Il-bdoti u l-cabin crew jgħidu ‘le’ għar-Rescue Plan
Karl Stagno-Navarra
Ħaddiema fl-Air Malta jistgħu jsibu ma’ wiċċhom turbulenza qawwija fil-ġimgħat li ġejjin issa li żewġ unions mill-erba’ rappreżentati fil-kumpanija kitbu formalment lill-management u ddikjaraw li ma kinux interessati li jinnegozjaw it-tieni rescue plan għall-kumpanija.
Din il-gazzetta tista’ tiżvela li l-ġimgħa li għaddiet il-kumpanija rċeviet ittra mill-unions li jirrappreżentaw lill-bdoti u lill-cabin crew li fiha sostnew li ma jridux ikomplu jiddiskutu r-rescue plan ġdid li kien intiż li jwassal għal miżuri li setgħu jżommu lil-linja ta’ l-ajru fuq saqajha.
Mitlub jikkummenta fuq is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fl-Air Malta, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi l-bieraħ qalilna li ma kienx għadu infurmat b’dak li kien qed jiġri.
“Għadni ma ġejtx infurmat b’dak li qed tgħiduli,” sostna l-Prim Ministru, filwaqt li l-Ministru Austin Gatt sostna li ma riedx jikkummenta.
F’Diċembru li għadda l-kumpanija kienet laqqgħet lill-erba’ unions rapprezentattivi tal-kategoriji ta’ ħaddiema fl-Air Malta bl-iskop li tibda tiddiskuti t-tieni rescue plan.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet il-Gvern kien sostna li l-alternattiva għar-rescue plan hi li l-unions jiddiskutu individwalment ftehim kollettiv għall-membri tagħhom mal-kumpanija, iżda kemm-il darba jiġri hekk allura ma tista’ tingħata l-ebda garanzija fuq l-1,500 ħaddiema li għandha magħha.
Ir-rescue plan eżistenti maqbul fl-2004 jiskadi f’Lulju li ġej u jidher li l-intoppi li jistgħu jinqalgħu din id-darba mhux ġejjin mill-GWU, sitwazzjoni xejn tajba għall-Gvern li aktar jaqbillu politikament ikollu konfrontazzjoni mal-GWU speċjalment f’nofs kampanja elettorali.
S’issa ma saru l-ebda laqgħat bejn il-management u l-unions u minn Diċembru sal-lum kien hemm biss bdil ta’ korrispondenza li fiha l-unions bdew jitolbu għal ċerti kjarifiki fuq il-pjan.
Jidher iżda li d-diskussjonijiet formali kellhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
F’intervista mal-gazzetta Business Today nhar l-Erbgħa li għadda l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Air Malta Joe Capello kien wissa li “jekk infallu milli nilħqu dan it-tieni Rescue Plan, allura jkollna nistennew miżuri drastiċi.”
Mindu bdiet topera l-linja low-cost Irlandiża Ryanair minn Londra, l-Air Malta tilfet b’madwar 12 fil-mija mis-suq tagħha li hu stmat li jfisser telf akkumulattiv ta’ madwar Lm1 miljun fuq ir-rotta ta’ Londra biss.
Ir-rotta ta’ Londra titqies bħala waħda mill-aktar importanti għall-Air Malta fejn il-frekwenza ta’ Ryanair żiedet il-postijiet minn u lejn Malta mill-kapitali Ingliża b’26 fil-mija.
Sodisfatt li s’issa ma jirriżultax li kien hemm telf mis-suq Taljan minkejja t-titjiriet minn Pisa minn Ryanair, Joe Cappello madankollu spjega li llum, aktar minn qatt qabel, biex l-Air Malta tkun tista’ tkampa hu meħtieġ aktar ristrutturar partikolarment fejn jidħlu prattiċi ta’ xogħol u flessibbiltà mill-ħaddiema.
Joe Cappello sostna għal darb’oħra l-impenn tal-kumpannija li tiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda telfien ta’ impjieg lill-ħaddiema jekk kemm-il darba jintlaħaq il-ftehim għat-tiġdid tar-Rescue Plan.
“Jekk din l-opportunità taħarbilna minn idejna għaliex parti jew aktar minn dawk involuti fin-negozjati jiddeciedu li ma jkomplux, allura se jkun diffiċli ħafna għal kulħadd għaliex tpoġġi fuqna lkoll sitwazzjoni bħal dik li qed iħabbtu wiċċhom linji ta’ l-ajru oħrajn li kellhom bżonn jieħdu miżuri drastiċi ħafna,” sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ l-Air Malta.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt