11 ta' Frar 2007
Kumpens fast-track għal Charles Dimech
Karl Stagno-Navarra
Hi storja stramba dik li ddur mal-każ ta’ Charles Dimech, magħruf bħala ‘Tal-Għuda’ minn Ħaż-Żebbuġ, li tliet ġimgħat ilu kien fl-aħbarijiet wara li l-Mepa bl-għajnuna ta’ l-Armata u tal-Pulizija marret u waqqgħet sular illegali fuq l-istabbiliment tiegħu fi Triq l-Mdina f’Ħaż-Żebbuġ stess.
Hi stramba għaliex meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi dwar il-każ isib li l-istabbiliment ta’ Dimech hu ġdid fjamant għaliex reġa’ nbena mill-ġdid bi spejjeż ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) wara li biex setgħet twessgħet Triq l-Mdina saret esproprjazzjoni ta’ l-art, fosthom parti mill-istabbiliment li kellu Dimech.
Il-kwistjoni tara l-għeruq tagħha mill-fatt li hu ngħata kumpens mill-ewwel għall-esproprjazzjoni ta’ art li saritlu mill-Gvern, meta fil-verità ħafna nies li kellhom l-art tagħhom esproprijata għal skop pubbliku jafu l-agunija li jridu jgħaddu minnha biex jiġu kumpensati.
Dawn l-ewwel iridu jiktbu u mbagħad jgħaddu mill-kalvarju tal-Qorti biex forsi, wara bosta snin, dawn jircievu xi forma ta’ kumpens.
Din il-gazzetta hi infurmata li l-Gvern kien talab u kiseb l-esproprjazzjoni ta’ parti mill-art ta’ Dimech u għalhekk kulma kellu jagħmel, bħalma dejjem għamel, kien li jibgħat il-ħaddiema tiegħu fil-post u jiżgumbraw lis-sid u jibda x-xoghol.
F’dan il-każ jidher li kollox sar b’mod differenti u l-metodu wżat mill-awtoritajiet fir-rigward ta’ Dimech kien għal kollox differenti mis-soltu.
Jirriżulta li malli l-Gvern u l-ADT saru jafu li Charles Dimech kien ressaq talba lill-Qorti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni biex jipproteġi ħwejġu ma stennewx imqar ġurnata biex jaraw x’kien se jkun ir-riżultat finali tant li ħarġu bi tweġiba dakinhar stess .
Kien għall-ħabta tad-9.30 am ta’ l-4 ta’ Lulju 2005 meta Dimech ressaq talba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ADT u wara nofs inhar dakinhar stess, l-istess ADT kitbet u daħlet f’obbligazzjoni ta’ kumpens ma’ Dimech.
Mitluba jikkummentaw fuq din il-kwistjoni, esperti legali spjegaw lil din il-gazzetta li minn kif jidhru l-affarijiet, mhux eskluż ukoll il-fatt li Dimech jista’ għad għandu dritt li jitlob lill-Gvern li jingħata wkoll kumpens finanzjarju minħabba l-fatt li minn dak li ħareg s’issa, ma jidhirx li f’xi ħin Dimech iffirma xi forma ta’ dikjarazzjoni li fiha rrinunzja għal kumpens finanzjarju.
F’dan il-każ minħabba l-post fejn tinsab il-proprjetà u n-negozju li kien għaddej jista’ jitla’ għal eluf kbar tal-liri li fl-aħħar mill-aħħar se jkollu jġorr il-poplu.
Fil-fatt hu interessanti wkoll fatt ieħor, għaliex il-ftehim għall-kumpens kien iffirmat biss mill-ADT u mhux mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet jew mill-Ministru Jesmond Mugliett.
L-immedjatezza reġistrata fl-għoti tal-kumpens f’esproprjazzjoni f’dan il-każ hi probabbilment rekord fl-istorja ta’ dan il-pajjiż u jqajjem ħafna mistoqsijiet li jitolbu tweġiba.
“Kif setgħet il-Mepa ħalliet li jitla’ t-tieni sular meta dan ma kienx qed jitla’ bil-moħbi u kien qed isir waqt li kien miexi l-progett tat-twessiegħ tat-triq u fl-istess żmien li partijiet mix-xogħlijiet li saru mill-ADT fi Triq l-Mdina irriżultaw li ma kienux qed isiru skond il-permess?” Staqsa Dimech.
Dimech qed jakkuża lill-Mepa li mxiet b’mod “politiku” miegħu u sfida lill-istess Mepa kif ukoll lill-Gvern biex jintervjenu bl-istess mod kif aġixxew miegħu fuq dak li fisser bħala “skandli sfaċċati” f’bini abbużiv ieħor madwar il-pajjiż u li jikkonċernaw uffiċjali pubbliċi.
“Għaliex il-Mepa ma tibgħatx l-Armata u lill-Pulizija biex jaqilgħu t-trejqa tal-konkos fil-kampanja li għamel il-Kap Eżekuttiv ta’ l-ADT Gianfranco Selvaggi, jew tintervjeni biex taqla’ l-konkos li għamel is-Sindku Nazzjonalista tal-Munxar f’Għawdex?” staqsa Dimech.
Fil-kummenti tiegħu lil din il-gazzetta Dimech sostna li kemm il-Ministru Jesmond Mugliett kif ukoll l-ADT u l-Mepa jeħtieġu jiċċaraw it-tweġibiet “ambigwi u vagi” li ħarġu s’issa dwar il-kwistjoni tiegħu.
“Joħrog ċar li xi ħadd, x’imkien, naqas serjament u ta’ dan jeħtieġ jirrispondi, mhux lili biss iżda issa wkoll lill-poplu Malti kollu,” sostna Dimech.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt