11 ta' Frar 2007 • Nr 15

Arkivji




 

 

11 ta' Frar 2007
“Aħna l-MTA u mhux ATM!”

Karl Stagno-Navarra

“Aħna l-MTA u mhux ATM!” sostna Sam Mifsud, iċ-Chairman ta’ l-Awtorità Maltija dwar it-Turiżmu (MTA) meta wieġeb mistoqsijiet minn din il-gazzetta fuq proposta ta’ reklamar li hi rappurtata li saret lill-istess MTA minn Grace Borg f’isem il-kumpannija Euromedia.
Sam Mifsud, li kkonferma li uffiċjali ta’ l-Awtorità ltaqgħu ma’ Grace Borg, spjega li safejn kien infurmat, il-proposta għal reklamar fuq l-MTV Europe kienet tlaħħaq l-eluf tal-liri. Iżda l-kwistjoni hi li l-MTA għandha l-baġit tagħha u bħalissa qed taħdem bis-sħiħ fis-swieq ewlenin tagħha.
“Aħna l-MTA u mhux ATM (makna tal-flus) u bil-flus li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, qed nagħmlu minn kollox biex nieħdu li nistgħu mir-reklamar li għaddejjin bih bħalissa, partikolarment fl-Ingilterra fejn qed niksbu riżultati pożittivi bil-kampanja qawwija li qed issir fil-gazzetti u fuq Sky,” spjega Sam Mifsud.
Grace Borg ikkonfermat li kellha żewġ laqgħat ma’ l-MTA u l-Ministeru għat-Turiżmu dwar il-proposti tagħha.
“Ma jidhirlix li semmejt xi somma għar-reklamar. Iżda nista’ ngħid li jistgħu joħorġu b’orħos miegħi minn dak li diġà qed jonfqu,” sostniet.
Il-proposti ta’ Grace Borg jikkonċernaw kemm reklamar għal Malta kif ukoll promozzjoni għall-kanzunetta Vertigo ta’ Olivia Lewis li rebħet il-festival Malta Song for Europe.
“S’issa ma rċevejt l-ebda risposti konkreti mingħand il-Ministeru jew mill-MTA dwar il-proposti tiegħi,” qalet Grace Borg.
Fil-jiem li għaddew Grace Borg kienet qed takkumpanja lil Viviane Paxinos mill-MTV Europe fejn skond stqarrija kienu qed jiddiskutu kuntratti possibbli ma’ artisti, promoturi, l-MTA u kumpaniji privati.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt