11 ta' Frar 2007
Kantanti ma ġabrux 800 biljett b’xejn
Julia Farrugia
Jekk hux b’bojkott għax id-diska tagħhom ma ntgħażlitx għall-finali tal-Festival tal-Kanzunetta Maltija jew inkella għax ippreferew jaraw is-semifinali mid-dar, mal-200 kantant għażlu li ma jiġbrux biljetti b’xejn offruti lilhom miċ-Ċentru tal-Fieri u Konferenzi f’Ta’ Qali (MFCC).
Għall-festival ta’ din is-sena kienu sottomessi 228 kanzunetta. Sittax minnhom biss waslu sas-semifinali tal-Ħamis filgħaxija.
It-tmexxija tal-MFCC għażlet li bħala turija ta’ rikonoxximent toffri biljett b’xejn għas-semifinali lill-kantanti, kompożituri u awturi li l-kanzunetta tagħhom m’għamlithiex sa din il-fażi. Madankollu, il-maġġoranza assoluta tal-kantanti ma ġabrux dawn il-biljetti.
Mitlub jikkonferma jekk din l-istorja hix minnha jew le, Ruben Caruana, Direttur Maniġerjali tal-MFCC ikkonferma: “hu minnu. Kienu biss żewġ kantanti li bagħtu jirringrazzjawna waqt li l-oħrajn lanqas biss ġabru l-biljett. Jiddispjaċik b’dan l-atteġġjament. Aħna tajna dawn il-biljetti għax tassew nemmnu fil-kantanti Maltin.”
Mitlub jikkummenta dwar l-esperjenza fil-Maltasong, Ruben Caruana qal li “kummerċjalment xtaqna morna aħjar. Xtaqna biegħna aktar biljetti.”
Il-kumpanija xtrat il-festival għall-prezz ta’ Lm36,000 wara li rebħet l-offerta maħruġa mill-Awtoritajiet. Ma’ dan kellu jsir investiment qawwi primarjament fuq dwal, stage u sound flimkien ma’ preparamenti loġistiċi oħra. L-ispiża kollha telgħet għal Lm70,000. Caruana qal li dawn l-ispejjeż ma kinux koperti mid-dħul u l-bejgħ ta’ biljetti madankollu l-esperjenza tal-ġimgħa li għaddiet qed titqies bħala parti importanti għas-CV tal-kumpanija.
Il-ħsieb hu biex jekk Malta xi darba tirbaħ il-Eurovision, il-kumpanija tkun tat il-prova li kapaċi ttella’ hi dan l-avveniment.
“Aħna bħala kumpanija kapaċi ntellgħu l-Eurovision f’pajjiżna, ovvjament b’baġit li jkun akbar minn dak li kellna fi tmiem il-ġimgħa,” sostna Ruben Caruana.
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt