilma.
Waqt il-kampanja għall-Parlament Ewropew ta’ tliet snin ilu meta s-sondaġġi ta’ l-opinjoni pubblika kienu qed juru biċ-ċar li l-Alternattiva Demokratika kienet se taqta’ biċċa mdaqqsa mill-vot Nazzjonalista, tal-PN irrealizzaw li kellhom jagħmlu xi ħaġa għax kienu se jirrukkaw bil-kbir.
Xi ħadd f’Tal-Pietà għafas il-buttuna tal-kompjuter fejn kien hemm il-files dwar l-AD u minn hemm niżżel dokument li juri li l-Federazzjoni tal-Ħodor Ewropej huma favur il-legalizzazzjoni ta’ l-abort.
Baqgħu jagħfsu fuq dan it-tast għax ħasbu li jista’ jirrendilhom f’termini ta’ voti anki wara li rriżulta li l-Alternattiva kienet għamlet riżerva biex ma tkunx marbuta bil-politka tal-Ħodor Ewropej favur l-abort.
Tal-PN baqgħu jilagħbu bil-kliem sa l-aħħar fuq din il-kwistjoni avolja l-fatti evidentement ma kinux jagħtuhom raġun. Hawnhekk ukoll in-Nazzjonalisti bir-riżultat f’dik l-elezzjoni kienu ħadu r-risposta li kienet tixirqilhom fiċ-ċirkostanzi.
Qegħdin inqas minn xahar ’il bogħod mit-tornata li jmiss ta’ l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali. L-indikazzjonijiet kollha kienu juru li l-ballun baraxx li kien qed jiġi ppumpjat u mmuntat għal din is-sena kien jipproġetta lil Gordon Cordina, wara li irriżenja mill-kariga ta’ Direttur Ġenerali ta’ l-NSO, bħala xi vittma ta’ l-assassinju tal-karattru mwettaq mill-Partit Laburista.
Jum wara jum bdew iżidu fid-doża biex din il-bużżieqa timtela bl-arja sħuna ħalli din tkun tista’ tittgħajjar għall-bqija tal-kampanja. Hekk kif is-surmast beda jħabbat il-bakketta fid-daqqa u l-ħin bdew jinstemgħu diversi vuċijiet stunati jwerżqu fil-kor u strumenti skurdati u mżarżra fl-orkestra jdoqqu u jkantaw fuq l-istess partitura mużikali: ‘il-Laburisti, ta’ ħajjiena li huma, assassinaw il-karattru tal-wisq bravu u kapaċissimu Gordon Cordina b’kampanja ta’ attakki personali u minħabba f’hekk dan miskin kellu jirriżenja’.
Konferma ta’ kemm din il-kwistjoni kienet qed tiġi minfuħa b’mod sproporzjonat hu l-fatt li minn kemm ilu Prim Ministru, Gonzi darb’oħra biss kien għamel stqarrija ministerjali fil-Parlament, proprju dakinhar meta kien sar il-famuż ftehim mal-kumpanija Skanska biex tiġi kkappjata n-nefqa fuq l-isptar Mater Dei wara li kienet ilha li splodiet.
F’sitwazzjoni fejn kienet immuntata kampanja bħal din, kull qatra tgħodd, u ma setax jonqos li anki Bondìplus u minus joħroġ għan-nofs biex jagħti palata lil din l-aġenda Nazzjonalista.
Bħalma jagħmel kważi dejjem f’mumenti kruċjali dan il-programm jimbotta l-aġenda li taqbel lin-Nazzjonalisti, kemm fil-konfront tal-Partit Laburista kif ukoll fil-konfront ta’ xi ħadd bħal John Dalli li għandu differenzi sostanzjali mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Mhux ta’ b’xejn John Dalli għażel li jobżoqlu fis-sunnara lis-Sur Bondì ftit tal-ġimgħat ilu. L-ebda theddid minn naħa ta’ Bondì b’libelli, tgħajjir invażat, attakki personali u abbuż mill-pożizzjoni tiegħu bħala preżentatur fuq ix-xandir ta’ l-Istat, mhu se jimpressjonani jew jintimidani.
Nhar it-Tlieta li għadda ppruvajt safejn stajt inġib għall-attenzjoni tal-pubbliku episodji mill-passat li jippruvaw kemm dan il-programm jimbotta l-karru Nazzjonalista. Filwaqt li s-Sur Bondì għażel li jagħmel programm dwar ir-rapport intern fuq it-telfa ta’ l-MLP fl-elezzjoni ta’ l-2003, inħalli għalik tissoponi għalfejn baqa’ m’għamilx programm dwar ir-rapport sigriet fuq it-telfa tal-PN fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Nhar it-Tlieta s-Sur Bondì mberfel u mifxul kif kien fettillu jgħidli li jekk inġiblu kopja ta’ dan ir-rapport kien lest li jagħmel programm dwaru. Imma meta għidtlu li dan ir-rapport kien ippubblikat fi ktieb, bħal donnu reġa’ biddel fehmtu. Għal kirjanza jien bgħatt kopja ta’ dan ir-rapport lis-sur Bondì biex jekk xejn kulħadd ikun jaf kemm dan mhux kapaċi jżomm kelmtu.
Tassew patetiku u ma jafx jistħi Lou Bondì meta ħareġ bi skuża mill-iktar banali għalfejn ma għamilx program dwar l-artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia li kien jikkwota siltiet minn xhieda mogħtija f’kawża privata li kien involut fiha Alfred Sant.
Ta’ subgħajh f’ħalqu, Bondì weġibni li dakinhar ma għamilx programm fuq dan l-artiklu biex ma jidħolx fi kwistjonijiet privati meta jmissu ħa spunt minn dan l-artiklu biex jagħmel progamm proprju fuq l-invażjoni tal-privatezza u l-assassinju tal-karattru permezz ta’ affarijiet privati.
Tridx tħallina bi kwietna Sur Bondì. Għax ma tmurx titma r-ross bil-labra lil dawk il-ftit bħaħen li għad fadal li ma jagħrfukx għal dak li int, negozjant tal-media li kontinwament jimbotta l-aġenda tal-Gvern biex iserraħ rasu li se jibqa’ jmaxtar Lm2,000 ta’ kull programm u kuntratti oħra tal-Gvern.
Imma wara kollox kif seta’ s-Sur Bondì jtella’ programm fuq l-assassinju tal-karattru ta’ Alfred Sant meta hu stess dak iż-żmien bħala uffiċjal tal-propaganda tal-PN kien qed iħejji posters b’nofs wiċċ Alfred Sant b’għajnejn ta’ Dracula b’titlu taħtu, ‘Ma tistax tafdah’. Biex ma nsemmix ukoll il-famuż riklam li kien għamel tal-lotterija tal-PN b’ritratt kbir tal-Fuhrer.
Għax jekk ma tafx, għal diversi snin mill-15-il sena li ftaħar bihom Bondì bi programmi fuq il-PBS kien fl-istess ħin l-uffiċjal inkarigat mill-propaganda tal-PN. Imbagħad bil-wiċċ tost kollu ried jagħti x’jifhem li offenda ruħu għax akkużajtu li għadu sal-lum imexxi ’l quddiem l-aġenda u l-istrateġiji Nazzjonalisti.
Verament pleasures yet to come ġaladarba tibda tinstema’ l-kawża ta’ libell li qal li se jagħmilli ta’ prużuntuż li hu mingħajr ma ħa parir legali.
Il-programm Bondì± erħilu jheda jfittex li jtella’ programmi dwar suġġetti li jistgħu jimbarazzaw lill-MLP u erħilu jevita dawk is-suġġetti li jistgħu jpoġġu f’dawl ikrah lill-Gvern ta’ sħabu n-Nazzjonalisti.
Kif għadu qatt ma għamel programm dwar il-finanzjament tal-partiti, speċjalment mill-kuntratturi li jieħdu ħafna kuntratti tal-Gvern?
Kif għadu qatt m’għamel programm dwar l-skandli kollha tul it-13-il sena jew iktar li ilu tiela’ l-isptar Mater Dei? Kif għadu qatt ma għamel programm dwar l-attakki sistematiċi minn sħabu n-Nazzjonalisti fuq istituzzjonijiet importanti bħall-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali meta dawn jiddeċiedu b’mod li ma jdoqqx tajjeb għall-widnejn il-Gvern Nazzjonalista ta’ qalbu?
Kif għadu m’għamilx programm dwar ir-rapport falz dwar l-għoti tat-tender ta’ l-apparat mediku ffabbrikat mill-eks kollega tiegħu Joe Zahra li kien parti mit-tim tal-produzzjoni ta’ l-istess Bondì±?
Ironikament is-Sur Bondì irrikorra għal ħafna attakki u insulti personali fil-konfront tiegħi waqt programm li suppost kellu jittratta l-attakki personali fuq Gordon Cordina li wasslu għar-riżenja tiegħu.
Is-Sur Bondì jista’ jippretendiha kemm irid ta’ wieħed li ma jista’ għalih ħadd. Imma tajjeb li jżomm f’moħħu li l-ebda theddid u użu abbużiv mill-pożizzjoni tiegħu ta’ preżentatur fuq l-istazzjon ta’ l-Istat mhu se jagħlaqli ħalqi jew iżommni milli nkompli nsostni dak li jien konvint minnu.

wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt