11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
Trid tidher fuq l-MTV?

Ħallas €28,000!

Karl Stagno-Navarra

Trid tidher fuq l-MTV? Mela trid tħallas €28,000! Kienet din it-tweġiba immedjata li ħasdet lill-kantant żagħżugħ Klinsmann Coleiro meta Grace Borg, f’isem il-kumpannija Euromedia, aġenti lokali tan-network televiżiv internazzjonali MTV, avviċinat lill-kantant żagħżugħ wara t-tielet post li kiseb fil-festival Kanzunetta għall-Ewropa.
Klinsmann Coleiro kien imfaħħar minn Grace Borg għas-suċċess miksub bil-kanzunetta She gives me Wings, u wara li spjegatlu kemm tixtieq tara li l-kanzunetta tiegħu tkun reklamata fuq l-MTV, sparatlu ċ-cifra ta’ €28,000 li huma ekwivalenti għal ftit anqas minn Lm12,000.
Kelliem għall-kantant spjega li l-proposta lanqas kienet biex jidher il-video tal-kanzunetta iżda għal 21 spot ta’ ftit sekondi, li meta wieħed jagħmel kalkolu jsib li bejn wieħed u ieħor il-valur ta’ kull spot hu ta’ madwar Lm500.
“Jekk Grace Borg temmen daqshekk fil-kanzunetta ta’ Klinsmann, allura jmissha tippromwovih hi u mhux hu jrid jiffinanzja proposta tagħha stess,” qal il-kelliem.
Ikkuntattjata minn din il-gazzetta Grace Borg qalet li ma tistax tiftakar xi prezz ikkwotat, madankollu qaltilna li seta’ kien prezz tar-rate card stabbilita u li tkun suġġetta għal negozjati mal-kantant u tinżel fil-valur.
Grace Borg ikkonfermat ukoll li qed tikteb lill-artisti kollha li ħadu sehem fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa u qed tipproponilhom offerti biex jidhru fuq l-MTV.
Ikkonfermat ukoll li bħala Euromedia, li hi aġenzija tar-reklamar, tieħu commission fuq il-bejgħ ta’ l-ispots fuq l-MTV u l-pakkett kollu li qed ikun offrut lill-kantanti Maltin.
Skond Grace Borg, l-offerti li qed tipproponi lill-artisti huma tajbin ħafna, inkluż ukoll offerta għall-promozzjoni tal-kanzunetta rebbieħa tal-festival, Vertigo, ta’ Olivia Lewis.
Hu mifhum li Grace Borg avviċinat lil Philip Vella, li hu l-kompożitur tal-kanzunetta, u kellmitu dwar l-offerta, li min-naħa tiegħu infurmaha li dwar Vertigo teħtieġ tkellem lill-bord tal-MaltaSong għaliex huma l-proprjetarji tal-jeddijiet.
Iċ-Chairperson tal-MaltaSong, Robert Abela, li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna li sal-lum la hu lanqas il-bord għadu ma’ rċieva l-ebda proposta mingħand Grace Borg.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt