11 ta' Frar 2007
Żewġ pulizija wara l-‘ħtif’ ta’ mara
Żewġ pulizija kienu qed ikunu investigati fl-aħħar ġimgħat b’rabta ma’ ‘ħtif’ ta’ mara fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Il-Korp tal-Pulizija ikkonferma ma’ din il-gazzetta li bħalissa qed jittieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn iż-żewġ kuntistabbli.
Kienet Illum li ġimagħtejn ilu żvelat kif it-tmexxija ta’ l-ajruport talbet lill-Pulizija tinvestiga dak li kien imsejħa “xnigħat” ta’ abbuż fil-mitjar Malti.
L-istorja taf il-bidu tagħha f’Novembru li għadda meta allegatament, xi persuni żammew mara, x’aktarx fattiga, maqfula kontra l-volontà tagħha f’kamra. Mhux magħruf jekk kienx hemm abbuż fiżiku jew każ ta’ fastidju sesswali hekk kif id-dettalji ta’ din l-istorja nżammew mistura. Madankollu fil-kuriduri ta’ l-ajruport sa ssemmiet anki verżjoni li l-mara ntrabtet b’manetti f’kamra b’ċajta.
Iżda dak li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ddeskriva bħala “xnigħat” irriżulta li kien minnu hekk kif kompliet l-investigazzjoni interna tal-Pulizija u fl-aħħar ġimgħat tat riżultati pożittivi.
Il-Korp tal-Pulizija kkonferma biss li bdew proċeduri dixxiplinarji fil-konfront taż-żewġ pulizija. Mhux konfermat x’tip ta’ passi qed jittieħdu u jekk bħala parti mill-proċedura interna ż-żewġ kuntistabbli humiex se jkunu sospiżi mill-Korp jew le.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt