It-tliet reliġjonijiet imnissla minn Abraham - il-Kristjaneżmu, l-Islam u l-Ġudaiżmu – qishom tliet aħwa li tant għandhom komuni bejniethom iżda tant jagħtu bejniethom.
It-tliet reliġjonijiet fi tliet ċrieki kulturali u filosofiċi li tant taw għall-iżvilupp u progress ta’ l-umanità.
Li ma kienx għall-istudjużi u l-iskulari li welled l-Islam fix-xjenza u l-filosofija ’l fuq minn 1,400 sena ilu, b’mod speċjali bl-Għarab fi Spanja, kieku l-Ewropa mhix dik li hi llum.
Li ma kienx għall-Kristjani u popli ta’ nisel Lhudi fl-Ewropa u l-Mediterran, kieku d-dinja tal-Punent ma kinitx tagħti lill-umanità l-iżvilupp filosofiku u fuq kollox teknoloġiku li jagħmel dak li hi d-dinja moderna.
Għalhekk f’ċertu sens, il-Kristjani u l-Lhud mhumiex dak li huma llum li ma kienx għall-miġja ta’ l-Islam; u fid-dinja Islamika mhux Ewropea llum mhemmx it-teknoloġija li hemm li ma kienx għall-Punent.
F’Malta t-tliet reliġjonijiet huma preżenti u jgħixu paċifikament. Kien hemm żmien meta l-komunità Lhudija kienet tiżboq dik Islamika. Illum, frott ta’ politika ta’ Islamizzazzjoni fis-Sebgħinijiet meta anki l-Għarbi kien mandatarju fl-iskejjel, il-komunità Islamika f’pajjiżna hi waħda sinjifikanti.
Iżda rridu nammettu, ħadd ma jdejjaq lil ħadd, u lanqas qatt kellna xi theddida interna fuq l-istil ta’ ħajja tagħna b’xi spinta ta’ fastidju biex kulħadd jikkonverti għall-Islam.
Tant hu minnu dan li wara preżenza ta’ ’l fuq minn 30 sena b’komunità Islamika li anki għandha t-tempju tal-qima tagħha, minn sondaġġ li sar dan l-aħħar irriżulta li 96 fil-mija tal-Maltin għadhom Kattoliċi, forsi mhux daqstant prattikanti daqs qabel. Iżda dan argument ieħor.
Pjuttost iktar hawn kompetizzjoni interna bejn denominazzjonijiet Kristjani li jiġu jħabbtulek il-bieb u jqassmu materjal reliġjuż, milli xi kampanja biex kulħadd jikkonverti għall-Islam.
Il-kapijiet reliġjużi Islamiċi f’Malta dejjem urew prudenza u diskrezzjoni ta’ min jammiraha billi qatt ma ffittaw lill-Maltin.
Fil-fatt l-esperjenza Maltija ta’ komunità Islamika fostna tikkontrasta ma’ l-esperjenza ta’ ħafna pajjiżi oħrajn. L-esperjenza tagħna kważi tgiddeb dak li nisimgħu fuq il-media dwar il-fanatiżmu reliġjuż, b’mod li naħsbu li kulmin hu ta’ din il-fidi, moħbi x’imkien fi ħwejġu għandu lest xi grenade.
Fil-verità, dak li qiegħed jiġri ’l bogħod minn pajjiżna hu frott ta’ dak li jien insejjaħ il-malintiż kbir ta’ l-umanità, fejn ħaġa ġġib lill-oħra, sakemm il-fanatiżmu ideoloġiku jikkontamina reliġjonijiet sakemm issir fundamentalista.
Irridu nammettu li fejn illum hemm l-Islam f’pajjiżi mhux Ewropej, hemm ukoll disparità kbira ta’ ġid. Dawk li llum aħna nsejħu l-pajjiżi Għarab, il-parti kbira tagħhom għandhom ekonomija manipulata mill-Punent. Għandhom ir-riżorsi naturali tagħhom f’idejn interessi ta’ pajjiżi sinjuri li huma Kristjani.
Il-klassi politika li ssaltan f’dawn il-pajjiżi għandha politika li aktar tiffavorixxi l-interessi barranin milli ta’ nieshom. Allura l-unika arma li għandhom hi proprju r-reliġjon. Esperjenza li għaddiet minnha l-Ewropa f’diversi okkażjonijiet storiċi meta kienet ċivilizzata li nafu llum.
Għalhekk dan il-malintiż kbir ta’ kontro-kurrenti kulturali, interessi politiċi kapitalisti kif ukoll il-monopolju tat-teknoloġija avvanzata f’idejn interessi tal-punent li jżomm pajjiż fqir milli jiżviluppa, għamlu mill-Islam arma politiko-reliġjuża ta’ liberazzjoni b’ħafna jinterpretaw it-tagħlim ta’ Mawmettu kif jaqblilhom.
Hawn Malta din il-konfużjoni u kumplessità ma tinħassx fostna, iżda nisimgħu biha, imma ma nifhmuhiex b’dak id-dixxerniment meħtieġ.
Aħna li lkoll kemm aħna ta’ nisel semitiku, b’ilsien xiehda ħajja ta’ dan li kultant ninsew bħala l-aqwa prova ta’ min tassew aħna, ġieli ukoll nimtlew bi preġudizzji li m’għandhom ebda bażi ta’ raġuni. Dawn il-preġudizzji ġieli jirriflettu fis-sentenzi tal-Qrati tagħna, bil-preżenza ta’ xi ġgajta nies li taħt isem jew ieħor jinsistu bl-aktar mod komiku għar-razza pura, meta huma stess ħafna drabi għandhom il-fiżjonomija Għarbija u f’ħafna ċirkostanzi oħrajn, li għalkemm m’għandhomx xamma ta’ razziżmu, jesprimu biża’ li jirtu mill-media.
Għandna t-tendenza li ngerfxu t-tagħlim Koraniku mal-kultura Islamika, tgerfix li għal dawk il-ħafna li jsofru minn ċertu preġudizzju dejjem ipinġu lil Mawmettu bħala l-għajn ta’ dak kollu li hu ħażin fid-dinja Għarbija. Dan hu wkoll frott ta’ dawk li jħaddnu l-Islam u jridu jinterpretaw it-tagħlim Koraniku b’mod fundamentalista. L-eżempju klassiku li dejjem jitressaq hu kif l-Islam jittratta lill-mara.
Fil-verità l-Koran jiddikjara li r-raġel u l-mara huma ugwali u li t-tnejn huma mnissla minn sustanza divina waħda. Dan jikkontrasta sewwa ma’ dak li tgħallmu l-Insara, li Eva tnisslet mir-raġel u li kienet hi l-bidu tad-dekadenza spiritwali meta waqqgħet lir-raġel fit-tentazzjoni tat-tuffieħa. Fil-Koran hemm mijiet ta’ passaġġi li lill-mara jqiegħduha fiċ-ċentru ta’ attivitajiet soċjali u politiċi ta’ importanza kbira.
Kultant ninsew, li anki fid-dinja mhux Musulmana u avvanzata, l-emanċipazzjoni tal-mara hu żvilupp riċenti u li xorta f’ħafna ċrieki politiċi u soċjali l-mara għadha fi żvantaġġ.
Kultant ninsew li sal-lum, f’ħafna kulturi Ewro-Mediterranji, il-mara wkoll għadha trattata bħala xi appendiċi tar-raġel u minkejja kemm nitkażaw, is-soċjetà Maltija hi waħda minnhom. Nitkażaw bl-Islam għax fil-bażi ta’ kollox hemm preġudizzji reliġjużi li ħafna drabi lanqas nintebħu bihom.
Għalkemm miniex Islamiku u lanqas għandi xewqa li nkun, nirrifjuta li nkun programmat.
PEPPI
Darba kont noqgħod fi flat. Fuqi kienet toqgħod familja Amerikana u taħti familja Għarbija. Meta kont ngħid dan man-nies kienu jgħiduli ‘Ara mela kemm ikollok xi tgħid mal-Għarab ta’ taħtek’.
Ma kinux jemmnuni li ma kelli ebda problema magħhom. Anzi mal-familja Għarbija konna sirna qisna familja. Meta kont nistaqsi lin-nies għala jgħidu hekk kienu jgħiduli ‘Għax kulfejn ikunu dawn l-Għarab problemi joħolqu’. Mill-ewwel kont nistaqsihom jekk qatt kellhomx xi esperjenza diretta ta’ dan. Il-parti l-kbira minnhom kienu jwieġbu li semgħu dawn l-istejjer minn terzi persuni u kważi kollha ma kinux jiftakru minfejn kienu semgħuhom. Kont nintebaħ mill-ewwel li din mhi xejn ħlief kwistjoni ta’ preġudizzju.
Kont naqbad argument sħun ma’ ħafna dwar dawn il-preġudizzji li ma niflaħx nismagħhom aktar. Iżda mbagħad kienet tasal id-domanda diffiċli: ‘Kieku ibnek kellu jiżżewweġ Musulmana int tkun kuntent?’
Ir-risposta tiegħi mhix iva jew le imma skond. Kif ngħid hekk kulħadd jibda jgħajjat li jien razzist ukoll mingħajr ma ħadd jagħtini iċ-ċans nispjega. F’dan l-artiklu ġieni ċ-ċans li ngħid għaliex u se nipprova.
Ngħid ‘skond’ għax jien ma nkunx kuntent li ibni jiżżewweġ lil xi ħadd li jibbaża kollox fuq ir-reliġjon li jemmen u li jaħseb li r-reliġjon tiegħu jew tagħha hi eskussiva, l-aqwa, l-aħjar u li mingħajrha ma tistax issalva. Tinkwetani aktar jekk din it-tfajla tkun taħseb li dawk kollha li ma jemmnux bħalha għandhom problema u li l-liġijiet tal-pajjiż għandhom jobbligaw lin-nies biex jemmnu bħalha. Iva, inkun inkwetat jekk ibni jiżżewweġ persuna li temmen hekk u li jekk ikollu t-tfal jitrabbew f’dik il-mentalità.
Inkun inkwetat jekk ibni jiżżewweġ kattolika li tirraġuna b’dan il-mod. Inkun inkwetat jekk ibni jiżżewweġ Born Again Ċhristian li tirraġuna b’dan il-mod. Mhix kwistjoni ta’ Musulmani. Hija kwsitjoni ta’ reliġjon. Ovvja, m’hemmx għalfejn ngħid li minkejja li ninkwieta nħalli lil ibni fil-libertà li jagħmel din l-għażla.
Iżda mhux kulmin iħaddan reliġjon jemmen li tiegħu hi l-aqwa, l-aħjar u li kulħadd irid jemmen bħalu. Naf irġiel Musulmani miżżewġa nisa Kattoliċi li m’għandhom l-ebda problema li jgħixu r-reliġjon differenti tagħhom. Anzi din id-differenza jiċċelebrawha. Għax fiha s-sabiħ li żewġ reliġjonijiet jiltaqgħu u jitħalltu flimkien. U jgħixu flimkien.
L-isfortuna hi li l-perċezzjoni tagħna tal-Musulmani hi storduta b’dak li naraw fil-media. Aħna naħsbu li l-Musulmani huma kollha persuni li lesti jdawru bomba ma’ żaqqhom u jmorru jisplodu lilhom infushom u lill-oħrajn għax jaħsbu li meta jmutu se jsibu seba’ nisa verġni jistennewhom biex jagħmlu orġja flimkien.
Ninkwieta kieku omm ibni trabbi lin-neputijiet tiegħi hekk. Iżda dawn huma minoranza żgħira. Bħalma huma minoranza żgħira dawk il-Kattoliċi li għax huma kontra l-abort imorru joqtlu lit-tabib u lil omm fi klinika li tagħmel l-abort. Bl-istess mod, daqskemm huma perikolużi dawk is-setet li anki jiddeċiedu li jagħmlu suwiċidju kollettiv ftit qabel ma, skond huma, tkun se tispiċċa d-dinja.
Tkompli tikkomplika ruħha meta r-reliġjon ma tibqax biss twemmin personali iżda jinxtered bħala kultura u mentalità kollettiva ta’ poplu. Din hi l-biża’ ta’ xi wħud li jemmnu li jekk ikollna ħafna Musulmani f’Malta dawn jieħdu over.
Li din il-ħaġa tiġri llum hi fantasija. Il-kultura tagħna bħala poplu tqarreb lejn dik Ewropea fejn kulħadd għandu jew għandha t-twemmin tiegħu jew tagħha b’mod personali ħafna. Anzi naħseb li sejrin f’era fejn it-twemmin ivarja skond issues tal-mument u ċ-ċirkostanzi li tkun tinstab fihom.
Ir-reliġjon qed tieħu l-forma ta’ komunikazzjoni tiegħi mat-twemmin tiegħi, li nipprova ngħixu imma li mhux nipprova nimponih l-aktar għax dak li se nippriedka llum naf nibdlu jiena stess għada. Għax jinbidel allura mhux dommatiku u allura ma jistax jilħaq ikun ta’ kulħadd. Għax jinbidel ma nistax nippretendi li kulħadd jemmen bħali meta jiena stess inkun għext il-bidla kontinwa ta’ dak li nkun emmint, qed nemmen, jew se nemmen ’il quddiem.
F’dan is-sens il-biża’ li xi ħadd se jaqlibna bħalu trid issir fil-kuntest ta’ aħna min aħna? X’inhi din il-kultura li se jeħdoluna? X’inhu dan it-twemmin li se jeħdulna? Jew aħna lanqas għadna nemmnu b’dak li trabbejna fih se nibdew nemmnu f’dak li se jkun impurtat minn barra? X’ma nistax nifhem hu kif aħna dejjem naħsbu li t-twemmin ta’ dawk li jiġu minn barra jbiddel lilna mingħajr ma nifhmu li jista’ jkun li aħna qed inbiddlu lilhom. Mingħajr ma nifhmu li aħna qed ninbidlu flimkien permezz ta’ xulxin.
M’hemmx għalfejn ninbidlu bid-dħul ta’ twemmin ieħor f’pajjiżna. Jinbidlu dawk li telqu mill-istess twemmin. Ninbidlu fuq il-kompjuter meta bil-lejl ir-raġel Malti ta’ 44 sena jista’ jiċċettja għal lejl sħiħ bħala mara mill-Brażil li għandha 20 sena. Tistgħu tgħiduli dan x’kultura u reliġjon iħaddan?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt